Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-​ISTUDJU 17

Ommijiet—Tgħallmu mill-Eżempju taʼ Ewniċe

Ommijiet—Tgħallmu mill-Eżempju taʼ Ewniċe

“Titlaqx il-​liġi t’ommok. [Din hi] girlanda taʼ ġmiel għal rasek u ġiżirana mill-​isbaħ għal għonqok.”—PROV. 1:8, 9.

GĦANJA 137 Aħwa Kristjani, nisa leali

ĦARSA BIL-​QUDDIEM a

Omm Timotju, Ewniċe, u n-​nanna tiegħu Lojs, ferħanin ħafna għax qed jarawh jitgħammed (Ara paragrafu 1)

1-2. (a) Min kienet Ewniċe, u xi sfidi ffaċċjat bħala omm? (b) Ikkummenta fuq l-​istampa tal-​qoxra.

 GĦALKEMM il-​Bibbja ma ssemmix il-​magħmudija taʼ Timotju, nistgħu nimmaġinaw kemm kienet ferħana dakinhar ommu Ewniċe. (Prov. 23:25) Immaġinaw kemm ħassitha kuntenta xħin Timotju kien qiegħed fl-​ilma. Hi titbissem waqt li n-​nanna taʼ Timotju, Lojs, qiegħda maġenbha. Waqt li żżommilha jdejha, Ewniċe tieħu nifs ’il ġewwa hekk kif Timotju jinżel taħt l-​ilma. Xħin jitlaʼ mill-​ilma, Timotju jkollu tbissima fuq wiċċu, u hi jaqbżilha d-​dmugħ bil-​ferħ. Minkejja li kien diffiċli, Ewniċe għallmet lit-​tifel tagħha jħobb lil Ġeħova u lil Ibnu, Ġesù Kristu. Ewniċe liema sfidi għelbet biex Timotju wasal għall-​magħmudija?

2 Il-​ġenituri taʼ Timotju ma kellhomx l-​istess reliġjon. Missieru kien Grieg u ommu u nanntu kienu Lhud. (Atti 16:1) X’aktarx li Timotju kien żagħżugħ meta Ewniċe u Lojs saru Kristjani. Imma missieru ma sarx Kristjan. Timotju liema reliġjon kien se jagħżel? X’aktarx hu kellu l-​età tiegħu biex jiddeċiedi. Kien se jagħżel ir-​reliġjon taʼ missieru? Kien se jsegwi t-​tradizzjonijiet Lhud li tgħallem meta kien żgħir? Jew kien se jsir dixxiplu taʼ Ġesù Kristu?

3. Skont Proverbji 1:8, 9, Ġeħova x’jaħseb dwar ix-​xogħol li jagħmlu l-​ommijiet biex jgħinu lit-​tfal tagħhom isiru l-​ħbieb tiegħu?

3 L-​ommijiet Kristjani llum ukoll iħobbu lill-​familja tagħhom. Iktar minn kull ħaġa oħra, huma jixtiequ jgħinu lit-​tfal tagħhom biex ikollhom ħbiberija mill-​qrib maʼ Ġeħova. U Ġeħova japprezza ħafna l-​isforzi tagħhom. (Aqra Proverbji 1:8, 9.) Ġeħova għen lil ħafna ommijiet biex jgħallmu lit-​tfal tagħhom iħobbuh u jaqduh.

4. Illum, l-​ommijiet liema sfidi jiffaċċjaw?

4 Huwa normali li kultant l-​ommijiet jinkwetaw jekk uliedhom hux se jagħżlu li jaqdu lil Ġeħova bħalma għamel Timotju. Wara kollox, il-​ġenituri jafu kemm id-​dinja taʼ Satana tagħmel pressjoni lit-​tfal tagħhom. (1 Pt. 5:8) Barra minn hekk, ħafna ommijiet irabbu t-​tfal waħedhom jew ir-​raġel tagħhom mhux fil-​verità. Pereżempju, oħt jisimha Christine b tgħid: “Ir-​raġel tiegħi kien missier tajjeb u jħobb lill-​familja, imma hu ma ridnix ngħallem lit-​tfal dwar Ġeħova. Bkejt ħafna drabi għax kont ninkwieta jekk it-​tfal kinux se jaqdu lil Ġeħova.”

5. X’se niddiskutu f’dan l-​artiklu?

5 Jekk inti omm, int tistaʼ tgħin lit-​tfal tiegħek iħobbu lil Ġeħova u jaqduh bħalma għamlet Ewniċe. F’dan l-​artiklu, se niddiskutu kif inti tistaʼ timita l-​eżempju tagħha u tgħallem lit-​tfal tiegħek b’dak li tgħid u tagħmel. Se naraw ukoll kif Ġeħova se jgħinek.

