Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-​ISTUDJU 8

Kif Tibqaʼ Ferħan Meta Tiffaċċja l-​Provi

Kif Tibqaʼ Ferħan Meta Tiffaċċja l-​Provi

“Qisuh bħala ferħ mill-​akbar, ħuti, meta tiltaqgħu maʼ diversi provi.”—ĠAK. 1:2.

GĦANJA 111 Ir-​raġunijiet tagħna għall-​ferħ

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1-2. Skont Mattew 5:11, kif għandna nqisu l-​provi?

ĠESÙ wiegħed lid-​dixxipli tiegħu li huma jistgħu jkunu ferħanin. U lil dawk li jħobbuh qalilhom ukoll li kienu se jiffaċċjaw il-​provi. (Mt. 10:22, 23; Lq. 6:20-​23) Aħna ferħanin li aħna dixxipli taʼ Kristu. Imma kif inħossuna meta l-​familja tagħna tipprova twaqqafna milli naqdu lil Ġeħova? il-​gvernijiet jippersegwitawna? il-​kollegi tax-​xogħol jew dawk fl-​iskola jipprovaw iġegħluna nagħmlu xi ħaġa ħażina? Meta naħsbu dwar dawn l-​affarijiet, jistaʼ jkun li nħossuna ansjużi.

2 Ħafna nies ma jqisux il-​persekuzzjoni bħala xi ħaġa li tagħmlek ferħan. Però, il-​Kelma t’Alla tgħidilna li għandna nkunu ferħanin. Pereżempju, Ġakbu kiteb li m’għandniex għalfejn naqtgħu qalbna għalkollox meta niffaċċjaw il-​problemi, imma għandna għalfejn nifirħu. (Ġak. 1:2, 12) U Ġesù qal li għandna nkunu ferħanin meta n-​nies jippersegwitawna. (Aqra Mattew 5:11.) Kif nistgħu nibqgħu ferħanin minkejja l-​provi? Aħna nistgħu nitgħallmu ħafna billi nikkunsidraw xi punti mill-​ittra li Ġakbu kiteb lill-​Kristjani tal-​bidu. L-​ewwel, ejja nikkunsidraw l-​isfidi li ffaċċjaw dawn il-​Kristjani.

IL-​KRISTJANI TAL-​BIDU XI PROVI FFAĊĊJAW?

3. X’ġara ftit wara li Ġakbu sar dixxiplu taʼ Ġesù?

3 Ftit wara li Ġakbu, ħu Ġesù mill-​omm, sar dixxiplu, il-​Kristjani f’Ġerusalemm kienu ppersegwitati. (Atti 1:14; 5:17, 18) U meta d-​dixxiplu Stiefnu ġie maqtul, ħafna Kristjani ħarbu mill-​belt u ‘nxterdu mar-​reġjuni tal-​Lhudija u tas-​Samarija,’ tant li marru Ċipru u Antjokja. (Atti 7:58-​60; 8:1; 11:19) Id-​dixxipli esperjenzaw ħafna problemi. Però, huma baqgħu jippritkaw l-​aħbar tajba kull fejn marru u rnexxielhom jifformaw kongregazzjonijiet f’ħafna postijiet. (1 Pt. 1:1) Imma wara dan, huma ffaċċjaw ħafna provi oħra.

4. Il-​Kristjani tal-​bidu liema provi oħra kellhom jiffaċċjaw?

4 Il-​Kristjani tal-​bidu esperjenzaw ħafna provi. Pereżempju, madwar is-​sena 50 wara Kristu (WK), l-​Imperatur Klawdju ordna lil-​Lhud biex jitilqu minn Ruma. Għalhekk, il-​Lhud li kienu saru Kristjani kellhom jitilqu d-​dar tagħhom u jmorru post ieħor. (Atti 18:1-​3) Madwar is-​sena 61 WK, Pawlu kiteb li n-​nies insultaw lill-​aħwa quddiem oħrajn, tefgħuhom fil-​ħabs, u ħadulhom l-​affarijiet tagħhom. (Ebr. 10:32-​34) U bħal nies oħrajn, xi Kristjani kienu fqar u morda.—Rum. 15:26; Flp. 2:25-​27.

