Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ġeħova jippremja lil dawk li jfittxuh bil-​ħeġġa

Ġeħova jippremja lil dawk li jfittxuh bil-​ħeġġa

“Min jersaq lejn Alla jrid jemmen li hu jeżisti u li jippremja lil dawk li jfittxuh bil-​ħeġġa.”—EBREJ 11:6.

GĦANJIET: 85, 134

1, 2. (a) X’rabta hemm bejn l-​imħabba u l-​fidi? (b) Liema mistoqsijiet se nikkunsidraw?

MISSIERNA, Ġeħova, iwiegħed li jbierek lill-​qaddejja leali tiegħu. Dan hu mod wieħed li bih Ġeħova juri mħabbtu lejna, u aħna nħobbuh “għax hu ħabbna l-​ewwel.” (1 Ġwanni 4:19) Hekk kif imħabbitna għal Ġeħova tikber, il-​fidi tagħna fih tissaħħaħ u nkunu iżjed konvinti li Ġeħova se jippremja lil dawk li jħobb.—Aqra Ebrej 11:6.

2 Ġeħova hu wieħed li jippremja! Dan hu parti importanti minn min hu u x’jagħmel. Allura l-​fidi tagħna f’Alla ma tkunx sħiħa jekk ma nkunux konvinti li hu se jippremja lil dawk li jfittxuh bil-​ħeġġa. Għala? Għaliex “il-​fidi hi l-​istennija garantita t’affarijiet li nittamaw għalihom.” (Ebrej 11:1) Il-​fidi tfisser li jkollna l-​fiduċja assoluta li Alla se jbierek lil-​leali tiegħu. Iżda, it-​tama għal premju kif se tkun taʼ benefiċċju għalina? Ġeħova kif ippremja lill-​qaddejja tiegħu fil-​passat u fil-​preżent? Ejja naraw.

ĠEĦOVA JWIEGĦED LI JBIEREK LILL-​QADDEJJA TIEGĦU

3. Liema wegħda naqraw f’​Malakija 3:10?

3 Alla Ġeħova wiegħed li jippremja lill-​qaddejja leali tiegħu. Hu jistidinna nagħtuh l-​aħjar tagħna u nafdaw li se jberikna. Ġeħova jgħid: “Għadduni minn prova, jekk jogħġobkom.” Hu jkompli: ‘Araw jekk iniex se niftħilkom bwieb l-​għargħar tas-​smewwiet u nitfaʼ fuqkom xita taʼ barkiet sakemm ma jkun jonqoskom xejn iktar.’ (Malakija 3:10) Aħna nuru l-​gratitudni tagħna għal din l-​offerta meta naċċettaw l-​istedina taʼ Ġeħova biex ngħadduh minn prova.

4. Għala nistgħu nafdaw il-​wegħda taʼ Ġesù li nsibu f’​Mattew 6:33?

4 Ġesù wiegħed lid-​dixxipli tiegħu li jekk ipoġġu s-​Saltna l-​ewwel, Alla jappoġġjahom. (Aqra Mattew 6:33.) Ġesù setaʼ jgħid dan għaliex kien jaf li l-​wegħdi t’Alla dejjem iseħħu. (Isaija 55:11) Allura anke aħna nistgħu nkunu ċerti li jekk nuru fidi sħiħa f’Ġeħova, hu se jżomm din il-​wegħda: “Żgur ma nitilqekx u żgur ma nabbandunakx.” (Ebrej 13:5) Din il-​wegħda taʼ Ġeħova tgħinna nafdaw fi kliem Ġesù li nsibu f’​Mattew 6:33.

Ġesù wera li d-​dixxipli tiegħu kienu se jiġu ppremjati għas-​sagrifiċċji tagħhom (Ara paragrafu 5)

5. It-​tweġiba li Ġesù ta lil Pietru għala hi taʼ inkuraġġiment għalina lkoll?

5 L-​appostlu Pietru darba staqsa lil Ġesù: “Aħna tlaqna kollox u ġejna warajk; allura aħna x’se jmissna?” (Mattew 19:27) Ġesù ma kkoreġiex lil Pietru għall-​mistoqsija li għamel. Minflok, Ġesù qal lid-​dixxipli tiegħu li kienu se jiġu ppremjati għas-​sagrifiċċji tagħhom. L-​appostli u oħrajn leali se jsaltnu maʼ Ġesù fis-​sema fil-​futur. Imma Ġesù qal ukoll li anke issa hemm premjijiet: “Kulmin telaq id-​djar tiegħu jew lil ħutu subien jew bniet jew lil missieru jew lil ommu jew lit-​tfal jew l-​artijiet minħabba ismi jingħata ħafna iktar u jiret il-​ħajja taʼ dejjem.” (Mattew 19:29) Is-​segwaċi kollha taʼ Ġesù jistgħu jsibu missirijiet, ommijiet, aħwa subien, aħwa bniet, u wlied fil-​kongregazzjoni llum. Ċertament li dan hu bil-​wisq iktar taʼ valur minn kwalunkwe ħaġa li ħallejna warajna għas-​Saltna t’Alla.

“ANKRA GĦAL RUĦNA”

6. Ġeħova għala jwiegħed li jippremja lill-​qaddejja tiegħu?

6 Flimkien maʼ li ngawdu ħafna barkiet sbieħ issa, aħna nħarsu ’l quddiem għal saħansitra barkiet akbar fil-​futur. (1 Timotju 4:8) Ġeħova jwiegħed li jippremja lill-​qaddejja leali tiegħu, u li nafu dan jgħinna nissaportu żminijiet diffiċli. Billi nkunu assolutament konvinti li Ġeħova “jippremja lil dawk li jfittxuh bil-​ħeġġa,” aħna nistgħu nibqgħu leali.—Ebrej 11:6.

