Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-​ISTUDJU 15

Kun t’Eżempju Tajjeb Meta Titkellem

Kun t’Eżempju Tajjeb Meta Titkellem

“Kun t’eżempju għall-​uħud leali fil-​kliem.”—1 TIM. 4:12.

GĦANJA 90 Inkuraġġixxu lil xulxin

ĦARSA BIL-​QUDDIEM a

1. Min tana r-​rigal li nistgħu nitkellmu?

 ĠEĦOVA tana r-​rigal li nistgħu nitkellmu. Meta Ġeħova ħalaq lil Adam, hu setaʼ jitkellem maʼ Missieru tas-​sema. Hu setaʼ wkoll jifforma kliem ġdid. Adam għamel dan meta ta l-​ismijiet lill-​annimali. (Ġen. 2:19) U hu kien ferħan ħafna meta tkellem maʼ persuna oħra għall-​ewwel darba, li kienet il-​mara tiegħu, Eva!—Ġen. 2:22, 23.

2. Ir-​rigal li nistgħu nitkellmu kif intuża ħażin fil-​passat u anki llum?

2 Dan ir-​rigal malajr beda jintuża b’mod ħażin. Satana x-​Xitan gideb lil Eva, u din il-​gidba wasslet għad-​dnub u l-​imperfezzjoni. (Ġen. 3:1-​4) Adam bi kliemu waħħal f’Eva u anki f’Ġeħova għall-​iżbalji li għamel. (Ġen. 3:12) Kajjin gideb lil Ġeħova wara li qatel lil ħuh Abel. (Ġen. 4:9) Iktar tard, Lamek kiteb poeżija li wriet kemm in-​nies kienu vjolenti fi żmienu. (Ġen. 4:23, 24) U xi ngħidu għall-​mod kif jitkellmu n-​nies illum? Il-​politikanti kultant ma jiddejqux jużaw kliem ħażin fil-​pubbliku. Ħafna films illum ikun fihom kliem ħażin. It-​tfal jisimgħu kliem ħażin l-​iskola u l-​kbar fuq il-​post tax-​xogħol. Dan kollu jurina kemm id-​dinja saret ħażina.

3. Minn xiex irridu noqogħdu attenti, u x’se nikkunsidraw f’dan l-​artiklu?

3 Jekk ma noqogħdux attenti, tant nistgħu nidraw nisimgħu kliem ħażin li mbagħad nibdew ngħiduh aħna wkoll. Bla dubju, bħala Kristjani, aħna rridu nogħġbu lil Ġeħova, għalhekk qatt mhu se nitkellmu ħażin. Imma barra minn hekk, aħna rridu nużaw ir-​rigal li tana Ġeħova biex infaħħruh. F’dan l-​artiklu se nikkunsidraw kif nistgħu nagħmlu dan (1) fil-​ministeru, (2) fil-​laqgħat, u (3) fil-​ħajja taʼ kuljum. Imma l-​ewwel ejja naraw għala Ġeħova jimpurtah minn kif nitkellmu?

ĠEĦOVA JIMPURTAH MINN KIF NITKELLMU

Il-​mod kif titkellem kif juri x’għandek f’qalbek? (Ara paragrafi 4-5) d

4. Skont Malakija 3:16, Ġeħova għala jimpurtah minn dak li ngħidu?

4 Aqra Malakija 3:16. Ġeħova jniżżel fi “ktieb it-​tifkira” isem dawk li bil-​mod kif jitkellmu juru li jħobbuh u jimmeditaw fuq ismu. Għala? Għax dak li ngħidu juri x’għandna f’qalbna. Ġesù qal: “Mill-​abbundanza tal-​qalb jitkellem il-​fomm.” (Mt. 12:34) Dak li nagħżlu li nitkellmu fuqu juri kemm inħobbu lil Ġeħova. U Ġeħova jrid li dawk kollha li jħobbuh igawdu l-​ħajja taʼ dejjem fid-​dinja l-​ġdida.