GĦALLEM LIT-​TFAL TIEGĦEK B’DAK LI TGĦID

6. Kif juri t-​2 Timotju 3:14, 15, Timotju kif sar Kristjan?

6 Meta Timotju kien għadu żgħir, ommu għamlet dak kollu li setgħet biex tgħallmu “l-​kitba qaddisa” kif kienu jifhmuha l-​Lhud. Bla dubju, hi ma tantx kienet taf dwar Ġesù Kristu. Però, dak li tgħallem Timotju mill-​Iskrittura kien dak li kellu bżonn biex isir Kristjan. Imma hu kien se jsir Kristjan? Bħala żagħżugħ kellu d-​dritt li jagħżel jekk isirx Kristjan. Bla dubju, Timotju kien “konvint” mill-​verità dwar Ġesù grazzi għall-​isforzi li għamlet ommu. (Aqra t-2 Timotju 3:14, 15.) Min jaf kemm kienet ferħana Ewniċe li rnexxielha tegħleb l-​isfidi u tgħallem lit-​tifel tagħha dwar Ġeħova. L-​isem Ewniċe ġej mill-​kelma li tfisser “tirbaħ” u hi hekk għamlet, rebħet, jew għelbet, sfidi biex tgħin lil Timotju jħobb lil Ġeħova u jaqdih.

7. Ewniċe kif setgħet tkompli tgħin lit-​tifel tagħha jagħmel progress wara l-​magħmudija?

7 Il-​magħmudija kienet pass importanti għal Timotju, imma Ewniċe xorta kienet tinkwieta għalih. Timotju x’kien se jagħmel fil-​ħajja tiegħu? Kien se jibda jagħmilha maʼ kumpanija ħażina? Kien se jmur l-​iskola f’Ateni u jaċċetta t-​tagħlim reliġjuż falz? Kien se jaħli l-​ħin, l-​enerġija, u ż-​żgħożija tiegħu biex jaħdem ħafna u jsir sinjur? Ommu ma setgħetx tiddeċiedi għalih, imma hi setgħet tgħinu. Kif? Hi setgħet tkompli taħdem iebes biex tgħin lit-​tifel tagħha jkompli jħobb lil Ġeħova u japprezza dak li Ġeħova u Ġesù għamlu għalih. Ġenituri li għandhom ir-​raġel jew il-​mara mhix Xhud taʼ Ġeħova mhumiex l-​uniċi wħud li jiffaċċjaw sfidi biex jgħinu lit-​tfal tagħhom iħobbu lil Ġeħova. Anke għall-​ġenituri li jkunu t-​tnejn fil-​verità jistaʼ jkun diffiċli. Il-​ġenituri x’jistgħu jitgħallmu mill-​eżempju t’Ewniċe?

8. Omm li r-​raġel tagħha hu fil-​verità, kif tistaʼ tgħinu jgħallem lit-​tfal dwar Ġeħova?

8 Studja l-​Bibbja mat-​tfal tiegħek. Ommijiet jekk ir-​raġel tagħkom hu fil-​verità, Ġeħova jridkom tgħinu lir-​raġel biex jgħallem lit-​tfal dwaru. Mod wieħed kif tistaʼ tagħmel dan hu billi b’mod regolari tgħin lir-​raġel biex tagħmlu l-​Qima Bħala Familja. Tkellem b’mod pożittiv dwar il-​qima bħala familja. U aħseb dwar dak li tistaʼ tagħmel biex it-​tfal jieħdu pjaċir. Forsi tistaʼ tgħin lir-​raġel biex għall-​istudju tagħmlu xi proġett interessanti. U jekk xi tfal huma kbar biżżejjed u jistgħu jibbenefikaw minn studju personali mill-​ktieb Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem!, forsi tistaʼ tgħin lir-​raġel tiegħek biex it-​tfal jagħmlu l-​istudju.

