Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-​ISTUDJU 16

Kabbar l-​Apprezzament Tiegħek għall-​Fidwa

Kabbar l-​Apprezzament Tiegħek għall-​Fidwa

‘Bin il-​bniedem ġie biex jagħti ruħu b’fidwa għal ħafna.’ —MK. 10:45.

GĦANJA 18 Grati għall-​fidwa

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1-2. X’inhi l-​fidwa, u Ġesù għala kellu jmut għalina?

META Adam iddeċieda li ma jobdix lil Ġeħova, tilef l-​opportunità li jgħix għal dejjem f’ġenna tal-​art u minħabba fih it-​tfal tiegħu wkoll tilfu din l-​opportunità. Adam għażel hu li ma jobdix, imma t-​tfal tiegħu ma kellhomx għażla. Minħabba dak li għamel, Adam kien ħaqqu jmut. (Rum. 5:12, 14) Imma Ġeħova setaʼ jagħmel xi ħaġa biex it-​tfal t’Adam jgħixu għal dejjem? Iva! Ġeħova mill-​ewwel għamel arranġament biex jeħles lit-​tfal t’Adam mid-​dnub u l-​mewt. (Ġen. 3:15) Hu ddeċieda li jibgħat lil Ibnu fuq l-​art biex “jagħti ruħu b’fidwa għal ħafna.”—Mk. 10:45; Ġw. 6:51.

2 X’inhi l-​fidwa? Il-​fidwa hi l-​prezz li ħallas Ġesù biex jixtri dak li tilef Adam. (1 Kor. 15:22) Ġesù għala kellu jmut għalina? Għax fil-​liġi li Ġeħova ta lill-​Iżraelin, hu qalilhom li jridu jagħtu ruħ b’ruħ. (Eżo. 21:23, 24) Adam tilef il-​ħajja perfetta tiegħu u għalhekk Ġesù kellu jagħti l-​ħajja perfetta tiegħu. (Rum. 5:17) B’hekk, Ġesù sar il-​“Missier Etern” taʼ dawk kollha li jemmnu fil-​fidwa.—Is. 9:6; Rum. 3:23, 24.

3. Skont Ġwanni 14:31 u 15:13, Ġesù għala kien lest li jmut għalina?

3 Ġesù kien lest li jmut għalina għax kien iħobb ħafna lil Ġeħova u lilna. (Aqra Ġwanni 14:31; 15:13.) Minħabba din l-​imħabba kbira Ġesù kien determinat li jagħmel dak li ried Missieru u jibqaʼ leali sal-​mewt. B’hekk, l-​iskop t’Alla għall-​art u għall-​bnedmin se jitwettaq. F’dan l-​artiklu se naraw għala Ġeħova ħalla lil Ġesù jgħaddi minn dik it-​tbatija kollha qabel miet. Se naraw ukoll kemm l-​appostlu Ġwanni apprezza l-​fidwa. U fl-​aħħar se niddiskutu kif nistgħu nuru u nkabbru l-​apprezzament tagħna għal dak li Ġesù u Ġeħova għamlu għalina.

ĠESÙ GĦALA KELLU JBATI?

Aħseb dwar it-​tbatija kollha li għadda minnha Ġesù biex jipprovdilna l-​fidwa! (Ara paragrafu 4)

4. Iddeskrivi dak li għadda minnu Ġesù.

4 Aħseb ftit dwar dak li għadda minnu Ġesù qabel miet. Kieku ried setaʼ jitlob lill-​anġli biex jgħinuh imma minflok ħalla lis-​suldati jaqbduh u jsawtuh. (Mt. 26:52-​54; Ġw. 18:3; 19:1) Wara li sawtuh bil-​frosta u kkaġunawlu ħafna wġigħ, ġegħluh iġorr iz-​zokk fuq dahru. Ġesù pprova, imma ma felaħx iġorru t-​triq kollha. Għalhekk, is-​suldati qabbdu lil raġel ieħor biex iġorru minfloku. (Mt. 27:32) Imbagħad, meta wasal fuq il-​post fejn kellu jmut is-​suldati sammrulu jdejh u saqajh maz-​zokk. Immaġina l-​uġigħ li ħass Ġesù meta għollew iz-​zokk. Dak il-​ħin ommu u l-​ħbieb tiegħu bdew jibkuh imma l-​mexxejja Lhud bdew iwaqqgħuh għaċ-​ċajt. (Lq. 23:32-​38; Ġw. 19:25) Wara sigħat taʼ tbatija kienet qed issir iktar diffiċli għal Ġesù biex jieħu n-​nifs. Minkejja dan l-​uġigħ, qabel miet Ġesù qal l-​aħħar talba lil Missieru. Imbagħad niżżel rasu u miet. (Mk. 15:37; Lq. 23:46; Ġw. 10:17, 18; 19:30) Vera kienet mewta taʼ tortura, taʼ wġigħ, u umiljanti!

