Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-​ISTUDJU 14

Imxi mill-​Qrib Wara l-​Passi taʼ Ġesù

Imxi mill-​Qrib Wara l-​Passi taʼ Ġesù

“Kristu sofra għalikom, u ħallielkom mudell biex timxu mill-​qrib wara l-​passi tiegħu.”—1 PT. 2:21.

GĦANJA 13 Kristu, l-​eżempju tagħna

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

Ġesù ħallielna l-​passi tiegħu biex nimxu mill-​qrib warajh (Ara paragrafi 1-​2)

1-2. Kif nistgħu nsegwu l-​passi taʼ Ġesù? Agħti eżempju.

IMMAĠINAK qiegħed timxi maʼ grupp taʼ nies ġo foresta perikoluża mimlija borra. Gwida tal-​esperjenza qed jimxi qabilkom. Waqt li jimxi hu qed iħalli warajh il-​passi fil-​borra. F’ħin minnhom, tfittex lill-​gwida u ma tarahx! Imma ma tippanikjax. Minflok, inti u n-​nies li qed jimxu miegħek issegwu l-​passi li ħalla l-​gwida fil-​borra!

2 Bħala Kristjani veri, li ngħixu f’din id-​dinja ħażina, sa ċertu punt aħna wkoll qed nimxu ġo foresta perikoluża. Imma aħna grati li Ġeħova tana l-​aqwa Gwida—lil Ibnu, Ġesù Kristu, li nistgħu nimxu mill-​qrib wara l-​passi tiegħu. (1 Pt. 2:21) Skont studjuż tal-​Bibbja, hawnhekk Pietru qed iqabbel lil Ġesù maʼ gwida. Bħalma dak il-​gwida ħalla l-​passi fil-​borra, Ġesù ħallielna l-​passi tiegħu li aħna nistgħu nsegwu. Ejjew nikkunsidraw it-​tweġibiet għal dawn il-​mistoqsijiet: Xi jfisser li nsegwu l-​passi taʼ Ġesù? Għala għandna nagħmlu dan? U kif nistgħu nagħmluh?

XI JFISSER LI NSEGWU L-​PASSI TAʼ ĠESÙ?

3. Xi jfisser li timxi wara l-​passi taʼ xi ħadd?

3 Fil-​Bibbja, il-​kliem ‘timxi’ u “passi” ġieli jirreferu għall-​mod kif persuna tgħix ħajjitha. (Ġen. 6:9; Salm 44:18) Il-​mod kif persuna tgħix ħajjitha jistaʼ jiġi mqabbel mal-​passi li tħalli warajha meta timxi. Għalhekk, li timxi wara l-​passi taʼ persuna jfisser li timita l-​eżempju tagħha.

4. Xi jfisser li nsegwu l-​passi taʼ Ġesù?

4 Allura xi jfisser li nsegwu l-​passi taʼ Ġesù? Dan ifisser li nimitaw l-​eżempju tiegħu. Fl-​iskrittura prinċipali taʼ dan l-​artiklu l-​appostlu Pietru jsemmi l-​eżempju tajjeb li ħalla Ġesù meta ssaporta t-​tbatija, però, hemm affarijiet oħra li Ġesù għamel u li aħna nistgħu nimitaw. (1 Pt. 2:18-​25) Ir-​realtà hi li dak kollu li Ġesù qal u għamel fil-​ħajja tiegħu huwa eżempju li għandna nsegwu.

5. Nistgħu nimitaw l-​eżempju perfett taʼ Ġesù minkejja li aħna imperfetti? Spjega.

5 Imma bħala nies imperfetti, nistgħu nimitaw l-​eżempju taʼ Ġesù? Iva nistgħu. Pietru ma qalx li rridu nimxu wara l-​passi taʼ Ġesù b’mod perfett. Minflok, hu ħeġġiġna ‘biex nimxu mill-​qrib wara l-​passi’ taʼ Ġesù. Jekk nimxu mill-​qrib wara l-​passi tiegħu bl-​aħjar mod li nistgħu, minkejja li aħna imperfetti, se nkunu qegħdin napplikaw il-​kliem tal-​appostlu Ġwanni: ‘Ibqgħu mexjin bħalma mexa hu.’—1 Ġw. 2:6.