9. Omm li r-​raġel tagħha mhux fil-​verità, fejn tistaʼ ssib l-​għajnuna?

9 Xi ommijiet għandhom jgħallmu l-​Bibbja lit-​tfal tagħhom huma, minħabba li huma single parent jew għax ir-​raġel tagħhom mhuwiex fil-​verità. Jekk dan hu fil-​każ tiegħek, m’għandekx għalfejn tinkwieta żżejjed. Ġeħova se jgħinek. Uża l-​għodda effettiva tat-​tagħlim li hu provda permezz tal-​organizzazzjoni tiegħu biex tistudja mat-​tfal tiegħek. Int tistaʼ tistaqsi lill-​ġenituri tal-​esperjenza kif jużaw din l-​għodda biex jagħmlu l-​qima bħala familja. c (Prov. 11:14) Ukoll, tistaʼ titlob lil Ġeħova biex jgħinek tuża mistoqsijiet tajbin ħalli tkun taf dak li qed jaħsbu u jħossu t-​tfal tiegħek. (Prov. 20:5) Mistoqsija sempliċi bħal pereżempju, ‘X’inhi l-​ikbar sfida li qed tiffaċċja l-​iskola?’ tistaʼ tgħinek issir taf ħafna dwar it-​tfal tiegħek.

10. B’liema modi oħrajn tistaʼ tgħin lit-​tfal tiegħek jitgħallmu dwar Ġeħova?

10 Fittex modi differenti biex tgħallem lit-​tfal tiegħek dwar Ġeħova. Tkellem dwar Ġeħova u l-​affarijiet tajbin li għamel għalik. (Dt. 6:6, 7; Is. 63:7) Dan huwa importanti ħafna speċjalment jekk ma tistax tistudja b’mod regolari mat-​tfal tiegħek id-​dar. Christine, li diġà semmejna tgħid: “Jien ma kienx ikolli ħafna opportunitajiet biex nitkellem mat-​tfal dwar Ġeħova. Allura kont naħtaf kull ċans li jiġini. Meta konna mmorru nimxu jew inkella bil-​kenura u matul dak il-​ħin kont inkellimhom dwar il-​ħolqien taʼ Ġeħova u affarijiet oħrajn li jgħinuhom isiru l-​ħbieb tiegħu. Meta t-​tfal tiegħi kibru, jien mill-​ewwel inkuraġġejthom biex jistudjaw il-​Bibbja waħedhom.” Apparti minn hekk, tkellem b’mod pożittiv dwar l-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova u l-​aħwa. Tmaqdarx lill-​anzjani. Dak li tgħid dwarhom, jistaʼ jgħin lit-​tfal tiegħek biex meta jkollhom bżonn l-​għajnuna jmorru għandhom.

11. Skont Ġakbu 3:18, għala huwa importanti li naħdmu biex fil-​familja jkun hemm il-​paċi?

11 Aħdem biex iżżomm il-​paċi fil-​familja. B’mod regolari uri lir-​raġel u lit-​tfal li tħobbhom. Tkellem dwar ir-​raġel b’rispett u bi mħabba u għallem lit-​tfal tiegħek biex jagħmlu l-​istess. Meta tagħmel dan, se jkun iktar faċli għat-​tfal tiegħek biex jitgħallmu dwar Ġeħova. (Aqra Ġakbu 3:18.) Aħseb dwar l-​eżempju taʼ Jozsef, li jaqdi bħala pijunier speċjali fir-​Rumanija. Meta kien qed jikber, missieru għamilhielhom diffiċli ħafna lilu, lil ommu, u lil ħutu biex jaqdu lil Ġeħova. Jozsef jgħid: “Ommi kienet tagħmel dak kollu li tistaʼ biex iżżomm il-​paċi fil-​familja. Iktar ma missieri kien ikun aħrax, ommi iktar kienet turi qalb tajba. Kull darba li kienet tara li qed insibuha diffiċli biex nobdu u nirrispettaw lil missieri, hi kienet tiddiskuti magħna Efesin 6:1-​3. Imbagħad kienet issemmi l-​kwalitajiet sbieħ li kellu missieri u tgħinna nifhmu għala għandna nħobbuh. Dan għen biex il-​familja tagħna tkun fil-​paċi.”

GĦALLEM LIT-​TFAL TIEGĦEK B’DAK LI TAGĦMEL

12. Skont it-​2 Timotju 1:5, l-​eżempju t’Ewniċe x’effett ħalla fuq Timotju?

12 Aqra t-2 Timotju 1:5. Ewniċe kienet t’eżempju tajjeb għal Timotju. Hi għallmitu li fidi vera tintwera b’dak li nagħmlu. (Ġak. 2:26) Timotju żgur setaʼ jara li dak kollu li għamlet ommu, għamlitu għax kienet tħobb ħafna lil Ġeħova. Timotju setaʼ jara li ommu kienet ferħana għax kienet taqdi lil Ġeħova. L-​eżempju tagħha x’effett ħalla fuqu? L-​appostlu Pawlu nnota li Timotju kellu fidi soda bħal ommu. Din il-​fidi ma ġietx b’kumbinazzjoni. Timotju nnota l-​eżempju tagħha u hu ried jimitaha. Bl-​istess mod illum, ħafna ommijiet messew il-​qalb taʼ wħud mill-​familja “mingħajr ebda kelma.” (1 Pt. 3:1, 2) Int kif tistaʼ tagħmel dan ukoll?

