ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 5
“Il-Kap taʼ Kull Raġel Hu l-Kristu”
“Il-kap taʼ kull raġel hu l-Kristu.”—1 KOR. 11:3.
GĦANJA 12 Kbir Alla Ġeħova
ĦARSA BIL-QUDDIEM *
1. X’jistaʼ jinfluwenza l-mod kif raġel jittratta lill-mara u t-tfal tiegħu?
XI JFISSER li xi ħadd ikollu l-awtorità, bħal pereżempju, ikun kap taʼ familja? Xi rġiel ħallew it-tradizzjoni, il-kultura, jew kif trabbew jinfluwenza l-mod kif jittrattaw il-mara u t-tfal. Innota x’tgħid Yanita, oħt li tgħix fl-Ewropa, “Fejn ngħix jien, in-nies jemmnu li n-nisa huma inferjuri mill-irġiel u għandhom jitqiesu bħala lsiera.” U ħu jismu Luke, li jgħix fl-Istati Uniti, jgħid, “Xi missirijiet jgħallmu lit-tfal subien tagħhom li dak li jgħidu n-nisa mhux importanti. Għalhekk, l-irġiel m’għandhomx jagħtu kas dak li jgħidu.” Però, Ġeħova ma jridx li l-irġiel miżżewġin jittrattaw lin-nisa tagħhom b’dan il-mod. (Qabbel Marku 7:13.) Allura raġel kif jistaʼ jitgħallem ikun kap taʼ familja tajjeb?
2. Kap taʼ familja x’għandu jkun jaf, u għala?
2 Biex ikun kap taʼ familja tajjeb, l-ewwel ir-raġel għandu jifhem dak li Ġeħova jitlob minnu. Hu għandu jkun jaf ukoll għala Ġeħova ppermetta li xi wħud ikollhom l-awtorità fuq oħrajn, u kif jistaʼ jimita l-eżempju taʼ Ġeħova u Ġesù. Għala huwa importanti li raġel ikun jaf dawn l-affarijiet? Għax Ġeħova ta xi awtorità lill-kapijiet tal-familja, u hu jistenna li huma jużawha sew.—Lq. 12:48b.
XI JFISSER LI RAĠEL IKUN KAP TAʼ FAMILJA?
3. X’nitgħallmu minn dak li tgħid il-Bibbja fl-1 Korintin 11:3?
3 Aqra l-1 Korintin 11:3. Dan il-vers jiddeskrivi kif Ġeħova organizza l-familja tiegħu fis-sema u fuq l-art. Li raġel ikun kap taʼ familja jinvolvi żewġ affarijiet importanti—awtorità u responsabbiltà. Ġeħova hu “l-kap,” jew l-iktar wieħed li għandu awtorità, u t-tfal tiegħu kollha, kemm l-anġli kif ukoll in-nies, iridu jagħtu kont lilu. (Rum. 14:10; Efes. 3:14, 15) Ġeħova ta lil Ġesù l-awtorità li jkun il-kap tal-kongregazzjoni, imma Ġesù jrid jagħti kont lil Ġeħova għal mod kif jittrattana. (1 Kor. 15:27) Ġeħova ta l-awtorità wkoll lill-irġiel miżżewġin fuq in-nisa u t-tfal tagħhom, imma l-irġiel miżżewġin iridu jagħtu kont kemm lil Ġeħova kif ukoll lil Ġesù għal mod kif jittrattaw lill-familja tagħhom.—1 Pt. 3:7.
4. Ġeħova u Ġesù liema awtorità għandhom?
4 Minħabba li Ġeħova huwa l-Kap tal-familja universali, hu għandu l-awtorità biex jagħmel regoli dwar kif it-tfal tiegħu għandhom jaġixxu u jara li jobduhom. (Is. 33:22) Ġesù, minħabba li hu l-kap tal-kongregazzjoni, ukoll għandu d-dritt li jagħmel regoli u jara li nobduhom.—Gal. 6:2; Kol. 1:18-20.