5. Liema mistoqsijiet se nwieġbu?

5 Meta Ġakbu kiteb l-​ittra tiegħu qabel is-​sena 62 WK, hu kien jaf sew il-​provi li kienu qed jiffaċċjaw l-​aħwa. Ġeħova ggwida lil Ġakbu biex jikteb lil dawn il-​Kristjani ħalli jagħtihom pariri tajbin li setgħu jgħinuhom jibqgħu ferħanin minkejja l-​provi. Ejja neżaminaw l-​ittra taʼ Ġakbu u nwieġbu dawn il-​mistoqsijiet: X’inhu l-​ferħ li Ġakbu kiteb dwaru? X’jistaʼ jġiegħel lill-​Kristjani jitilfu l-​ferħ tagħhom? U l-​għerf, il-​fidi, u l-​kuraġġ kif jistgħu jgħinuna nibqgħu ferħanin minkejja l-​provi li niffaċċjaw?

X’JISTAʼ JGĦIN LILL-​KRISTJANI JKUNU FERĦANIN?

Bħalma fjamma tibqaʼ tixgħel għax tkun protetta ġo fanal, il-​ferħ li jagħtina Ġeħova se jibqaʼ f’qalbna (Ara paragrafu 6)

6. Skont Luqa 6:22, 23, għala l-​Kristjani jistgħu jkunu ferħanin meta jiffaċċjaw il-​provi?

6 In-​nies jaf jaħsbu li jistgħu jkunu ferħanin biss jekk ikunu f’saħħithom, ikollhom ħafna flus, u l-​familja tkun magħquda. Imma l-​ferħ li kiteb dwaru Ġakbu hu aspett wieħed mill-​frott tal-​ispirtu t’Alla u ma jiddependix miċ-​ċirkostanzi tal-​persuna. (Gal. 5:22) Kristjan jistaʼ jkun ferħan billi jkun jaf li qed jogħġob lil Ġeħova u jimxi fuq l-​eżempju taʼ Ġesù. (Aqra Luqa 6:22, 23; Kol. 1:10, 11) Il-​ferħ tagħna jistaʼ jitqabbel maʼ fjamma ġo fanal. Il-​fjamma tkun protetta mix-​xita u r-​riħ u b’hekk tibqaʼ mixgħula. Aħna wkoll nistgħu nibqgħu ferħanin minkejja dak li jkun qed jiġri fil-​ħajja tagħna. M’aħniex se nitilfu l-​ferħ tagħna meta nkunu morda jew meta ma jkollniex ħafna flus. Se nkunu ferħanin ukoll minkejja li n-​nies iwaqqgħuna għaċ-​ċajt jew tal-​familja tagħna u oħrajn jippersegwitawna. Il-​ferħ tagħna se jissaħħaħ kull darba li niffaċċjaw prova. Il-​provi li niffaċċjaw minħabba l-​fidi tagħna juru li aħna dixxipli veri taʼ Kristu. (Mt. 10:22; 24:9; Ġw. 15:20) Għalhekk Ġakbu kiteb: “Qisuh bħala ferħ mill-​akbar, ħuti, meta tiltaqgħu maʼ diversi provi.”—Ġak. 1:2.

Il-​provi għala jistgħu jkunu mqabblin mal-​proċess li jużaw biex xabla tiġi iktar b’saħħitha? (Ara paragrafu 7) *

7-8. Il-​fidi tagħna għala tissaħħaħ meta ngħaddu mill-​provi?

7 Ġakbu semma għala l-​Kristjani huma lesti li jissaportu l-​provi. Hu jgħid: “Meta l-​fidi tagħkom tgħaddi mill-​provi tipproduċi s-​sabar.” (Ġak. 1:3) Il-​provi jistgħu jkunu mqabblin mal-​proċess li jużaw biex xabla tiġi iktar b’saħħitha. Meta xabla jsaħħnuha u mbagħad ikessħuha, il-​ħadida tiġi iktar b’saħħitha. Bl-​istess mod, meta nissaportu l-​provi, il-​fidi tagħna tissaħħaħ. Għalhekk, Ġakbu kiteb: “Ħallu s-​sabar iwettaq xogħlu għalkollox, sabiex b’hekk tkunu kompluti u sħaħ f’kull aspett.” (Ġak. 1:4) Meta naraw li l-​provi qed isaħħu l-​fidi tagħna, se nissaportuhom bil-​ferħ.

