Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Mistoqsijiet mill-Qarrejja

Mistoqsijiet mill-Qarrejja

Jekk Kristjan jiddivorzja lill-​mara tiegħu mhux fuq bażi Skritturali u mbagħad jerġaʼ jiżżewweġ, il-​kongregazzjoni kif tqis iż-​żwieġ li kien fih u ż-​żwieġ il-​ġdid?

F’din is-​sitwazzjoni, għall-​kongregazzjoni ż-​żwieġ li kien fih ikun spiċċa meta r-​raġel ikun reġaʼ żżewweġ u ż-​żwieġ il-​ġdid ikun jgħodd. Biex nifhmu r-​raġunijiet għal din id-​deċiżjoni, ejja naraw x’qal Ġesù dwar id-​divorzju u li wieħed jerġaʼ jiżżewweġ.

Kif naraw f’​Mattew 19:9, Ġesù semma l-​unika raġuni għala żwieġ jistaʼ jispiċċa. Hu qal: “Kulmin jiddivorzja lil martu, ħlief minħabba ż-​żína, u jiżżewweġ oħra jagħmel adulterju.” Mill-​kliem li qal Ġesù nitgħallmu (1) li l-​unika raġuni biex żwieġ jispiċċa b’divorzju hi l-​immoralità sesswali u (2) li raġel li jiddivorzja lill-​mara tiegħu mingħajr ebda bażi Skritturali u jerġaʼ jiżżewweġ, jagħmel adulterju. a

Il-​kliem li qal Ġesù jfisser li raġel li jkun għamel l-​immoralità sesswali u jiddivorzja lill-​mara tiegħu jistaʼ, skont l-​Iskrittura, jerġaʼ jiżżewweġ? Le, mhux bilfors. Jekk ir-​raġel jagħmel adulterju, il-​mara, għax hi innoċenti, tistaʼ tiddeċiedi jekk taħfirlux jew le. Jekk hi ma taħfirlux u jiddeċiedu li jiddivorzjaw, it-​tnejn li huma jistgħu jerġgħu jiżżewġu meta jġibu d-​divorzju.

Mill-​banda l-​oħra, jistaʼ jkun li l-​mara jaf tkun tixtieq tibqaʼ mar-​raġel tagħha u tgħidlu li lesta taħfirlu. Imma x’jiġri jekk ir-​raġel li jkun għamel adulterju ma jaċċettax il-​maħfra tal-​mara tiegħu u hu jġib id-​divorzju legali? Minħabba li hi lesta li taħfirlu u tibqaʼ miżżewġa miegħu, skont l-​Iskrittura hu ma jistax jerġaʼ jiżżewweġ. Jekk hu jiddeċiedi li jiżżewweġ lil xi ħadd ieħor, minkejja li skont l-​Iskrittura ma jistax jagħmel dan, ikun qed jerġaʼ jagħmel adulterju. Għalhekk, l-​anzjani tal-​kongregazzjoni jkollhom jerġgħu jifformaw kumitat ġudizzjali minħabba d-​dnub li għamel.—1 Kor. 5:1, 2; 6:9, 10.

Meta raġel jerġaʼ jiżżewweġ mhux fuq bażi Skritturali, il-​kongregazzjoni kif tqis iż-​żwieġ li kien fih u ż-​żwieġ il-​ġdid? Skont il-​Bibbja, iż-​żwieġ li kien fih għadu jgħodd? Il-​mara li hi innoċenti għadha tistaʼ taħfirlu jew tagħżel li ma tibqax miżżewġa lilu? Il-​kongregazzjoni se tqis iż-​żwieġ il-​ġdid bħala żwieġ adulteruż?

Fil-​passat, il-​kongregazzjoni kienet tqis iż-​żwieġ il-​ġdid bħala żwieġ adulteruż sakemm il-​persuna innoċenti tkun għadha ħajja, ma tkunx reġgħet iżżewġet, u ma tkunx għamlet l-​immoralità sesswali. Però, Ġesù ma semmiex il-​persuna innoċenti meta tkellem dwar raġel li jiddivorzja u jerġaʼ jiżżewweġ. Minflok, hu spjega li meta raġel jiddivorzja lill-​mara tiegħu mingħajr bażi Skritturali u jerġaʼ jiżżewweġ, jagħmel adulterju. F’dan il-​każ, id-​divorzju u ż-​żwieġ il-​ġdid, li Ġesù qal huma eżatt bħal meta persuna tkun għamlet adulterju, itemmu ż-​żwieġ taʼ qablu.

