Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Mistoqsijiet mill-Qarrejja

Mistoqsijiet mill-Qarrejja

Il-​Bibbja x’tgħid dwar il-​ħalf?

Ħalfa hi “dikjarazzjoni jew wegħda serja ħafna li xi ħadd se jagħmel xi ħaġa, u spiss b’Alla . . . bħala xhud.” Din tistaʼ ssir bil-​kliem jew bil-​kitba.

Xi wħud jistgħu jaħsbu li ħażin li taħlef għax Ġesù qal: “Taħilfu b’xejn . . . Iżda l-​kelma tagħkom Iva ħa tfisser Iva, u l-​Le, Le; għax dak li hu iżjed minn hekk ikun ġej mill-​Ħażin.” (Mt. 5:33-​37) Bla dubju, Ġesù kien jaf li l-​Liġi Mosajka kienet titlob li l-​Iżraelin, f’ċertu ċirkustanzi, kellhom jaħilfu u li qaddejja leali t’Alla ħalfu. (Ġen. 14:22, 23; Eżo. 22:10, 11) Hu kien jaf ukoll li anki Ġeħova ħalef. (Ebr. 6:13-​17) Mela Ġesù ma kienx qed ifisser li aħna ma nistgħux naħilfu. Minflok, hu kien qed iwissi lin-​nies biex ma jaħilfux għal affarijiet li mhumiex importanti jew għalxejn b’xejn. Għandna dejjem inżommu kelmitna u nagħmlu dak li wegħedna għax Ġeħova hekk irid.

Allura x’għandek tagħmel jekk xi ħadd jgħidlek biex taħlef? L-​ewwel, kun ċert li tistaʼ tagħmel dak li twiegħed. Jekk ma tkunx ċert, aħjar ma taħlifx. Il-​Kelma t’Alla twissina: “Aħjar ma twiegħed xejn milli twiegħed u ma troddx.” (Ekk. 5:5) Imbagħad, aħseb dwar prinċipji Skritturali li japplikaw għal dak li ġejt mitlub tagħmel, u wara ħu d-​deċiżjoni skont il-​kuxjenza fi qbil maʼ dawn il-​prinċipji. X’inhuma xi wħud minn dawn il-​prinċipji?

Ċertu ħalfiet huma fi qbil mar-​rieda t’Alla. Pereżempju, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova jagħmlu wegħda meta jiżżewġu. Din il-​wegħda hi bħal ħalfa. Quddiem Alla u x-​xhieda, l-​għarus u l-​għarusa jwiegħdu li se jħobbu, jgħożżu, u jirrispettaw lil xulxin ‘sakemm it-​tnejn li huma jibqgħu ħajjin.’ (Koppji oħrajn forsi ma jgħidux eżatt dan il-​kliem meta jiżżewġu, imma xorta jagħmlu ħalfa quddiem Alla.) Imbagħad huma jsiru raġel u mara miżżewġin, u għandhom jibqgħu miżżewġin għal ħajjithom kollha. (Ġen. 2:24; 1 Kor. 7:39) Dan l-​arranġament hu xieraq u hu fi qbil mar-​rieda t’Alla.

Ċertu ħalfiet imorru kontra r-​rieda t’Alla. Pereżempju, Kristjan veru mhux se jaħlef biex juża l-​armi biex jiddefendi pajjiż jew jgħid pubblikament li m’għandux fidi f’Alla. Min jagħmel hekk ikun qed jikser il-​kmandamenti t’Alla. Il-​Kristjani ‘mhumiex parti mid-​dinja,’ għalhekk ma nistgħux nieħdu sehem f’dibattiti politiċi u gwerer.—Ġw. 15:19; Is. 2:4; Ġak. 1:27.

Ċertu ħalfiet huma kwistjoni taʼ kuxjenza għall-​Kristjani. Xi kultant, qabel niddeċiedu li naħilfu jkun tajjeb naħsbu sew dwar il-​parir li tana Ġesù meta qal: “Agħtu lura lil Ċesari dak li hu taʼ Ċesari, imma lil Alla dak li hu t’Alla.”—Lq. 20:25.

Pereżempju, ejja ngħidu li Kristjan japplika għaċ-​ċittadinanza jew għal passaport u jsir jaf li hu jrid jagħmel ħalfa li se jibqaʼ leali lejn il-​pajjiż. Jekk fil-​pajjiż, il-​ħalfa li hu mitlub jagħmel tfisser li se ġġiegħlu jagħmel xi ħaġa kontra l-​liġi t’Alla, il-​kuxjenza tiegħu li tkun ittrennjata fuq il-​Bibbja mhux se tħallih jagħmel il-​ħalfa. Però l-​gvern jaf iħallih jirranġa l-​kliem tal-​ħalfa u b’hekk il-​kuxjenza tiegħu tħallih jagħmilha.

Li naħilfu wara li nkunu bdilna xi kliem skont il-​bżonn jistaʼ jkun fi qbil mal-​prinċipju li nsibu f’​Rumani 13:1, li jgħid: “Ħa tkun kull ruħ sottomessa lejn l-​awtoritajiet superjuri.” Għalhekk, Kristjan jaf jiddeċiedi li m’hemm xejn ħażin li jagħmel ħalfa dwar xi ħaġa li Alla jridna nagħmlu.

Huwa importanti wkoll li tobdi l-​kuxjenza tiegħek ittrennjata fuq il-​Bibbja jekk tiġi mitlub biex tuża xi oġġett jew tagħmel sinjal waqt li tkun qed taħlef. Fil-​passat, ir-​Rumani u x-​Xizjani kienu jaħilfu bix-​xwabel tagħhom. Dan kien simbolu tal-​gwerra, b’hekk ħalfu b’Alla tal-​gwerra. Meta l-​Griegi kienu jaħilfu, kienu jgħollu idhom lejn is-​sema. Meta kienu jagħmlu dan kienu juru li hemm xi alla li jaf dak li qed jgħidu u x’qed jagħmlu u li huma jridu jagħtu kont lilu.

Bla dubju, qaddej taʼ Ġeħova qatt m’għandu jaħlef fuq xi simbolu nazzjonali li għandu x’jaqsam mal-​qima falza. Imma x’għandek tagħmel jekk fil-​qorti jgħidulek biex taħlef li se tgħid il-​verità billi tagħmel idek fuq il-​Bibbja? F’dan il-​każ, int tistaʼ tagħżel li taċċetta peress li fil-​Bibbja nsibu eżempji taʼ wħud leali li waqt li kienu qed jaħilfu għamlu sinjal. (Ġen. 24:2, 3, 9; 47:29-​31) Huwa importanti tiftakar li meta tagħmel ħalfa bħal din tkun qed tagħmel wegħda quddiem Alla li se tgħid il-​verità. Għandek tkun preparat biex twieġeb u tgħid il-​verità għal kull mistoqsija li jagħmlulek.

Minħabba li l-​ħbiberija maʼ Ġeħova hija prezzjuża għalina, irridu nitolbu u naħsbu sew qabel inkunu se naħilfu. Irridu nkunu ċerti wkoll li l-​ħalfa li nagħmlu mhux se tmur kontra l-​kuxjenza tagħna jew il-​prinċipji tal-​Bibbja. Jekk tiddeċiedi li taħlef, qis li żżomm kelmtek.—1 Pt. 2:12.