8 Fl-​ittra tiegħu, Ġakbu semma wkoll xi affarijiet li jistgħu jtellfuna l-​ferħ. X’inhuma dawn l-​isfidi, u kif nistgħu negħlbuhom?

XI RRIDU NAGĦMLU BIEX MA NITILFUX IL-​FERĦ TAGĦNA?

9. Għala għandna bżonn l-​għerf?

9 L-​isfida: Meta ma nkunux nafu x’se nagħmlu. Meta jiġrilna dan, irridu nitolbu lil Ġeħova għall-​għajnuna biex nieħdu deċiżjonijiet li jogħġbu lilu, jgħinu lil ħutna, u jgħinuna nibqgħu leali lejh. (Ġer. 10:23) Aħna għandna bżonn l-​għerf biex inkunu nafu xi rridu nagħmlu u x’se ngħidu lil dawk li jippersegwitawna. Jekk ma nkunux nafu x’se nagħmlu, nistgħu nħossuna skuraġġiti u nitilfu l-​ferħ malajr.

10. Skont Ġakbu 1:5, xi rridu nagħmlu biex ikollna l-​għerf?

10 Is-​soluzzjoni: Nitolbu lil Ġeħova għall-​għerf. Jekk irridu nissaportu l-​provi tagħna bil-​ferħ, l-​ewwel irridu nitolbu lil Ġeħova biex jagħtina l-​għerf ħalli nieħdu deċiżjonijiet tajbin. (Aqra Ġakbu 1:5.) Xi rridu nagħmlu jekk inħossu li Ġeħova ma wiġibx it-​talb tagħna mill-​ewwel? Ġakbu qal li għandna ‘nibqgħu nitolbu lil Alla.’ Ġeħova ma jiddejjaqx meta nibqgħu nitolbu għall-​għerf. Mhux se jkun irrabjat magħna. Missierna tas-​sema ‘jagħtina b’mod ġeneruż’ meta nitolbuh għall-​għerf ħalli nissaportu l-​provi. (Salm 25:12, 13) Hu jara l-​problemi li jkollna, jiddispjaċih meta nbatu, u ħerqan biex jgħinna. Dan jagħmilna ferħanin ħafna! Imma Ġeħova kif jagħtina l-​għerf?

11. Xi rridu nagħmlu iktar biex ikollna l-​għerf?

11 Ġeħova jagħtina l-​għerf permezz tal-​Kelma tiegħu. (Prov. 2:6) Biex ikollna dan l-​għerf irridu nistudjaw il-​Bibbja u l-​pubblikazzjonijiet tagħna. Imma rridu nagħmlu iktar milli sempliċiment nistudjaw. Irridu npoġġu l-​għerf fil-​prattika billi nagħmlu dak li jitlobna Alla. Ġakbu kiteb: “Qisu li tagħmlu l-​kelma, u mhux tisimgħuha biss.” (Ġak. 1:22) Meta napplikaw il-​parir t’Alla, se nżommu l-​paċi, se nkunu raġonevoli, u nuru ħniena. (Ġak. 3:17) Dawn il-​kwalitajiet se jgħinuna niffaċċjaw kull prova mingħajr ma nitilfu l-​ferħ.

12. Għala hu importanti li nkunu nafu sew dak li tgħid il-​Bibbja?

12 Il-​Kelma t’Alla hi bħal mera. Din tgħinna naraw x’għandna bżonn nagħmlu biex insiru persuna aħjar. (Ġak. 1:23-​25) Pereżempju, wara li nistudjaw il-​Bibbja, nistgħu nindunaw li għandna bżonn nikkontrollaw ir-​rabja tagħna. Bl-​għajnuna taʼ Ġeħova, nitgħallmu nkunu kalmi meta niltaqgħu maʼ nies jew problemi li jirrabjawna. Jekk inkunu kalmi se nirreaġixxu aħjar meta jkollna l-​problemi. Se nkunu nistgħu naħsbu sew u nieħdu deċiżjonijiet aħjar. (Ġak. 3:13) Kemm hu importanti li nkunu nafu sew dak li tgħid il-​Bibbja!