5. (a) Dak li ngħidu kif għandu x’jaqsam mal-​qima tagħna? (b) Kif naraw fl-​istampa, minn xiex għandna noqogħdu attenti meta nitkellmu?

5 Il-​mod kif nitkellmu għandu x’jaqsam mal-​qima tagħna. (Ġak. 1:26) Xi wħud li ma jħobbux lil Alla jitkellmu b’rabja, bl-​aħrax, u bil-​kburija. (2 Tim. 3:1-​5) Bla dubju, aħna ma rridux inkunu bħalhom. Aħna nixtiequ nogħġbu lil Ġeħova bil-​mod kif nitkellmu. Imma Ġeħova se jkun kuntent bina jekk fil-​ministeru u fil-​laqgħat nitkellmu b’mod tajjeb, imma mbagħad maʼ tal-​familja, fejn ma jarana ħadd, nitkellmu bl-​aħrax u bla rispett?—1 Pt. 3:7.

6. X’eżempju tajjeb ħalliet Kimberly?

6 Meta r-​rigal li nistgħu nitkellmu nużawh b’mod tajjeb, inkunu qed nuru lill-​oħrajn li aħna qaddejja taʼ Ġeħova. Aħna ngħinuhom jaraw id-​differenza ‘bejn wieħed li jaqdi lil Alla u bejn wieħed li ma jaqdihx.’ (Mal. 3:18) Oħt jisimha Kimberly b hekk ġralha. Hi kellha taħdem fuq proġett maʼ tifla tal-​klassi tagħha. Wara li ħadmu flimkien, din it-​tifla ndunat li Kimberly kienet differenti. Hi ma kinitx titkellem kontra oħrajn, kienet titkellem pożittiv, u ma tgħidx kliem ħażin. Din it-​tifla impressjonat ruħha u ddeċidiet li tibda tistudja l-​Bibbja. Min jaf kemm jieħu pjaċir Ġeħova meta bil-​mod kif nitkellmu ngħinu n-​nies jersqu lejn il-​verità!

7. Il-​fatt li Ġeħova tak ir-​rigal li tistaʼ titkellem, x’int determinat li tagħmel?

7 Ilkoll nixtiequ nitkellmu b’mod li jġib tifħir lil Ġeħova u jgħinna nersqu eqreb lejn ħutna. Mela ejja nikkunsidraw xi modi tajbin kif nistgħu nkomplu nkunu “t’eżempju . . . fil-​kliem” tagħna.

KUN T’EŻEMPJU TAJJEB FIL-​MINISTERU

Meta nitkellmu bil-​ħlewwa fil-​ministeru, Ġeħova jieħu pjaċir (Ara paragrafi 8-9)

8. Il-​mod kif tkellem Ġesù meta kien fuq l-​art x’jgħallimna?

8 Tkellem bil-​ħlewwa u bir-​rispett meta oħrajn jirrabjawk. Meta Ġesù kien fuq l-​art, in-​nies qalu li hu kien jixrob ħafna nbid, kien jiekol ħafna ikel, ħadem għax-​Xitan, m’obdiex is-​Sabat, u ma kellux rispett lejn Alla. (Mt. 11:19; 26:65; Lq. 11:15; Ġw. 9:16) Imma minkejja dan kollu, Ġesù qatt ma wiġibhom bir-​rabja. Bħal Ġesù, qatt m’għandna nirrispondu lura bl-​aħrax. (1 Pt. 2:21-​23) Ovvjament, dan mhux dejjem faċli. (Ġak. 3:2) Allura, x’jistaʼ jgħinna?