13. Għall-​omm, għala l-​ħbiberija tagħha maʼ Ġeħova għandha tkun l-​iktar ħaġa importanti?

13 Il-​ħbiberija tiegħek maʼ Ġeħova għandha tkun l-​iktar ħaġa importanti. (Dt. 6:5, 6) Bħal ħafna ommijiet, int tagħmel ħafna sagrifiċċji. Biex tieħu ħsieb il-​bżonnijiet tat-​tfal tiegħek inti qed tagħti ħafna affarijiet, fosthom il-​ħin, il-​flus, u l-​irqad. Imma trid toqgħod attenta li xorta ssib il-​ħin biex issaħħaħ il-​ħbiberija tiegħek maʼ Ġeħova. B’mod regolari warrab il-​ħin biex tiftaħ qalbek miegħu fit-​talb, tistudja l-​Bibbja, u tattendi l-​laqgħat. Meta tagħmel hekk, tkun qed issaħħaħ il-​ħbiberija tiegħek maʼ Ġeħova u tkun t’eżempju għall-​familja tiegħek u oħrajn.

14-15. X’titgħallem mill-​eżempju taʼ dawn l-​aħwa?

14 Ikkunsidra ftit eżempji taʼ wħud żgħażagħ li tgħallmu jħobbu lil Ġeħova u jafdaw fih billi raw l-​eżempju t’ommhom. It-​tifla taʼ Christine, Leanne, tgħid: “Ma stajniex nistudjaw il-​Bibbja meta missieri kien ikun id-​dar. Imma ommi dejjem attendiet il-​laqgħat. Minkejja li ma tantx konna nafu dwar il-​Bibbja, dak li kienet tagħmel għenna biex ikollna fidi soda. Aħna konna nafu li x-​Xhieda taʼ Ġeħova kienu jgħallmu l-​verità qabel bdejna mmorru l-​laqgħat.”

15 Maria, li missierha kien aħrax ħafna mal-​familja minħabba li kienu jattendu l-​laqgħat, tgħid: “Ommi hija waħda mill-​iktar nisa kuraġġużi li naf. Meta kont żgħira, kultant ma kontx inkun irrid nagħmel ċertu affarijiet għax kont nibżaʼ minn dak li jgħidu oħrajn. Imma minħabba li kont nara kemm ommi kienet kuraġġuża u kif dejjem poġġiet lil Ġeħova l-​ewwel f’ħajjitha, irnexxieli negħleb il-​biżaʼ li kelli.” João, li missieru fid-​dar ma kienx iħallihom jitkellmu dwar Ġeħova u l-​Bibbja, jgħid: “Naħseb l-​iktar ħaġa li inkuraġġietni kienet li ommi kienet lesta li tagħmel minn kollox biex missieri jkun kuntent, imma Ġeħova xorta kien l-​ewwel f’ħajjitha.”

16. L-​eżempju tal-​omm kif jistaʼ jeffettwa lil oħrajn?

16 Ommijiet, ftakru li l-​eżempju tagħkom jeffettwa lil oħrajn. Kif? Aħsbu dwar kif l-​eżempju t’omm Timotju effettwa lil Pawlu. Hu kiteb li l-​fidi mingħajr ipokresija li kellu Timotju, ‘l-​ewwel kienet . . . f’ommu Ewniċe.’ (2 Tim. 1:5) Pawlu meta nnota l-​fidi tagħha? Jistaʼ jkun li hu ltaqaʼ maʼ Lojs u Ewniċe f’Listra matul l-​ewwel vjaġġ missjunarju tiegħu, u jistaʼ jkun li għenhom isiru Kristjani. (Atti 14:4-​18) Aħsbu ftit, meta Pawlu kiteb lil Timotju, madwar 15-​il sena wara, hu baqaʼ jiftakar il-​fidi t’Ewniċe u użaha bħala eżempju li oħrajn għandhom jimitaw! Bla dubju, l-​eżempju tagħha inkuraġġixxa ħafna lill-​appostlu Pawlu u x’aktarx lill-​Kristjani oħrajn taʼ dak iż-​żmien. Jekk qed trabbi lit-​tfal waħdek jew forsi r-​raġel m’għandux l-​istess reliġjon, kun ċerta li l-​eżempju tajjeb tiegħek jinkuraġġixxi lil oħrajn.

