Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Mistoqsijiet mill-​Qarrejja

Mistoqsijiet mill-​Qarrejja

Ġesù għala qabel miet ikkwota l-​kliem taʼ David li nsibu f’​Salm 22:1?

▪ Qabel miet Ġesù qal il-​kliem li nsibu f’​Mattew 27:46: “Alla tiegħi, Alla tiegħi, għala abbandunajtni?” Meta Ġesù qal dan il-​kliem wettaq il-​profezija li nsibu f’​Salm 22:1. (Mk. 15:34) Inkunu żbaljati jekk naħsbu li Ġesù qal dan il-​kliem għax kien iddiżappuntat minħabba Ġeħova jew għax dak il-​ħin kellu nuqqas taʼ fidi. Ġesù kien fehem sew għala kellu jmut u hu kien lest li jagħmel dan. (Mt. 16:21; 20:28) Hu kien jaf ukoll li waqt il-​mewt tiegħu Ġeħova ma kienx se jibqaʼ jipproteġih. (Ġob 1:10) Ġeħova ma baqax jipproteġi lil Ġesù biex juri li hu setaʼ jibqaʼ leali sal-​mewt.—Mk. 14:35, 36.

Allura Ġesù għala qal dan il-​kliem li nsibu f’dan is-​Salm? Minkejja li m’aħniex ċerti għala, issa se niddiskutu xi raġunijiet. *

Jistaʼ jkun li Ġesù qal dan il-​kliem għax kien jaf li Ġeħova ma kienx se jevitalu l-​mewt. Ġesù kellu jħallas il-​fidwa mingħajr l-​għajnuna taʼ Ġeħova. Hu kien uman u kellu bżonn imut biex “iduq il-​mewt għal kull bniedem.”—Ebr. 2:9.

Meta qal dan il-​kliem, Ġesù jistaʼ jkun li kien qiegħed jiġbed l-​attenzjoni għal Salm 22. Dak iż-​żmien, kien normali għal-​Lhud li jkunu jafu bl-​amment ħafna mis-​salmi. Meta kienu jisimgħu vers kien jiġihom f’moħħhom is-​salm kollu. Jekk din kienet l-​intenzjoni taʼ Ġesù, mela hu kien qed jgħin lil-​Lhud jiftakru dwar il-​profeziji li kien hemm dwar il-​mewt tiegħu f’dan is-​Salm. (Salm 22:7, 8, 15, 16, 18, 24) Barra minn hekk, l-​aħħar versi f’dan is-​salm kellhom ifakkruhom li Ġeħova hu s-​Sultan fuq l-​art kollha.—Salm 22:27-​31.

Billi kkwota l-​kliem taʼ David, Ġesù jistaʼ jkun li kien qed juri li hu kien innoċenti. Qabel Ġesù ġie maqtul, ġie akkużat b’mod falz li kien ħaqqu l-​mewt. (Mt. 26:65, 66) Is-​Sinedriju ressaq lil Ġesù l-​qorti tard bil-​lejl, u b’hekk ma mexiex mal-​proċeduri legali. (Mt. 26:59; Mk. 14:56-​59) Għalhekk, meta Ġesù kkwota minn Salm 22:1, kien qisu qed jgħid lil Ġeħova: ‘Alla tiegħi, Alla tiegħi, għala tlaqtni, meta m’għamilt xejn ħażin?’ Mela, Ġesù jaf qal dan il-​kliem biex juri li kien innoċenti.

Billi kkwota l-​kliem taʼ David, Ġesù setaʼ kien qed juri li hu ma tilifx l-​approvazzjoni taʼ Ġeħova. Anki David bata f’ħajtu imma dan ma jfissirx li ma kellux l-​approvazzjoni taʼ Ġeħova. Meta David staqsa din il-​mistoqsija ma kienx ifisser li hu ma kellux fidi f’Alla. Wara li qal dan il-​kliem, David wera li kellu fidi fil-​qawwa taʼ Ġeħova, u Ġeħova kompla jbierku. (Salm 22:23, 24, 27) Bl-​istess mod, minkejja li Ġesù, “Bin David,” bata fuq iz-​zokk tat-​tortura ma jfissirx li ma kellux l-​approvazzjoni taʼ Ġeħova.—Mt. 21:9.

Meta Ġesù qal dan il-​kliem, jistaʼ jkun li kien qed juri t-​tbatija li kien qed iħoss meta Ġeħova ma baqax jipproteġih. Ma kienx l-​iskop taʼ Ġeħova li Ibnu jgħaddi minn dik it-​tbatija u jmut. Dan kellu jseħħ minħabba li Adam u Eva m’obdewhx. Ġesù ma kien għamel xejn ħażin, imma hu kellu jbati u jmut biex jagħti tweġiba lil Satana u biex jipprovdi l-​fidwa ħalli b’hekk jixtri dak li tilef Adam. (Mk. 8:31; 1 Pt. 2:21-​24) Dan setaʼ jseħħ biss billi Ġeħova għall-​ewwel darba fil-​ħajja taʼ Ġesù ma jipproteġihx.

Jistaʼ jkun li Ġesù qal dan il-​kliem biex jgħin lis-​segwaċi tiegħu jifhmu għala Ġeħova ħallieh imut fuq iz-​zokk tat-​tortura. * Ġesù kien jaf li l-​mewt tiegħu bħala kriminal fuq iz-​zokk tat-​tortura kienet se tfixkel lil ħafna. (1 Kor. 1:23) Imma, jekk id-​dixxipli tiegħu kienu se jifhmu għala Ġesù kellu jmut b’dan il-​mod ma kinux se jitfixklu. (Gal. 3:13, 14) U kienu se jqisu lil Ġesù bħala Salvatur u mhux bħala kriminal.

Kienet x’kienet ir-​raġuni li Ġesù kkwota dan il-​kliem, hu kien jaf li kienet ir-​rieda taʼ Ġeħova li kellu jmut b’dan il-​mod. Eżatt wara li kkwota minn dan is-​salm, Ġesù qal: “Twettaq!” (Ġw. 19:30; Lq. 22:37) Iva, il-​fatt li Ġeħova ma ndaħalx meta Ġesù kien qiegħed imut fuq iz-​zokk tat-​tortura ppermetta lil Ġesù biex iwettaq dak kollu li kellu jagħmel fuq l-​art. Dan ippermetta wkoll li Ġesù jwettaq l-​affarijiet li hemm miktubin dwaru “fil-​ liġi taʼ Mosè u fil-​Profeti u fis-​Salmi.” —Lq. 24:44.

^ par. 2 Ara wkoll paragrafi 9 u 10 tal-​artiklu “X’Nitgħallmu mill-​Kliem li Qal Ġesù Qabel Miet?” f’din il-​ħarġa.

^ par. 4 Matul il-​ministeru tiegħu, kien hemm xi drabi meta Ġesù staqsa mistoqsijiet jew qal affarijiet mingħajr ma ta l-​opinjoni tiegħu. Hu għamel dan biex is-​segwaċi tiegħu jkollhom l-​opportunità jesprimu ruħhom.—Mk. 7:24-​27; Ġw. 6:1-​5; ara It-​Torri tal-​Għassa tal-​15 t’Ottubru 2010, pp. 4-​5.