GĦALA GĦANDNA NIMXU MILL-​QRIB WARA L-​PASSI TAʼ ĠESÙ?

6-7. Għala nistgħu ngħidu li jekk nimxu wara l-​passi taʼ Ġesù se nsaħħu l-​ħbiberija tagħna maʼ Ġeħova?

6 Jekk insegwu l-​passi taʼ Ġesù, se nsaħħu l-​ħbiberija tagħna maʼ Ġeħova. Għala nistgħu ngħidu hekk? L-​ewwel, Ġesù ħallielna l-​aqwa eżempju taʼ kif wieħed jistaʼ jgħix ħajtu biex jogħġob lil Alla. (Ġw. 8:29) Mela, jekk insegwu l-​passi ta’Ġesù se nogħġbu lil Ġeħova. U nistgħu nkunu ċerti li Missierna tas-​sema mbagħad se jersaq qrib dawk li jagħmlu l-​almu tagħhom biex isiru l-​ħbieb tiegħu.—Ġak. 4:8.

7 It-​tieni, Ġesù imita perfettament lil Missieru. Hu għalhekk li Ġesù setaʼ jgħid: “Min ra lili ra wkoll lill-​Missier.” (Ġw. 14:9) Meta aħna nimitaw il-​kwalitajiet u l-​mod kif Ġesù tratta lin-​nies inkunu qed nimitaw lil Ġeħova. Pereżempju, aħseb kif ħassu Ġesù għar-​raġel li kellu l-​marda tal-​ġdiem, l-​empatija li wera maʼ mara li kienet ilha marida għal ħafna snin, u kif ħassu meta wħud tilfu lill-​maħbubin tagħhom fil-​mewt. (Mk. 1:40, 41; 5:25-​34; Ġw. 11:33-​35) Iktar ma nimitaw il-​kwalitajiet taʼ Ġeħova, iktar se nsaħħu l-​ħbiberija tagħna miegħu.

8. Jekk nimxu wara l-​passi taʼ Ġesù għala nistgħu ‘nirbħu’ d-​dinja?

8 Jekk insegwu l-​passi taʼ Ġesù, mhux se nħallu din id-​dinja ħażina ttellifna milli nkomplu naqdu lil Ġeħova. Fl-​aħħar lejl tiegħu fuq l-​art, Ġesù setaʼ jgħid: “Jien irbaħt lid-​dinja.” (Ġw. 16:33) B’dan il-​kliem, Ġesù kien qed jgħid li hu ma ħalliex lin-​nies jinfluwenzaw il-​mod kif jaħseb, jaġixxi, u l-​miri tiegħu. Ġesù qatt ma nesa r-​raġuni għala ġie fuq l-​art—biex jagħti prova li Ġeħova għandu dritt li jmexxi. Xi ngħidu għalina? F’din id-​dinja hemm ħafna affarijiet li jistgħu jfixkluna milli nkomplu naqdu lil Ġeħova. Imma jekk bħal Ġesù nibqgħu determinati li nagħmlu r-​rieda taʼ Ġeħova aħna wkoll se ‘nirbħu’ d-​dinja.—1 Ġw. 5:5.

9. Xi rridu nagħmlu biex nibqgħu fit-​triq li twassal għall-​ħajja taʼ dejjem?

9 Jekk insegwu l-​passi taʼ Ġesù nistgħu ngħixu għal dejjem. Meta żagħżugħ sinjur staqsa x’kellu jagħmel biex jiret il-​ħajja taʼ dejjem, Ġesù wieġbu: “Ejja kun segwaċi tiegħi.” (Mt. 19:16-​21) U lil xi Lhud li ma kinux jemmnu li hu l-​Kristu, Ġesù qalilhom: “In-​nagħaġ tiegħi . . . jiġu warajja. U nagħtihom il-​ħajja taʼ dejjem.” (Ġw. 10:24-​29) Anki lil Nikodemu, membru tas-​Sinedriju, li ried ikun jaf aktar dwar dak li kien qed jgħallem, Ġesù qallu: “Kulmin jeżerċita l-​fidi [fija] . . . jkollu l-​ħajja taʼ dejjem.” (Ġw. 3:16) Aħna neżerċitaw il-​fidi, jiġifieri nuru li għandna fidi f’Ġesù, billi napplikaw dak li għallem u nimitaw l-​eżempju tiegħu. Jekk nagħmlu hekk, aħna se nibqgħu fit-​triq li twassal għall-​ħajja taʼ dejjem.—Mt. 7:14.