5. X’kienet l-​iktar ħaġa li inkwetat lil Ġesù?

5 Għal Ġesù l-​aktar ħaġa diffiċli ma kinitx dak li għadda minnu qabel miet imma għal liema akkuża qatluh. Hu ġie akkużat b’mod falz li ma rrispettax lil Alla u lil ismu. (Mt. 26:64-​66) Dan tant inkwetah lil Ġesù li talab lil Missieru biex ma jiġix umiljat b’dan il-​mod. (Mt. 26:38, 39, 42) Ġeħova għala ħalla lil Ibnu jgħaddi minn din it-​tbatija u jmut? Ejja naraw tliet raġunijiet.

6. Ġesù għala kellu jmut fuq zokk?

6 L-​ewwel, Ġesù kellu jmut fuq iz-​zokk biex jeħles lil-​Lhud mis-​saħta. (Gal. 3:10, 13) Huma kienu misħutin għax wiegħdu lil Ġeħova li se jobdu l-​liġi tiegħu imma m’obdewhiex. Għalhekk, huma kien ħaqqhom il-​mewt għax kienu t-​tfal t’Adam u għax kellhom din is-​saħta fuqhom. (Rum. 5:12) Ukoll, il-​Liġi taʼ Ġeħova kienet tgħid li jekk xi ħadd jagħmel dnub li jkun ħaqqu l-​mewt għandu jiġi maqtul u f’xi każijiet idendluh maʼ zokk. * (Dt. 21:22, 23; 27:26) Mela, billi Ġesù kien imdendel maʼ zokk, il-​Lhud stess setgħu jinħelsu mis-​saħta li kellhom u jibbenefikaw mis-​sagrifiċċju taʼ Ġesù.

7. X’inhi t-​tieni raġuni għala Ġeħova ħalla lil Ibnu jbati?

7 Ejja naraw it-​tieni raġuni għala Ġeħova ħalla lil Ġesù jbati. Ġeħova kien qed jippreparah għal meta jsir il-​Qassis il-​Kbir tagħna. Ġesù jaf kemm hu diffiċli biex tobdi lil Alla meta tkun qed tiffaċċja provi kbar. Ġesù tant ħassu ansjuż li talab lil Ġeħova “b’għajjat qawwi u dmugħ.” Minħabba dak kollu li għadda minnu, Ġesù jistaʼ jifhimna meta nkunu għaddejjin mill-​provi. Kemm għandna għaliex napprezzaw li Ġeħova għażel lil Ġesù biex ikun il-​Qassis il-​Kbir tagħna li jistaʼ jifhem “id-​dgħjufijiet tagħna”!—Ebr. 2:17, 18; 4:14-​16; 5:7-​10.

8. X’inhi t-​tielet raġuni għala Ġeħova ħalla lil Ġesù jgħaddi minn dik it-​tbatija kollha?

8 It-​tielet raġuni għala Ġeħova ħalla lil Ġesù jbati daqshekk hi biex jagħti t-​tweġiba għall-​mistoqsija importanti: Nistgħu aħna nibqgħu leali lejn Ġeħova minkejja l-​provi diffiċli li niffaċċjaw? Satana jgħid li ma nistgħux! Hu jgħid li aħna nibqgħu naqdu lil Ġeħova għax ikollna bżonnu. U hu jaħseb li għax aħna t-​tfal t’Adam se nagħmlu bħalu u mhux se nibqgħu nħobbu lil Ġeħova. (Ġob 1:9-​11; 2:4, 5) Imma Ġeħova kien ċert li Ġesù kien se jibqaʼ leali lejh u għalhekk ħallieh jgħaddi minn dik it-​tbatija. B’hekk, Ġesù ħareġ lil Satana taʼ giddieb.

L-​APPOSTLU ĠWANNI APPREZZA ĦAFNA L-​FIDWA

9. X’eżempju ħallielna l-​appostlu Ġwanni?

9 Matul is-​snin, it-​tagħlim dwar is-​sagrifiċċju taʼ Ġesù saħħaħ il-​fidi taʼ ħafna Kristjani. Huma baqgħu jippritkaw minkejja l-​provi diffiċli li ffaċċjaw matul ħajjithom. Ejja naraw l-​eżempju tal-​appostlu Ġwanni. B’lealtà hu pprietka dwar Kristu u l-​fidwa għal madwar 60 sena. U meta kellu madwar 100 sena, għax il-​gvernatur Ruman ħaseb li kien perikoluż, Ġwanni spiċċa fil-​ħabs fil-​gżira taʼ Patmos. Għaliex? Għax tkellem dwar Alla u ta xhieda dwar Ġesù. (Riv. 1:9) X’eżempju mill-​aqwa ħallielna l-​appostlu Ġwanni!