5. X’awtorità għandu kap taʼ familja Kristjana, u x’limiti għandha l-awtorità tiegħu?
5 Bħal Ġeħova u Ġesù, kap taʼ familja Kristjana għandu l-awtorità li jieħu deċiżjonijiet għall-familja tiegħu. (Rum. 7:2; Efes. 6:4) Però, l-awtorità tiegħu għandha l-limiti. Pereżempju, ir-regoli tiegħu għandhom ikunu bbażati fuq il-prinċipji li nsibu fil-Kelma t’Alla. (Prov. 3:5, 6) U kap taʼ familja m’għandux l-awtorità biex jagħmel regoli għal oħrajn li ma jagħmlux parti mill-familja tiegħu. (Rum. 14:4) Ukoll, meta t-tfal tiegħu jikbru u jitilqu mid-dar, hu ma jibqax il-kap tagħhom. Però, huma jibqgħu jirrispettawh.—Mt. 19:5.
ĠEĦOVA GĦALA GĦAMEL ARRANĠAMENT BIEX UĦUD IKOLLHOM L-AWTORITÀ?
6. Ġeħova għala ta l-awtorità lil uħud?
6 Ġeħova ta l-awtorità lil uħud għax iħobb lill-familja tiegħu. Din l-awtorità hija rigal mingħandu. Permezz taʼ dawk li għandhom l-awtorità, il-familja taʼ Ġeħova tistaʼ tkun organizzata u tibqaʼ magħquda. (1 Kor. 14:33, 40) Jekk ma nkunux nafu min għandu l-awtorità, il-familja taʼ Ġeħova se tkun diżorganizzata u mhux se tkun ferħana. Pereżempju, ħadd ma jkun jaf min għandu jieħu l-aħħar deċiżjonijiet u jara li qed jitwettqu.
7. Skont Efesin 5:25, 28, Ġeħova kif irid li l-irġiel jittrattaw lin-nisa tagħhom?
7 Jekk hu tajjeb li l-irġiel ikollhom l-awtorità fil-familja, għala ħafna nisa jħossu li l-irġiel tagħhom ma jittrattawhomx sew u jikkontrollawhom? Għax ħafna rġiel jinjoraw il-livelli taʼ Ġeħova għall-familja u minflok jagħżlu li jagħmlu kif ikunu mdorrijin. Huma jaf jabbużaw min-nisa tagħhom biex jissodisfaw ix-xewqat egoistiċi tagħhom. Pereżempju, raġel miżżewweġ jaf jiddomina lill-mara tiegħu biex iħossu iktar importanti jew biex juri lil oħrajn li mhux dgħajjef. Hu forsi jaħseb li ma jistax jisforza lill-mara tiegħu biex tħobbu, imma jistaʼ jġegħelha tibżaʼ minnu. U hu għandu mnejn juża din il-biżaʼ biex jikkontrollaha. * Irġiel li jaħsbuha b’dan il-mod u li jagħmlu dawn l-affarijiet qed jiżbaljaw. Huma ma jirrispettawx lin-nisa tagħhom kif jixraq, u dak li jagħmlu huwa l-oppost taʼ dak li jrid Ġeħova.—Aqra Efesin 5:25, 28.
RAĠEL MIŻŻEWWEĠ KIF JISTAʼ JKUN KAP TAJJEB?
8. Raġel miżżewweġ kif jistaʼ jitgħallem ikun kap taʼ familja tajjeb?
8 Raġel jistaʼ jitgħallem ikun kap taʼ familja tajjeb billi jimita l-mod kif Ġeħova u Ġesù jużaw l-awtorità tagħhom. Ikkunsidra biss żewġ kwalitajiet li wrew Ġeħova u Ġesù, u nnota kif kap taʼ familja jistaʼ juża dawn il-kwalitajiet mal-mara u t-tfal tiegħu.
9. Ġeħova kif juri l-umiltà?
9 L-umiltà. Ġeħova huwa l-iktar wieħed għaref, però hu xorta jismaʼ l-opinjonijiet tal-qaddejja tiegħu. (Ġen. 18:23, 24, 32) Hu ppermetta lil dawk li qegħdin taħt l-awtorità tiegħu jgħidulu s-suġġerimenti tagħhom. (1 Slat. 22:19-22) Ġeħova hu perfett, imma hu ma jistenniex li aħna nkunu perfetti. Minflok, hu jgħin lil dawk li jaqduh biex jirnexxu. (Salm 113:6, 7) Fil-fatt, il-Bibbja tgħid li Ġeħova hu “l-għajnuna” tagħna. (Salm 27:9; Ebr. 13:6) Is-Sultan David qal li hu kien kapaċi jwettaq ix-xogħol kbir li għamel minħabba li Ġeħova hu umli u għenu.—2 Sam. 22:36.