KIF NISTGĦU NSEGWU L-​PASSI TAʼ ĠESÙ MILL-​QRIB?

10. Xi rridu nagħmlu biex insiru nafu lil Ġesù aħjar? (Ġwanni 17:3)

10 Biex nimxu mill-​qrib wara l-​passi taʼ Ġesù l-​ewwel irridu nsiru nafuh. Skont in-​nota taʼ taħt taʼ Ġwanni 17:3 (Aqra.) li ‘nieħdu għarfien’ dwar Ġesù jinvolvi azzjoni kontinwa. Fi kliem ieħor, irridu nibqgħu nitgħallmu dwar il-​kwalitajiet tiegħu, dwar il-​mod kif jaħseb u dwar il-​livelli tiegħu. Ilna kemm ilna fil-​verità rridu nkomplu nieħdu għarfien dwar Ġeħova u Ibnu.

11. Xi nsibu fl-​erbaʼ Evanġelji?

11 Biex insiru nafu sew lil Ibnu, fil-​Kelma tiegħu Ġeħova bi mħabba inkluda l-​erbaʼ Evanġelji. Fihom insibu r-​rakkont tal-​ħajja u l-​ministeru taʼ Ġesù. Dawn il-​kotba jgħidulna dak li qal, dak li għamel, u kif ħassu. Dawn jgħinuna biex ‘nirriflettu sew’ dwar l-​eżempju tiegħu. (Ebr. 12:3) Tistaʼ tgħid li fihom insibu l-​passi li ħalla warajh Ġesù. Għalhekk, jekk nistudjaw l-​Evanġelji se nsiru nafu lil Ġesù aħjar. B’hekk, aħna se nkunu nistgħu nimxu mill-​qrib mal-​passi tiegħu.

12. X’nistgħu nagħmlu biex nibbenefikaw meta nistudjaw l-​Evanġelji?

12 Biex nibbenefikaw bis-​sħiħ mill-​Evanġelji rridu nagħmlu iktar milli sempliċiment naqrawhom. Irridu nieħdu l-​ħin biex nistudjawhom sew u nimmeditaw fil-​fond dwarhom. (Qabbel Ġożwè 1:8 u n-​nota taʼ taħt.) Ejja niddiskutu żewġ suġġerimenti li jistgħu jgħinuna biex nimmeditaw fuq l-​Evanġelji u napplikaw dak li naqraw.

13. Kif tistaʼ tidħol iktar fir-​rakkont tal-​Evanġelju?

13 L-​ewwel, idħol fir-​rakkont tal-​Evanġelju. Uża l-​immaġinazzjoni tiegħek biex tara, tismaʼ, u tħoss dak li jkun qed jiġri. Biex tagħmel dan, agħmel riċerka fil-​pubblikazzjonijiet provduti mill-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova. Eżamina l-​kuntest billi tara dak li ġara qabel u wara r-​rakkont li tkun qed taqra. Fittex iktar informazzjoni dwar in-​nies u l-​postijiet li jissemmew fir-​rakkont. Qabbel ir-​rakkont li qed taqra mal-​istess rakkont li jissemma f’Evanġelju ieħor. Xi kultant, kittieb taʼ Evanġelju jsemmi dettalji interessanti li kittieb ieħor ma jsemmix.

14-15. X’għandna nagħmlu biex napplikaw dak li nitgħallmu dwar Ġesù?