10. Dak li kiteb Ġwanni kif juri li hu apprezza l-​fidwa?

10 Fil-​kotba li kiteb Ġwanni nistgħu naraw kemm kien iħobb lil Ġesù u japprezza s-​sagrifiċċju tiegħu. Hu rrefera għall-​affarijiet li huma possibbli grazzi għall-​fidwa għal aktar minn 100 darba. Pereżempju, Ġwanni kiteb: “Jekk xi ħadd jidneb, għandna ajjutant mal-​Missier, lil Ġesù Kristu, li hu ġust.” (1 Ġw. 2:1, 2) Ġwanni kiteb ukoll kemm hu importanti li nagħtu “xhieda dwar Ġesù.” (Riv. 19:10) Bla dubju, Ġwanni apprezza ħafna l-​fidwa. Kif nistgħu nuru li aħna napprezzawha wkoll?

KIF TISTAʼ TURI LI TAPPREZZA L-​FIDWA?

Jekk aħna vera napprezzaw il-​fidwa mhux se nċedu meta niġu ttantati nagħmlu xi ħaġa ħażina (Ara paragrafu 11) *

11. X’jistaʼ jgħinna biex ma nċedux?

11 Iċċedix għat-​tentazzjoni. Meta niġu ttantati, jekk aħna vera napprezzaw il-​fidwa mhux se ngħidu: ‘Jekk naqaʼ mbagħad nitlob lil Alla biex jaħfirli.’ Minflok, se ngħidu: ‘Kif nistaʼ nagħmel xi ħaġa ħażina wara dak kollu li Ġeħova u Ġesù għamlu għalija?ʼ Apparti minn hekk, tajjeb li dak il-​ħin nitolbu lil Ġeħova biex jgħinna u jeħlisna mit-​tentazzjoni.—Mt. 6:13.

12. Kif nistgħu napplikaw il-​parir li nsibu fl-​1 Ġwanni 3:16-​18?

12 Ħobb lill-​aħwa. Meta nuru li nħobbu lil ħutna nkunu qed nuru li napprezzaw il-​fidwa. Għala? Għax Ġesù miet għal kull wieħed u waħda minna. La Ġesù kien lest li jmut għal ħutna juri li huma taʼ valur għalih. (Aqra l-​1 Ġwanni 3:16-​18.) Aħna nuru li nħobbu lil ħutna billi nittrattawhom b’mod tajjeb. (Efes. 4:29-​31; 5:1, 2) Barra minn hekk, għandna nkunu lesti li ngħinuhom meta jkunu morda jew ikunu għaddejjin minn provi diffiċli. Imma x’se nagħmlu meta xi ħu jew oħt fil-​kongregazzjoni tgħid jew tagħmel xi ħaġa li tweġġagħna?

13. Għala għandna naħfru lil ħutna?

13 Ġieli ssibha diffiċli biex taħfer lil xi ħu jew oħt? (Lev. 19:18) Jekk iva, dan il-​parir se jgħinek: “Komplu ssaportu lil xulxin u aħfru lil xulxin mill-​qalb jekk xi ħadd għandu għalxiex jilmenta kontra ħaddieħor. Bħalma Ġeħova ħafrilkom mill-​qalb, agħmlu hekk intom ukoll.” (Kol. 3:13) Kull darba li naħfru lil ħutna nkunu qed nuru lil Missierna tas-​sema li aħna vera napprezzaw il-​fidwa. Kif nistgħu nkomplu nkabbru l-​apprezzament tagħna għal dan ir-​rigal mingħand Alla?

KIF TISTAʼ TKABBAR L-​APPREZZAMENT TIEGĦEK GĦALL-​FIDWA?