“Kulmin jiddivorzja lil martu, ħlief minħabba ż-​żína, u jiżżewweġ oħra jagħmel adulterju.”—Mt. 19:9.

Meta raġel jiddivorzja l-​mara tiegħu u jerġaʼ jiżżewweġ, il-​mara li kellu, li hi innoċenti, m’għadux possibbli għaliha li taħfirlu jew tagħżel li tibqaʼ miżżewġa lilu. Għalhekk, hi m’għadx għandha r-​responsabbiltà diffiċli biex tagħżel jekk taħfirlux jew le. Barra minn hekk, il-​mod kif il-​kongregazzjoni tqis iż-​żwieġ il-​ġdid ma jiddependix jekk il-​persuna innoċenti tkunx mietet, reġgħet iżżewġet, jew għamlet l-​immoralità sesswali. b

Fl-​eżempju li semmejna, ir-​raġel għamel adulterju li wassal biex hu u l-​mara jiddivorzjaw. Imma x’jiġri jekk ir-​raġel ma jkunx għamel adulterju, iġib id-​divorzju, u jerġaʼ jiżżewweġ? Jew x’jiġri meta r-​raġel ma jkunx għamel l-​immoralità sesswali qabel id-​divorzju, imma għamel l-​immoralità sesswali wara d-​divorzju u reġaʼ żżewweġ minkejja li l-​mara tiegħu kienet lesta li taħfirlu? F’dawn l-​eżempji kollha, id-​divorzju u ż-​żwieġ il-​ġdid, li huma adulterju, itemmu ż-​żwieġ taʼ qabel. Skont il-​liġi, iż-​żwieġ il-​ġdid ikun jgħodd. Il-​ħarġa taʼ It-​Torri tal-​Għassa bl-​Ingliż tal-​15 taʼ Novembru 1979, paġna 32, qalet hekk: “Issa li reġaʼ żżewweġ, hu ma jistax itemm dan iż-​żwieġ u jerġaʼ lura mal-​mara li kellu. Iż-​żwieġ taʼ qabel spiċċa minħabba d-​divorzju, l-​adulterju, u ż-​żwieġ il-​ġdid.”

Il-​bidla fil-​fehma tagħna ma tfissirx li l-​Kristjani m’għadhomx iqisu ż-​żwieġ bħala sagru jew li l-​adulterju mhuwiex dnub serju. Meta raġel jiddivorzja lill-​mara tiegħu mingħajr bażi Skritturali u jerġaʼ jiżżewweġ meta skont l-​Iskrittura ma jkunx jistaʼ jagħmel dan, l-​anzjani jkollhom jifformaw kumitat ġudizzjali minħabba li hu jkun għamel adulterju. (Jekk fiż-​żwieġ il-​ġdid, il-​mara li jiżżewweġ tkun Kristjana, l-​anzjani jkollhom jifformaw kumitat ġudizzjali għaliha wkoll għax tkun għamlet adulterju.) Għalkemm il-​kongregazzjoni ma tqisx iż-​żwieġ il-​ġdid bħala żwieġ adulteruż, ir-​raġel ma jkunx jistaʼ jikkwalifika għal privileġġi speċjali fil-​kongregazzjoni għal ħafna snin u sakemm ma jkunx hemm aħwa li jkunu għadhom iddiżappuntati minħabba dak li għamel jew ikunu għadhom qed jaħsbu li ma jixraqlux ir-​rispett tagħhom. Qabel jingħata privileġġ, l-​anzjani jridu jaħsbu wkoll dwar iċ-​ċirkustanzi li tkun fihom il-​mara li kellu, li jaf ġiet traduta bi skop, u xi tfal żgħar li forsi ġew abbandunati minnu.—Mal. 2:14-​16.

Mela l-​Kristjani jagħmlu tajjeb li jimitaw lil Ġeħova u jqisu ż-​żwieġ bħala sagru, għax kif rajna hemm konsegwenzi serji għal dawk li jiddivorzjaw u jerġgħu jiżżewġu mingħajr bażi Skritturali.—Ekk. 5:4, 5; Ebr. 13:4.

a F’dan l-​artiklu se nkunu qed ngħidu li r-​raġel għamel adulterju u l-​mara hija innoċenti. Però, kif naraw f’​Marku 10:11, 12, Ġesù għamilha ċara li dan il-​parir japplika kemm għar-​raġel kif ukoll għall-​mara.

b Dan ibiddel il-​fehma tagħna. Qabel, konna nqisu ż-​żwieġ il-​ġdid bħala żwieġ adulteruż sakemm il-​persuna innoċenti tmut, terġaʼ tiżżewweġ, jew tagħmel l-​immoralità sesswali.