14 It-​tieni, applika r-​rakkont tal-​Evanġelju fil-​ħajja tiegħek. (Ġw. 13:17) Wara li tkun studjajt sew ir-​rakkont tal-​Evanġelju, staqsi lilek innifsek: ‘X’lezzjoni nistaʼ napplika f’ħajti minn dan ir-​rakkont? Kif nistaʼ nuża dan ir-​rakkont biex ngħin lil ħaddieħor?’ Ipprova aħseb dwar xi ħadd li taf u mbagħad bi mħabba aqsam miegħu l-​lezzjoni li tgħallimt.

15 Ejja nikkunsidraw eżempju taʼ kif nistgħu napplikaw dawn iż-​żewġ suġġerimenti billi naraw ir-​rakkont tal-​armla fqira li Ġesù nnota fit-​tempju.

L-​ARMLA FQIRA FIT-​TEMPJU

16. Aqra Marku 12:41 u ddeskrivi dak li qed jiġri.

16 Idħol fir-​rakkont. (Aqra Marku 12:41.) Immaġina x’ġara. Il-​ġurnata hi l-​11 taʼ Nisan tas-​sena 33. F’inqas minn ġimgħa Ġesù se jmut. Ġesù ilu ħafna ħin jgħallem fit-​tempju. Imma l-​mexxejja reliġjużi qed jopponuh. Ftit qabel, xi wħud staqsew lil Ġesù b’liema awtorità kien qed jagħmel dan ix-​xogħol. Oħrajn staqsewh mistoqsijiet li ħasbu li mhux se jwiġibhom. (Mk. 11:27-​33; 12:13-​34) Issa Ġesù mar f’parti oħra tat-​tempju. Hawnhekk, x’aktarx fil-​parti li jsejħulha l-​Bitħa tan-​Nisa, jara l-​kaxxi fejn jitfgħu d-​donazzjonijiet. Hu jpoġġi bilqiegħda u jibda jinnota n-​nies li jkunu qed jitfgħu d-​donazzjonijiet tagħhom. Hu jara ħafna nies sinjuri jitfgħu ħafna muniti. Forsi qiegħed viċin biżżejjed biex jismaʼ l-​ħoss li jagħmlu l-​flus malli jinżlu fil-​kaxxa.

17. X’għamlet l-​armla fqira li tissemma f’​Marku 12:42.

17 Aqra Marku 12:42. Wara ftit, Ġesù jinnota mara li hi fqira, “armla fil-​bżonn.” (Lq. 21:2) Għandha ħajja vera diffiċli u x’aktarx m’għandhiex biżżejjed flus biex tixtri l-​affarijiet li għandha bżonn. Minkejja dan, hi tersaq viċin dawn il-​kaxxi tad-​donazzjonijiet u mingħajr ma tagħti fl-​għajn, titfaʼ żewġ muniti żgħar li x’aktarx bilkemm għamlu ħoss xħin tefgħethom. Imma Ġesù jaf x’tefgħet. Hi tefgħet żewġ muniti tal-​lepta, l-​iżgħar muniti li kienu jużaw dak iż-​żmien. Bihom lanqas tixtri għasfur tal-​bejt li kien l-​iktar għasfur irħis li jinbiegħ għall-​ikel.

18. Skont Marku 12:43, 44, Ġesù x’qal dwar id-​donazzjoni li tefgħet l-​armla fqira?

18 Aqra Marku 12:43, 44. Ġesù impressjonat b’dak li għamlet l-​armla, isejjaħ lid-​dixxipli tiegħu u dwarha jgħidilhom: “Din l-​armla fqira tefgħet iktar minn dawk kollha li tefgħu l-​flus fil-​kaxxi tat-​teżor, għax huma lkoll tefgħu miż-​żejjed tagħhom, imma hi, min-​nieqes tagħha, tefgħet kulma kellha, l-​għajxien kollu tagħha.” L-​armla leali tat dawk il-​ftit muniti li kien baqgħalha għax kienet fiduċjuża li Ġeħova kien se jieħu ħsiebha.—Salm 26:3.