10. Ġesù kif wera l-umiltà?
10 Ejja nieħdu l-eżempju taʼ Ġesù. Minkejja li hu kien is-Sid tad-dixxipli tiegħu, hu ħaslilhom saqajhom. Għala taħseb li Ġeħova kiteb dan ir-rakkont fil-Bibbja? Biex jagħti eżempju lil kulħadd, inkluż lill-kapijiet tal-familja. Ġesù stess qal: “Ħallejtilkom mudell sabiex, bħalma għamiltilkom jien, tagħmlu intom ukoll.” (Ġw. 13:12-17) Minkejja li Ġesù kellu ħafna awtorità, ma stenniex li jkun moqdi. Minflok, hu qeda lil oħrajn.—Mt. 20:28.
11. Kap taʼ familja x’jistaʼ jitgħallem dwar l-umiltà mill-eżempju taʼ Ġeħova u Ġesù?
11 Lezzjonijiet għalina. Jekk kap taʼ familja jkun umli se jidher b’diversi modi. Pereżempju, hu ma jistenniex li l-mara u t-tfal tiegħu jkunu perfetti. Hu jismaʼ l-opinjonijiet tagħhom anki meta ma jkunux jaqblu maʼ tiegħu. Marley, li tgħix fl-Istati Uniti, tgħid: “Jien u r-raġel xi kultant ikollna opinjonijiet differenti. Imma jien naf li hu japprezzani u jirrispettani, għax hu jitlob l-opinjoni tiegħi u jikkunsidra dak li ngħidlu qabel jieħu deċiżjoni.” Barra minn hekk, raġel umli jkun
lest li jgħin fix-xogħol tad-dar, anki jekk fejn ikun jgħix ikun jitqies bħala xogħol tan-nisa. Dan jistaʼ jkun taʼ sfida. Għala? Oħt jisimha Rachel, tgħid, “Fejn trabbejt, jekk raġel jgħin lill-mara tiegħu taħsel il-platti jew tnaddaf id-dar, il-ġirien u tal-familja jaħsbu li l-mara tikkmandah.” Jekk fejn tgħix int in-nies jaħsbuha hekk, ftakar li Ġesù ħasel saqajn id-dixxipli tiegħu minkejja li kien xogħol li kienu jagħmlu l-ilsiera. Kap taʼ familja tajjeb mhux importanti għalih x’jaħsbu oħrajn dwaru, imma hu jkun irid jagħmel il-mara u t-tfal ferħanin. Minbarra l-umiltà, liema kwalità oħra hija importanti għal kap taʼ familja tajjeb?12. L-imħabba xi mmotivathom jagħmlu lil Ġeħova u lil Ġesù?
12 L-imħabba. Dak kollu li jagħmel Ġeħova hu mmotivat mill-imħabba. (1 Ġw. 4:7, 8) Hu wera li jħobbna u li jridna nkunu l-ħbieb tiegħu billi tana l-Bibbja u l-organizzazzjoni tiegħu. Għax nafu li jħobbna, inħossuna protetti. U xi ngħidu għall-affarijiet materjali li jkollna bżonn? Ġeħova “jagħtina kollox b’mod għani għat-tgawdija tagħna.” (1 Tim. 6:17) Meta niżbaljaw hu jikkoreġina, imma xorta jibqaʼ jħobbna. Ġeħova tant iħobbna li pprovda l-fidwa għalina. U Ġesù wkoll iħobbna ħafna għax kien lest li jmut għalina. (Ġw. 3:16; 15:13) Xejn ma jistaʼ jwaqqaf lil Ġeħova u lil Ġesù milli jħobbu lil dawk li huma leali lejhom.—Ġw. 13:1; Rum. 8:35, 38, 39.
13. Għala hu importanti li kap taʼ familja juri li jħobb il-familja tiegħu? (Ara wkoll il-kaxxa “ Raġel li Għadu Kif Iżżewweġ Kif Jistaʼ Jikseb ir-Rispett taʼ Martu?”)