13. Għala għandna nistudjaw eżempji taʼ wħud li nsibu fil-​Bibbja?

13 Kultant nitgħallmu l-​lezzjoni wara li nagħmlu żball. Imma dan mhux mod tajjeb biex nitgħallmu. Mod aħjar kif niksbu l-​għerf hu billi nitgħallmu mill-​affarijiet tajbin u l-​iżbalji t’oħrajn. Hu għalhekk li Ġakbu inkuraġġiena biex naqraw ir-​rakkonti taʼ wħud li nsibu fil-​Bibbja bħal Abraham, Raħab, Ġob, u Elija. (Ġak. 2:21-​26; 5:10, 11, 17, 18) Dawn il-​qaddejja leali taʼ Ġeħova rnexxielhom jissaportu l-​provi li setgħu jtellfulhom il-​ferħ. Dawn l-​eżempji juruna li bl-​għajnuna taʼ Ġeħova, aħna nistgħu nissaportu wkoll.

14-15. Għala m’għandniex ninjoraw id-​dubji?

14 L-​isfida: Meta jkollna d-​dubji dwar dak li nemmnu. Kultant ma nkunux nistgħu nifhmu xi affarijiet mill-​Kelma t’Alla. Jew forsi Ġeħova ma jweġibx it-​talb tagħna bil-​mod kif inkunu nixtiequ aħna. Minħabba f’hekk jaf jiġuna d-​dubji. Jekk ninjoraw id-​dubji, dawn se jdgħajfu l-​fidi tagħna u jagħmlu ħsara l-​ħbiberija tagħna maʼ Ġeħova. (Ġak. 1:7, 8) U dawn d-​dubji jistgħu anki jtellfulna t-​tama li għandna għall-​futur.

15 L-​appostlu Pawlu qabbel it-​tama tagħna maʼ ankra. (Ebr. 6:19) Ankra żżomm il-​vapur biex ma jaħbatx mal-​blat meta jkun il-​maltemp. Imma l-​ankra se tkun utli biss jekk il-​katina li tkun imqabbda mal-​vapur ma tinqatax. Bħalma s-​sadid jagħmel il-​ħsara lill-​katina tal-​ankra, id-​dubji jagħmlu l-​ħsara u jdgħajfu l-​fidi tagħna. Imbagħad, meta niffaċċjaw il-​problemi, nistgħu nitilfu l-​fiduċja tagħna li Ġeħova se jwettaq il-​wegħdi tiegħu. Jekk nitilfu l-​fidi, se nitilfu t-​tama. Kif jgħid Ġakbu, wieħed li jiddubita “hu bħal mewġa tal-​baħar immexxija mir-​riħ u mitfugħa ’l hemm u ’l hawn.” (Ġak. 1:6) Persuna li tħossha hekk, x’aktarx li qatt mhu se tkun ferħana!

16. Xi rridu nagħmlu jekk ikollna d-​dubji?

16 Is-​soluzzjoni: Iffaċċja d-​dubji u saħħaħ il-​fidi tiegħek. Ħu azzjoni malajr. Fi żmien Elija, il-​poplu taʼ Ġeħova ma kienx ċert dwar dak li kien jemmen. Elija qalilhom: “Kemm se ddumu zzappu fuq żewġ opinjonijiet differenti? Jekk Ġeħova hu l-​Alla l-​veru, morru warajh; imma jekk hu Bagħal il-​wieħed veru, morru warajh.” (1 Slat. 18:21) Illum, aħna wkoll irridu nieħdu azzjoni malajr. Irridu nagħmlu riċerka biex inkunu konvinti li Ġeħova hu Alla, il-​Bibbja hi l-​Kelma tiegħu, u x-​Xhieda taʼ Ġeħova huma l-​poplu tiegħu. (1 Tess. 5:21) Jekk nagħmlu hekk, se nneħħu d-​dubji u nsaħħu l-​fidi tagħna. Jekk għandna bżonn l-​għajnuna minħabba ċerti dubji, nistgħu nitkellmu mal-​anzjani. Irridu nieħdu azzjoni malajr ħalli nibqgħu naqdu lil Ġeħova bil-​ferħ!