9. X’jistaʼ jgħinna nikkontrollaw dak li ngħidu meta nkunu fuq il-​ministeru?

9 Meta nkunu qed nippritkaw u xi ħadd ma juriniex rispett, m’għandniex nieħdu għalina. Ħu jismu Sam jgħid, “Jien nipprova naħseb kemm il-​persuna għandha bżonn tkun taf il-​verità, u li tistaʼ tinbidel.” Xi kultant, l-​inkwilin jaf ikun irrabjat minħabba li nkunu morna f’ħin ħażin. Meta nitkellmu maʼ xi ħadd irrabjat nistgħu nagħmlu bħalma tagħmel oħt jisimha Lucia. Hi tgħid talba qasira biex Ġeħova jgħinha tibqaʼ kalma u turi rispett lejn dak li jkun.

10. Skont l-​1 Timotju 4:13, x’mira għandna nagħmlu?

10 Sir għalliem aħjar. Għalkemm Timotju kien għalliem tajjeb, hu xorta baqaʼ jtejjeb il-​mod kif jgħallem. (Aqra l-1 Timotju 4:13.) Kif nistgħu nsiru għalliema aħjar fil-​ministeru? Irridu nippreparaw sew minn qabel. Grazzi għal Ġeħova, għandna ħafna għodda li tistaʼ tgħinna nagħmlu dan. Tistaʼ ssib informazzjoni t’għajnuna fil-​browxer Irsisti fil-​qari u t-​tagħlim u fil-​parti “Irsisti fil-​Ministeru” li jkollna fil-​Fuljett għall-​Istudju tal-​Laqgħa—Il-​Ħajja u l-​Ministeru Kristjan Tagħna. Int qiegħed tuża dawn il-​pubblikazzjonijiet? Meta nippreparaw sew se nħossuna iktar komdi u inqas eċitati.

11. Xi Kristjani kif saru għalliema tajbin?

11 Nistgħu nsiru għalliema aħjar ukoll billi nitgħallmu minn aħwa oħrajn fil-​kongregazzjoni. Sam, li semmejna qabel, isaqsi lilu nnifsu: ‘X’jagħmel lil xi aħwa għalliema tajbin?’ Hu joqgħod attent biex jara kif jgħallmu u mbagħad jipprova jimita l-​eżempju tagħhom. Oħt jisimha Talia toqgħod attenta meta aħwa kapaċi jagħtu taħditiet pubbliċi. Dan għenna titgħallem titkellem dwar suġġetti li spiss in-​nies jistaqsu dwarhom fil-​ministeru.

KUN TAʼ EŻEMPJU WAQT IL-​LAQGĦAT

Meta nkantaw mill-​qalb fil-​laqgħat inkunu qed infaħħru lil Ġeħova (Ara paragrafi 12-13)

12. Waqt il-​laqgħat, xi aħwa xi jsibu diffiċli?

12 Meta nkantaw flimkien u nkunu ppreparati biex nikkummentaw, il-​laqgħat se jkunu inkuraġġanti. (Salm 22:22) Imma xi wħud isibuha diffiċli biex jagħmlu dan. Inti tħossok hekk? Jekk iva, se ssibha t’għajnuna jekk tkun taf x’għen lill-​aħwa biex ma jibżgħux ikantaw jew jikkummentaw waqt il-​laqgħa.

13. X’jistaʼ jgħinek biex tkanta mill-​qalb waqt il-​laqgħat?

13 Kanta mill-​qalb. Ir-​raġuni prinċipali għala nkantaw fil-​laqgħat hi biex infaħħru lil Ġeħova. Oħt jisimha Sara tħoss li ma tkantax tajjeb. Però, hi xorta tixtieq tfaħħar lil Ġeħova bil-​kant. Għalhekk, meta tkun qed tipprepara għal-​laqgħa, tipprepara wkoll l-​għanjiet. Hi tipprattikahom u tipprova tara kif il-​kliem għandu x’jaqsam mas-​suġġett tal-​laqgħa. Hi tgħid: “Dan jgħinni biex niffoka iktar fuq il-​kliem milli fuq il-​mod kif inkun qed inkanta.”