13 Lezzjonijiet għalina. Kulma jagħmel kap taʼ familja għandu jkun immotivat mill-imħabba. Dan għala hu importanti ħafna? L-appostlu Ġwanni kiteb: “Għax min ma jħobbx lil ħuh, li jarah, ma jistax ikun li jħobb lil Alla, li ma jarahx.” (1 Ġw. 4:11, 20) Raġel li jħobb lill-familja tiegħu u li jrid jimita lil Ġeħova u lil Ġesù se jieħu ħsieb il-bżonnijiet tal-familja, jara li jkollha ħbiberija tajba maʼ Ġeħova, u li tħossha protetta. (1 Tim. 5:8) Hu jgħallem u jikkoreġi lit-tfal tiegħu. Ukoll, se jkompli jitgħallem biex jieħu deċiżjonijiet li jġibu unur lil Ġeħova u li jkunu taʼ benefiċċju għall-familja tiegħu. Issa ejja nikkunsidraw dawn l-affarijiet waħda waħda, u naraw kif kap taʼ familja jistaʼ jimita lil Ġeħova u lil Ġesù.
KAP TAʼ FAMILJA X’GĦANDU JAGĦMEL?
14. Kap taʼ familja kif jgħin lill-familja tiegħu tersaq qrib Ġeħova?
14 Jipprovdi l-bżonnijiet spiritwali lill-familja tiegħu. Ġesù wera li kien bħal Missieru għax hu ried jgħin lid-dixxipli tiegħu jkollhom fidi soda. (Mt. 5:3, 6; Mk. 6:34) Bl-istess mod, l-iktar ħaġa importanti għal kap taʼ familja hi li jgħin lill-familja tiegħu tkun qrib Ġeħova. (Dt. 6:6-9) Hu jagħmel dan billi jkun ċert li hu u l-familja tiegħu jistudjaw il-Kelma t’Alla, jattendu għal-laqgħat, jippritkaw l-aħbar tajba, u jsiru u jibqgħu ħbieb taʼ Ġeħova.
15. Kap taʼ familja kif jistaʼ jgħin lill-familja tiegħu tħossha protetta?
15 Jgħin lill-familja tiegħu tħossha protetta. Ġeħova qal quddiem oħrajn li hu jħobb lil Ġesù. (Mt. 3:17) Spiss, Ġesù b’dak li qal u għamel wera li kien iħobb lid-dixxipli tiegħu. Id-dixxipli tiegħu wkoll qalulu li jħobbuh. (Ġw. 15:9, 12, 13; 21:16) Kap taʼ familja juri lill-mara u t-tfal li jħobbhom b’dak li jagħmel, bħal pereżempju, jistudja l-Bibbja magħhom. Hu għandu wkoll jgħidilhom li jħobbhom u li huma prezzjużi għalih, u meta jkun xieraq ifaħħarhom quddiem oħrajn.—Prov. 31:28, 29.
16. Kap taʼ familja x’għandu jagħmel, u x’għandu jevita?
16 Jipprovdi l-bżonnijiet tal-familja tiegħu. Ġeħova ħa ħsieb li l-Iżraelin ikollhom l-affarijiet bżonjużi, anki meta kienu ddixxiplinati minħabba li m’obdewhx. (Dt. 2:7; 29:5) Illum, Ġeħova jipprovdi wkoll l-affarijiet bażiċi li jkollna bżonn. (Mt. 6:31-33; 7:11) Bl-istess mod, Ġesù pprovda l-ikel lil dawk li segwewh. (Mt. 14:17-20) Hu fejjaq ukoll lil dawk li kienu morda. (Mt. 4:24) Biex jogħġob lil Ġeħova, kap taʼ familja jrid imantni lill-familja tiegħu. Però, hemm xi ħaġa li għandu jevita. Hu m’għandux iqattaʼ ħafna ħin fix-xogħol sekulari sal-punt li ma jiħux ħsieb il-familja tiegħu b’mod spiritwali u emozzjonali.
17. Ġeħova u Ġesù kif iħarrġuna u jiddixxiplinawna?
17 Jipprovdi taħriġ. Ġeħova jħarriġna u jiddixxiplinana għall-ġid tagħna. (Ebr. 12:7-9) Ġesù, bħal Missieru, jgħallem bi mħabba lil dawk li huma taħt l-awtorità tiegħu. (Ġw. 15:14, 15) Ġesù jiddixxiplinana imma dejjem juri ħniena. (Mt. 20:24-28) Hu jifhem li aħna imperfetti u li spiss niżbaljaw.—Mt. 26:41.