17. X’se jiġrilek jekk taqtaʼ qalbek?

17 L-​isfida: Meta nkunu skuraġġiti. Il-​Kelma t’Alla tgħid: “Skuraġġejt ruħek fi żmien l-​hemm? Ma tantx se jkollok qawwa.” (Prov. 24:10) Il-​kelma Ebrajka tradotta “skuraġġejt ruħek” tistaʼ tfisser “taqtaʼ qalbek.” U jekk taqtaʼ qalbek, malajr se titlef il-​ferħ.

18. X’jiġifieri li tissaporti?

18 Is-​soluzzjoni: Strieħ fuq Ġeħova biex jagħtik il-​kuraġġ ħalli tissaporti. Jekk irridu nissaportu l-​provi se jkollna bżonn il-​kuraġġ. (Ġak. 5:11) Il-​kelma “ssaporti” li uża Ġakbu tgħinna naħsbu f’xi ħadd li qiegħed wieqaf u ma jiċċaqlaqx. Forsi nistgħu naħsbu dwar suldat kuraġġuż li jkun wieqaf u meta jiġi l-​għadu tiegħu ma jaħrabx.

19. X’nistgħu nitgħallmu mill-​eżempju taʼ Pawlu?

19 L-​appostlu Pawlu kien eżempju eċċellenti taʼ xi ħadd li wera kuraġġ u baqaʼ jissaporti. Xi kultant, hu ħassu dgħajjef. Imma Pawlu setaʼ jibqaʼ jissaporti għax straħ fuq Ġeħova biex jagħtih is-​saħħa li kellu bżonn. (2 Kor. 12:8-​10; Flp. 4:13) Aħna nistgħu nkunu b’saħħitna u kuraġġużi jekk b’umiltà naċċettaw li għandna bżonn l-​għajnuna taʼ Ġeħova.—Ġak. 4:10.

SAĦĦAĦ IL-​ĦBIBERIJA TIEGĦEK MAʼ ĠEĦOVA U TIBQAʼ FERĦAN

20-21. Minn xiex nistgħu nkunu ċerti?

20 Nistgħu nkunu ċerti li l-​provi li niffaċċjaw mhumiex kastig mingħand Ġeħova. Ġakbu jgħidilna: “Meta jkun għaddej minn prova, ħalli ħadd ma jgħid: ‘Alla qed jgħaddini minn prova.’ Għax Alla la jistaʼ jiġi provat u lanqas ma jipprova lil ħadd b’affarijiet ħżiena.” (Ġak. 1:13) Meta nkunu konvinti minn dan, il-​ħbiberija tagħna maʼ Missierna tas-​sema kollu mħabba se tissaħħaħ.—Ġak. 4:8.

21 Ġeħova “ma jinbidilx.” (Ġak. 1:17) Bħalma għen lill-​Kristjani tal-​bidu jissaportu l-​provi tagħhom, hu se jgħin lilna llum. Kun determinat li titlob l-​għajnuna taʼ Ġeħova biex ikollok l-​għerf, il-​fidi, u l-​kuraġġ. Hu se jwieġeb it-​talb tiegħek. Imbagħad tistaʼ tkun ċert li Ġeħova se jgħinek tibqaʼ ferħan waqt li tissaporti l-​provi tiegħek!

GĦANJA 128 Nissaportu sat-​tmiem

^ par. 5 Il-​ktieb taʼ Ġakbu fih ħafna pariri tajbin li jgħinuna meta niffaċċjaw il-​problemi. Dan l-​artiklu se jiddiskuti xi pariri li jagħtina Ġakbu. Dawn il-​pariri jistgħu jgħinuna nissaportu l-​provi mingħajr ma nitilfu l-​ferħ meta naqdu lil Ġeħova.

^ par. 59 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Ħu jiġi arrestat fid-​dar tiegħu. Il-​mara u t-​tifla tiegħu jħarsu lejh waqt li l-​pulizija qed joħorġuh mid-​dar. Waqt li r-​raġel tagħha qiegħed il-​ħabs, aħwa mill-​kongregazzjoni qegħdin mal-​mara u t-​tifla tiegħu għall-​qima bħala familja. L-​omm u t-​tifla spiss jitolbu lil Ġeħova biex jgħinhom jissaportu l-​prova tagħhom. Ġeħova jagħtihom il-​kuraġġ u jgħinhom jibqgħu kalmi. B’hekk, il-​fidi tagħhom tissaħħaħ u huma jistgħu jibqgħu jissaportu bil-​ferħ.