Jieħu ż-​żmien biex tgħin tifel jew tifla ssir tħobb lil Ġeħova. Imma taqtax qalbek! (Ara paragrafu 17)

17. X’għandek tagħmel jekk it-​tfal tiegħek ma jridux jaqdu lil Ġeħova minkejja l-​isforzi tiegħek?

17 Imma xi ngħidu jekk it-​tfal tiegħek ma jridux jaqdu lil Ġeħova minkejja l-​isforzi tiegħek? Ftakar li biex tgħallem lit-​tfal jieħu ż-​żmien. Kif naraw fl-​istampa, meta tiżraʼ żerriegħa kultant tiddubita jekk hux se tikber fi pjanta li tagħmel il-​frott. Minkejja li m’intix ċerta jekk il-​pjanta hix se tagħmel frott, xorta tibqaʼ ssaqqiha biex tgħinha tikber. (Mk. 4:26-​29) Bl-​istess mod, bħala omm kultant forsi tiddubita jekk l-​isforzi tiegħek hux qed jgħinu lit-​tfal iħobbu lil Ġeħova. Int ma tistax tikkontrolla d-​deċiżjonijiet li jieħdu t-​tfal tiegħek, imma jekk tkompli tagħmel dak kollu li tistaʼ biex tgħallimhom, tkun qed ittihom l-​aħjar opportunità biex isiru l-​ħbieb taʼ Ġeħova.—Prov. 22:6.

STRIEĦ FUQ L-​GĦAJNUNA TAʼ ĠEĦOVA

18. Ġeħova kif jistaʼ jgħin lit-​tfal tiegħek isiru l-​ħbieb tiegħu?

18 Sa minn żminijiet Bibliċi, Ġeħova għen lil ħafna żgħażagħ isiru l-​ħbieb tiegħu. (Salm 22:9, 10) Jekk it-​tfal tiegħek jixtiequ jkunu l-​ħbieb tiegħu, hu se jgħinhom ukoll. (1 Kor. 3:6, 7) Anke jekk forsi t-​tfal tiegħek mhux qed jaqduh b’qalbhom kollha, hu dejjem se jżomm għajnejh fuqhom. (Salm 11:4) Meta juru l-​iċken sinjal li jixtiequ jogħġbuh, Ġeħova lest li jgħinhom isiru l-​ħbieb tiegħu. (Atti 13:48; 2 Kron. 16:9) Hu jistaʼ jgħinek tgħid dak li t-​tfal tiegħek ikollhom bżonn jisimgħu. (Prov. 15:23) Jew forsi juża ħu jew oħt biex turi interess personali fihom. Anke meta jikbru, Ġeħova jistaʼ jfakkarhom xi ħaġa li tkun għallimthom meta kienu żgħar. (Ġw. 14:26) Meta int tkompli tgħallem lit-​tfal bil-​kliem u bl-​eżempju tiegħek, Ġeħova se jippremjak.

19. Għala tistaʼ tkun ċerta li Ġeħova se jkun kuntent bik?

19 L-​imħabba taʼ Ġeħova għalik ma tiddependix mid-​deċiżjonijiet li jieħdu t-​tfal tiegħek. Hu jħobbok għax int tħobbu. Jekk int single parent, Ġeħova jwiegħdek li hu se jkun bħala Missier għat-​tfal tiegħek u li lilek se jipproteġik. (Salm 68:5) Int ma tistax tiddeċiedi jekk it-​tfal tiegħek jaqdux lil Ġeħova. Imma jekk tkompli tistrieħ fuqu għall-​għajnuna u tagħmel l-​almu tiegħek, hu se jkun kuntent bik.

GĦANJA 134 It-​tfal huma wirt mingħand Alla

a F’dan l-​artiklu se naraw x’jistgħu jitgħallmu l-​ommijiet Kristjani mill-​eżempju t’omm Timotju, Ewniċe, u kif jistgħu jgħinu lit-​tfal tagħhom isiru jafu lil Ġeħova u jħobbuh.

b Xi ismijiet ġew mibdulin.

c Pereżempju, ara lezzjoni 50 tal-​ktieb Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem! u l-​artiklu “Ideat għall-​Qima tal-​Familja u l-​Istudju Persunali” f’It-​Torri tal-​Għassa tal-​15 t’Awwissu 2011, pp. 6-​7.