18. Kap taʼ familja x’għandu jiftakar?
18 Kap taʼ familja li jimita lil Ġeħova u lil Ġesù jiftakar li l-mara u t-tfal mhumiex perfetti. Hu ma jittrattahomx bl-‘aħrax.’ (Kol. 3:19) Minflok, hu japplika l-prinċipju f’Galatin 6:1 u jipprova jgħinhom “bi spirtu taʼ ħlewwa,” għax jiftakar li hu imperfett ukoll. Bħal Ġesù, hu jirrealizza li l-aħjar mod biex jgħallem hu bl-eżempju.—1 Pt. 2:21.
19-20. Meta kap taʼ familja jieħu deċiżjoni, kif jistaʼ jimita lil Ġeħova u lil Ġesù?
19 Ma jiħux deċiżjonijiet għall-interessi personali tiegħu. Ġeħova jieħu deċiżjonijiet għall-benefiċċju t’oħrajn. Pereżempju, hu ħalaq il-ħajja mhux għall-benefiċċju tiegħu, imma biex aħna nkunu nistgħu ngawdu l-ħajja. Ħadd ma ġiegħlu jagħti lil Ibnu biex ipatti għad-dnubiet tagħna. Hu għamel dan għax ried jgħinna. Ġesù wkoll ħa deċiżjonijiet li għenu lil oħrajn. (Rum. 15:3) Pereżempju, meta kien għajjien ħafna, hu qagħad jgħallem lill-folla kbira taʼ nies minflok ma mar jistrieħ.—Mk. 6:31-34.
20 Kap taʼ familja tajjeb jaf li waħda mill-iktar affarijiet diffiċli hi li jieħu deċiżjonijiet tajbin għall-familja tiegħu. Din ir-responsabbiltà hi importanti ħafna għalih. Hu għandu jevita li jagħmel regoli għal xejn b’xejn jew skont kif ikun qed iħossu dak il-ħin. Minflok, hu jħalli lil Ġeħova jgħallmu kif jieħu deċiżjonijiet tajbin. * (Prov. 2:6, 7) B’dan il-mod, hu jkun qed jaħseb f’oħrajn mhux fih innifsu.—Flp. 2:4.
21. X’se nikkunsidraw fl-artiklu li jmiss?
21 Ġeħova ta lill-kapijiet tal-familja inkarigu diffiċli, u hu jistenna li jagħmlu l-almu tagħhom biex iwettqu l-inkarigu sew. Imma jekk raġel miżżewweġ jaħdem iebes biex jimita l-eżempju taʼ Ġeħova u Ġesù, hu se jkun kap taʼ familja tajjeb. U jekk il-mara tiegħu twettaq ir-responsabbiltajiet tagħha fil-familja, iż-żwieġ tagħhom se jkun b’saħħtu. Mara miżżewġa kif għandha tqis ir-responsabbiltajiet taʼ żewġha bħala l-kap tagħha? U liema diffikultajiet jistaʼ jkollha? L-artiklu li jmiss se jwieġeb dawn il-mistoqsijiet.
GĦANJA 16 Faħħru lil Jah għal Ibnu l-Midluk
^ par. 5 Meta raġel jiżżewweġ, hu jsir kap taʼ familja. F’dan l-artiklu se niddiskutu x’awtorità Ġeħova ta lil oħrajn, għala Ġeħova għamel dan, u x’jistgħu jitgħallmu l-irġiel mill-eżempju taʼ Ġeħova u Ġesù. Fit-tieni artiklu taʼ din is-serje se nikkunsidraw x’jistgħu jitgħallmu l-irġiel u n-nisa miżżewġin minn Ġesù u eżempji oħrajn li nsibu fil-Bibbja. U fit-tielet artiklu se niddiskutu kif l-aħwa rġiel għandhom jużaw l-awtorità tagħhom fil-kongregazzjoni.
^ par. 7 L-idea li raġel jistaʼ jittratta ħażin lill-mara tiegħu, anki jabbużaha fiżikament, xi kultant tidher fil-films, fid-drama, u anki fil-kotba. Għalhekk, in-nies forsi jaħsbu li mhux ħażin li raġel jiddomina lil martu.
^ par. 20 Għal iktar informazzjoni dwar kif tieħu deċiżjonijiet tajbin ara l-artiklu “Ħu Deċiżjonijiet li Jonoraw lil Alla” fil-ħarġa taʼ It-Torri tal-Għassa tal-15 t’April 2011, paġni 13-17.