14. Jekk tistħi x’jistaʼ jgħinek tikkummenta waqt il-​laqgħat?

14 Ikkummenta b’mod regulari. Għal xi wħud dan vera diffiċli. Talia, li semmejna qabel, tgħid: “Jien vera nħossni eċitata meta niġi biex nitkellem quddiem oħrajn. Għalhekk, biex nikkummenta vera nsibha diffiċli.” Imma dan ma jwaqqafx lil Talia milli tikkummenta. Meta tkun qed tipprepara għal-​laqgħa, hi żżomm f’moħħha li l-​ewwel kumment għandu jkun qasir u jwieġeb il-​mistoqsija tal-​paragrafu. Hi tgħid: “Allura mhix problema jekk il-​kumment tiegħi jkun qasir, sempliċi, u joħroġ il-​punt mill-​ewwel, għax l-​anzjan li jkun qed imexxi l-​istudju hekk ikun qed jistenna.”

15. Meta niġu biex nikkummentaw x’għandna niftakru?

15 Anki Kristjani li ma jistħux, kultant iżommu lura milli jikkummentaw. Għala? Oħt jisimha Juliet tgħid, “Ġieli nżomm lura milli nikkummenta għax naħseb li l-​kumment tiegħi jkun sempliċi wisq u mhux tajjeb biżżejjed.” Imma, ftakar li Ġeħova kull ma jrid hu li nagħtu l-​aħjar kumment li nistgħu. c Hu jieħu pjaċir ħafna meta nagħmlu dak kollu li nistgħu biex nikkummentaw waqt il-​laqgħat minkejja li nibżgħu.

KUN T’EŻEMPJU FIL-​ĦAJJA TAʼ KULJUM

16. X’tip taʼ kliem għandna nevitaw?

16 Evita kull tip taʼ “tgħajjir.” (Efes. 4:31) Kif diġà semmejna, bħala Kristjani, aħna ma ngħidux kliem ħażin. Però, irridu noqogħdu attenti għax xorta nistgħu ngħidu kliem li jweġġaʼ. Pereżempju, m’għandniex ngħidu affarijiet kontra nies taʼ nazzjon jew kultura differenti. Ukoll, qatt m’għandna ngħidu affarijiet li jistgħu jweġġgħu lil oħrajn. Ħu jammetti: “Ġieli għedt affarijiet biex indaħħaq, u għalija ma kont qed inweġġaʼ lil ħadd. Però, fil-​verità, b’dak li kont qed ngħid kont qed inweġġaʼ lil oħrajn. Il-​mara tiegħi għenitni ħafna meta fil-​privat kienet tgħidli li jien għedt xi ħaġa b’mod sarkastiku li biha nkun weġġajt lilha u lil oħrajn.”

17. Fi qbil maʼ Efesin 4:29, kif nistgħu ninkuraġġixxu lil oħrajn?

17 Tkellem b’mod li jibni lil oħrajn. Kun lest li tfaħħar lil oħrajn u mhux toqgħod tgerger kontrihom jew tmaqdarhom. (Aqra Efesin 4:29.) L-​Iżraelin kellhom ħafna għal xiex jirringrazzjawh lil Ġeħova, imma spiss kienu jgergru. Meta noqogħdu ngergru taʼ spiss, nistgħu nġiegħlu lil oħrajn igergru wkoll. Ftakar li minħabba r-​rapport ħażin li ġabu l-​għaxar spiji, “l-​ulied kollha taʼ Israel bdew igergru kontra Mosè.” (Num. 13:31–14:4) Mill-​banda l-​oħra, meta nfaħħru lil oħrajn nistgħu ngħinu biex kulħadd ikun kuntent. Nistgħu nkunu ċerti li l-​inkuraġġiment li t-​tifla taʼ Ġefta rċiviet mingħand il-​ħbieb tagħha, għenha twettaq l-​inkarigu li kellha. (Mħ. 11:40) Sara, li diġà semmejna, tgħid, “Meta nfaħħru lil oħrajn ngħinuhom biex iħossuhom maħbubin minn Ġeħova u nfakkruhom li l-​aħwa fil-​kongregazzjoni jħobbuhom ukoll.” Għalhekk fittex opportunitajiet biex tfaħħar lill-​aħwa.