Meta tfaħħar lill-​oħrajn għax qed jagħtu l-​aħjar li jistgħu lil Ġeħova tkun qed timita lil Ġesù (Ara paragrafi 19-​20) *

19. X’nistgħu nitgħallmu minn dak li qal Ġesù dwar l-​armla fqira?

19 Applika dak li tgħallimt mir-​rakkont. Staqsi lilek innifsek, ‘X’nistaʼ nitgħallem minn dak li qal Ġesù dwar l-​armla fqira?’ L-​armla kieku setgħet kienet tagħti iktar. Imma hi tat dak kollu li kellha; tat lil Ġeħova l-​aħjar tagħha. Ġesù kien jaf li dan kien prezzjuż għal Missieru. Mela lezzjoni li nistgħu nitgħallmu hi: Ġeħova jieħu pjaċir meta aħna nagħtu l-​aħjar tagħna, jiġifieri, meta nagħtu b’qalbna kollha u b’ruħna kollha. (Mt. 22:37; Kol. 3:23) Ġeħova jifraħ meta jarana nagħmlu dak kollu li nistgħu! Dan japplika għal dak kollu li nagħmlu għalih, inkluż il-​ministeru u l-​laqgħat.

20. Kif tistaʼ tapplika dak li tgħallimt mir-​rakkont tal-​armla? Agħti eżempju.

20 Kif tistaʼ tapplika dak li tgħallimt dwar l-​armla? Aħseb f’aħwa li se jiġu inkuraġġiti jekk tfakkarhom li Ġeħova jieħu pjaċir b’dak li jistgħu jagħtu. Pereżempju, taf b’xi oħt imdaħħla fiż-​żmien li għandha saħħa batuta u tħossha li mhix qed toħroġ biżżejjed fuq il-​ministeru? Jew taf b’xi ħu li hu marid u b’hekk ma jistax jiġi għal kull laqgħa u allura jħossu skuraġġit? Għin l-​uħud bħal dawn bi kliem li jinkuraġġihom. (Efes. 4:29) Aqsam magħhom il-​ħsieb inkuraġġanti li tgħallimt mir-​rakkont tal-​armla fqira. Il-​kliem inkuraġġanti tiegħek jistaʼ jfakkarhom li Ġeħova jieħu pjaċir meta huma jagħtu l-​aħjar li jistgħu, anke jekk għalihom jidher ftit. (Prov. 15:23; 1 Tess. 5:11) Meta tagħmel dan, tkun qed timxi mill-​qrib wara l-​passi taʼ Ġesù.

21. X’int determinat li tagħmel?

21 Kemm għandna għaliex nirringrazzjaw lil Ġeħova li provdielna l-​Evanġelji li fihom dettalji dwar il-​ħajja taʼ Ġesù! Dawn jgħinuna biex inkunu nistgħu nimitawh, jiġifieri nimxu mill-​qrib wara l-​passi tiegħu. Għax ma tagħmilhiex mira li tistudja iktar dwar l-​Evanġelji forsi fl-​istudju personali tiegħek jew fil-​Qima Bħala Familja? Mela ejja niftakru li biex nibbenefikaw minn studji bħal dawn irridu nidħlu fir-​rakkont u napplikaw dak li nitgħallmu f’ħajjitna. Apparti li rridu nimitaw dak li għamel Ġesù, irridu wkoll nisimgħu dak li qal. Fl-​artiklu li jmiss se naraw dak li nistgħu nitgħallmu mill-​kliem li qal Ġesù qabel miet.

GĦANJA 15 Faħħru l-​Ewwel Imwieled taʼ Ġeħova!

^ par. 5 Bħala Kristjani veri, aħna rridu nimxu mill-​qrib mal-​passi taʼ Ġesù. Dawn “il-​passi” x’inhuma? Dan l-​artiklu se jwieġeb din il-​mistoqsija. Se naraw ukoll għala għandna nimxu mill-​qrib wara l-​passi taʼ Ġesù u kif nistgħu nagħmlu dan.

^ par. 60 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Wara li timmedita fuq dak li qal Ġesù dwar l-​armla fqira, l-​oħt tfaħħar lill-​oħt imdaħħla fiż-​żmien li qed tagħti l-​aħjar li tistaʼ lil Ġeħova.