‘Isem tajjeb aħjar minn ħafna rikkezzi’
ISEM tajjeb, jew reputazzjoni tajba, tant hi xi ħaġa taʼ valur li f’xi pajjiżi dan hu protett legalment. Dan jistaʼ jinkludi protezzjoni kontra l-malafama (sew jekk tkun bil-kliem, bil-kitba, jew imxandra fuq il-midja). Dan ifakkarna fi proverbju antik: “Aħjar jintgħażel isem tajjeb minflok ħafna rikkezzi; l-approvazzjoni [jew, ir-rispett] hi saħansitra aħjar mill-fidda u d-deheb.” (Proverbji 22:1) Kif jistaʼ jkollna isem tajjeb u r-rispett t’oħrajn? Fil-Bibbja nsibu suġġerimenti mill-aqwa.
Pereżempju, ikkunsidra dak li tgħid il-Bibbja f’Salm 15. Biex iwieġeb il-mistoqsija, “Min se jkun mistieden fit-tinda [t’Alla]”? is-salmista kiteb: ‘Dak li jipprattika s-sewwa u jitkellem il-verità f’qalbu. Ma jimmalafamax. Lil sieħbu ma jagħmillu xejn ħażin, u ma jxerred l-ebda tmaqdir kontra l-ħabib tiegħu. F’għajnejh, kulmin hu taʼ min jistmerru għandu jitwarrab. Għalkemm dak li ħalef jistaʼ jkun taʼ ħsara għalih, xorta ma jbiddlux. Tixħim ma jaċċettax.’ (Salm 15:1-5) Kieku int ma tirrispettahx lil min jgħix b’dawn il-prinċipji mill-isbaħ?
Kwalità oħra li tgħinek tikseb ir-rispett hi l-umiltà. Proverbji 15:33 jgħid: “Qabel il-glorja hemm l-umiltà.” Aħseb dwar dan: Xi ħadd umli jara fejn jistaʼ jitjieb u jagħmel ħiltu biex jagħmel dan. Ukoll, ikun lest li jiskuża ruħu jekk ikun offenda b’xi mod lil xi ħadd. (Ġakbu 3:2) Il-kburi ma jagħmel xejn minn dan; anzi, minflok jieħu għalih malajr. Proverbji 16:18 jgħid: “Qabel tisbita jkun hemm il-kburija, u qabel it-tfixkil ikun hemm spirtu supperv.”
Imma xi ngħidu jekk xi ħadd jimmalafamak? Għandek taġixxi fis-saħna tal-mument, forsi waqt li tkun irrabjat? Staqsi lilek innifsek, ‘Jekk nipprova niddefendi ismi, se nkun minflok qed inxerred iktar il-gidba?’ Filwaqt li hemm xi drabi fejn ikun xieraq li tieħu azzjoni legali, il-Bibbja tagħtina dan il-parir għaqli: “Tgħaġġilx biex tagħmel kawża legali.” Minflok, “iddefendi l-kawża tiegħek m’għajrek.” (Proverbji 25:8, 9) * B’dan il-metodu, tkun qed tuża iktar kawtela u tistaʼ tiffranka ħafna spejjeż legali.
Il-Bibbja mhijiex sempliċement ktieb dwar ir-reliġjon. Hi ktieb taʼ min joqgħod fuqu li fih gwida għall-ħajja. Dawk kollha li japplikaw l-għerf li hemm fil-Bibbja jiżviluppaw kwalitajiet mill-isbaħ. Dan jgħin biex jiksbu isem tajjeb u rispett profond.
^ par. 5 Iktar prinċipji tal-Bibbja dwar kif tistaʼ tissolva kwistjoni nsibuhom f’Mattew 5:23, 24; 18:15-17.