14. X’inhu mod wieħed kif nistgħu nkabbru l-​apprezzament tagħna għall-​fidwa?

14 Irringrazzja lil Ġeħova għall-​fidwa. Joanna, oħt taʼ 83 sena, li tgħix fl-​Indja, tgħid: “Jien inħoss li fit-​talb tiegħi huwa importanti li nirringrazzja lil Ġeħova għas-​sagrifiċċju taʼ Ġesù.” Mela, ikun tajjeb li fit-​talb tagħna ngħidu lil Ġeħova x’għamilna ħażin u nitolbuh biex jaħfrilna. Bla dubju, jekk għamilt dnub serju, għandek titkellem mal-​anzjani biex ikunu jistgħu jgħinuk. Huma se jisimgħuk u bi mħabba jagħtuk pariri mill-​Kelma t’Alla. Imbagħad, se jitolbu miegħek u jitolbu lil Ġeħova biex jaħfirlek biex b’hekk tirranġa l-​ħbiberija tiegħek miegħu.—Ġak. 5:14-​16.

15. Għala għandna nsibu l-​ħin biex naqraw u nimmeditaw dwar il-​fidwa?

15 Immedita fuq il-​fidwa. Rajamani, oħt li għandha 73 sena, tgħid: “Meta naqra dwar dak li għadda minnu Ġesù, jaqbiżli d-​dmugħ.” Forsi meta taqra dwar dak li għadda minnu Ġesù, anke inti tħossok emozzjonat. Imma iktar ma timmedita fuq is-​sagrifiċċju taʼ Ġesù, iktar se tikber l-​imħabba tiegħek għalih u għal Ġeħova. Biex jgħinek tagħmel dan, għaliex ma tagħmilx studju personali dwar il-​fidwa?

B’ikla sempliċi, Ġesù wera lid-​dixxipli tiegħu kif kellhom jiftakru s-​sagrifiċċju tiegħu (Ara paragrafu 16)

16. Li ngħallmu lil oħrajn dwar il-​fidwa kif jistaʼ jgħinna? (Ara l-​istampa tal-​qoxra.)

16 Għallem lil oħrajn dwar il-​fidwa. Iktar ma nitkellmu m’oħrajn dwar is-​sagrifiċċju taʼ Ġesù, iktar se napprezzawh. L-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova pprovditilna ħafna letteratura u vidjows biex jgħinuna nispjegaw lil oħrajn għala Ġesù kellu jmut għalina. Pereżempju, nistgħu nużaw lezzjoni 4 tal-​browxer Aħbar Tajba Mingħand Alla! li għandha t-​titlu “Min hu Ġesù Kristu?” Jew nistgħu nużaw kapitlu 5 tal-​ktieb X’Nistgħu Nitgħallmu mill-​Bibbja? li għandu t-​titlu “Il-​fidwa—L-​aqwa rigal mingħand Alla.” U kull darba li nattendu għat-​Tifkira tal-​mewt taʼ Ġesù u nistiednu lil oħrajn biex jattendu wkoll inkunu qed inkabbru l-​apprezzament tagħna. Xi privileġġ tana Ġeħova li ngħallmu lil oħrajn dwar il-​fidwa!

17. Il-​fidwa għala hija l-​ikbar rigal li Alla ta lill-​bnedmin?

17 Bla dubju, għandna ħafna raġunijiet għala għandna nkabbru l-​apprezzament tagħna għall-​fidwa. Grazzi għall-​fidwa, minkejja li aħna imperfetti jistaʼ jkollna ħbiberija b’saħħitha maʼ Ġeħova. Grazzi għall-​fidwa, it-​tbatija kollha li kkaġuna Satana se tispiċċa. (1 Ġw. 3:8) U grazzi għall-​fidwa, l-​iskop taʼ Ġeħova għall-​art se jitwettaq. Id-​dinja kollha se ssir ġenna tal-​art u dawk kollha li se jgħixu fiha se jħobbu u jaqdu lil Ġeħova. Għalhekk, ejja kuljum nuru li napprezzaw il-​fidwa—l-​ikbar rigal li Alla ta lill-​bnedmin!

GĦANJA 20 Int tajt lill-​Iben għażiż tiegħek

^ par. 5 Ġesù għala kellu jgħaddi minn dik it-​tbatija kollha u jmut? Dan l-​artiklu se jagħtina r-​risposta għal din il-​mistoqsija. Se jgħinna wkoll biex inkabbru l-​apprezzament tagħna għall-​fidwa.

^ par. 6 Kienet id-​drawwa tar-​Rumani li jorbtu jew isammru lill-​kriminali maz-​zokk waqt li jkunu għadhom ħajjin. Minkejja dan, Ġeħova ħalla lil Ibnu jmut b’dan il-​mod.

^ par. 55 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Tliet aħwa qed jiffaċċjaw tentazzjoni differenti. Ħu ma ċediex biex jara stampa ħażina, ħu ieħor ma ċediex għas-​sigaretti, u ħu ieħor m’aċċettax li jqarraq.