18. Skont Salm 15:1, 2, għala għandna ngħidu l-​verità, u dan x’jinkludi?

18 Għid il-​verità. Jekk irridu nogħġbu lil Ġeħova, aħna m’għandniex nigdbu għax hu jobgħod kull tip taʼ gideb. (Prov. 6:16, 17) Għalkemm ħafna nies illum jaħsbu li l-​gideb ma fih xejn ħażin, aħna nevitawh. (Aqra Salm 15:1, 2.) Bla dubju, aħna ma nigdbux, però nevitaw ukoll li ngħidu xi ħaġa li biha nagħtu l-​impressjoni ħażina.

Meta l-​konversazzjoni tkun negattiva u nbiddlu s-​suġġett, Ġeħova jieħu pjaċir (Ara paragrafuh 19)

19. Minn xiex irridu noqogħdu attenti wkoll?

19 Titkellimx negattiv dwar oħrajn. (Prov. 25:23; 2 Tess. 3:11) Juliet, li diġà semmejna, tispjega kif kliem negattiv jeffettwaha. Hi tgħid: “Meta nismaʼ lil xi ħadd jitkellem fuq oħrajn b’mod negattiv inħossni skuraġġita u nitlef il-​fiduċja fil-​persuna li tkun qed tgħid dawn l-​affarijiet. Wara kollox, x’garanzija għandi li hi mhux se tmur tgħid fuqi m’oħrajn?” Jekk tkun qed titkellem maʼ xi ħadd u tinduna li l-​konversazzjoni mhix inkuraġġanti, ipprova dawwar is-​suġġett.—Kol. 4:6.

20. X’int determinat li tagħmel meta titkellem?

20 Minħabba li ngħixu f’dinja fejn in-​nies spiss jitkellmu ħażin, aħna rridu naħdmu iebes biex nitkellmu kif jogħġob lil Ġeħova. Ftakar, il-​fatt li nistgħu nitkellmu hu rigal mingħand Ġeħova, u hu jimpurtah kif nużawh. Hu se jberikna meta aħna nipprovaw nitkellmu b’mod li jġib tifħir lilu meta nkunu qegħdin fil-​ministeru, fil-​laqgħat, u fil-​ħajja taʼ kuljum. Meta Ġeħova jeqred din id-​dinja ħażina, se jkun iktar faċli għalina biex infaħħru lil Ġeħova b’dak li ngħidu. (Ġuda 15) Sa ma jasal dak iż-​żmien, kun determinat li togħġob lil Ġeħova b’dak li tgħid.—Salm 19:14.

GĦANJA 121 Neħtieġu r-​rażan

a Ġeħova tana rigal mill-​isbaħ—ir-​rigal li nistgħu nitkellmu. B’dispjaċir, ħafna nies ma jużawx dan ir-​rigal kif jixtieq hu. X’jistaʼ jgħinna biex dak li ngħidu jkun inkuraġġanti u jogħġob lil Ġeħova minkejja li qed ngħixu f’dinja ħażina? Kif nistgħu nitkellmu b’mod li jogħġob lil Ġeħova fil-​ministeru, waqt il-​laqgħat, u meta nkunu m’oħrajn? Matul dan l-​artiklu ser inwieġbu dawn il-​mistoqsijiet.

b Xi ismijiet ġew mibdulin.

c Għal iktar informazzjoni dwar li nikkummentaw, ara l-​artiklu “Faħħar lil Ġeħova fil-​kongregazzjoni” fil-​ħarġa taʼ It-​Torri tal-​Għassa taʼ Jannar 2019.

d X’TGĦIDILNA L-​ISTAMPA: Ħu qed jiħodha maʼ inkwilin li hu rrabjat, ħu mhux qed ikanta fil-​laqgħa, u oħt qed titkellem b’mod negattiv fuq ħaddieħor.