7. It-​tama kif inhi bħal ankra?

7 Fil-​Prietka taʼ fuq il-​Muntanja, Ġesù qal: “Thennew u aqbżu bil-​ferħ, għax il-​premju tagħkom hu kbir fis-​smewwiet; għax hekk kienu jippersegwitawhom lill-​profeti li ġew qabilkom.” (Mattew 5:12) Ftit mill-​qaddejja t’Alla se jirċievu premju fis-​sema u oħrajn se jirċievu l-​premju taʼ ħajja taʼ dejjem f’art magħmula ġenna. Din hija wkoll raġuni għal xiex ‘nithennew u naqbżu bil-​ferħ.’ (Salm 37:11; Luqa 18:30) Imma għalina lkoll, it-​tama tagħna tistaʼ tkun “ankra għal ruħna, żgura u soda.” (Ebrej 6:17-​20) L-​istess bħalma ankra żżomm vapur fis-​sod waqt maltempata, it-​tama b’saħħitha tagħna tistaʼ tgħinna nibqgħu sodi. Hi tistaʼ tagħtina s-​saħħa biex nissaportu żminijiet diffiċli.

Ġeħova jwiegħed li jippremja lill-​qaddejja leali tiegħu, u li nafu dan jgħinna nissaportu żminijiet diffiċli

8. It-​tama tagħna kif tnaqqas l-​ansjetà?

8 It-​tama tagħna tistaʼ tgħin biex tnaqqas is-​sentimenti t’ansjetà. Bħalma l-​balzmu jistaʼ jtaffi l-​uġigħ, hekk ukoll il-​wegħdi t’Alla jistgħu jikkalmaw il-​qalb ansjuża tagħna. Hu taʼ faraġ li nkunu nafu li Ġeħova se jieħu ħsiebna meta nixħtu t-​toqol tagħna fuqu. (Salm 55:22) Aħna jistaʼ jkollna fiduċja sħiħa li Alla jistaʼ jagħmel “bil-​wisq iżjed minn dak kollu li nitolbu.” (Efesin 3:20) Ġeħova se jgħinna mhux biss b’abbundanza jew b’abbundanza kbira, imma “bil-​wisq iżjed”!

9. Kif nistgħu nkunu ċerti li se nirċievu l-​barka taʼ Ġeħova?

9 Sabiex nirċievu l-​premju, jeħtieġ li jkollna fidi sħiħa f’Ġeħova u nobdu d-​direzzjonijiet tiegħu. Mosè qal lill-​ġens tal-​Iżrael: “Ġeħova żgur li se jbierkek fl-​art li Ġeħova Alla tiegħek qed jagħtik bħala wirt biex tiħodha f’idejk, bil-​patt li tassew tismaʼ minn leħen Ġeħova Alla tiegħek sabiex toqgħod attent li tagħmel dawn il-​kmandamenti kollha li qed nikkmandak illum. Għax Ġeħova Alla tiegħek se jbierkek sewwasew bħalma wiegħdek.” (Dewteronomju 15:4-​6) Int konvint għalkollox li Ġeħova se jbierkek jekk tkompli taqdih lealment? Għandek raġuni tajba għal fiduċja bħal din.

ĠEĦOVA KIEN DAK LI PPREMJAHOM

10, 11. Ġeħova kif ippremja lil Ġużeppi?

10 Il-​Bibbja nkitbet għall-​benefiċċju tagħna. Fiha nsibu ħafna eżempji taʼ kif Alla ppremja lill-​qaddejja leali tiegħu fil-​passat. (Rumani 15:4) Ġużeppi kien eżempju eċċellenti taʼ dan. L-​ewwel, ħutu bigħuh bħala skjav. Iktar tard, il-​mara taʼ sidu akkużatu b’mod falz u ntbagħat f’ħabs Eġizzjan. Kien Ġużeppi mifrud minn Ġeħova meta kien il-​ħabs? Lanqas xejn! Il-​Bibbja tgħid: “Ġeħova baqaʼ jkun maʼ Ġużeppi u baqaʼ jurih il-​qalb tajba bl-​imħabba,” u “Ġeħova kien maʼ Ġużeppi, u f’dak li kien jagħmel, Ġeħova kien qed jgħinu jirnexxi.” (Ġenesi 39:21, 23) Anke matul dawk iż-​żminijiet diffiċli, Ġużeppi stenna bil-​paċenzja lil Alla tiegħu.

11 Snin wara, il-​Fargħun ħeles lil Ġużeppi mill-​ħabs, u dan l-​iskjav umli sar it-​tieni ħakkiem l-​iktar setgħan fl-​Eġittu. (Ġenesi 41:1, 37-​43) Meta Ġużeppi u martu kellhom żewġ subien, “Ġużeppi semma lill-​ewwel imwieled Manasse, għax, kif qal hu, ‘Alla nessieni l-​inkwiet kollu tiegħi u d-​dar kollha taʼ missieri.’ U lit-​tieni wieħed semmieh Efrajm, għax, kif qal hu, ‘Alla ġegħelni nnissel f’art il-​miżerja tiegħi.’” (Ġenesi 41:51, 52) Ġeħova ppremja l-​lealtà taʼ Ġużeppi u setaʼ jsalva kemm lill-​Iżraelin u kemm lill-​Eġizzjani mill-​ġuħ. U Ġużeppi kien jaf li kien Ġeħova li ppremjah u bierku.—Ġenesi 45:5-​9.

Bla dubju, Ġesù sab ferħ f’li setaʼ jqaddes l-​isem t’Alla

12. Ġesù kif baqaʼ leali meta għadda mill-​provi?

12 Ġesù Kristu wkoll baqaʼ ubbidjenti lejn Alla matul ħafna provi, u Ġeħova ppremjah. X’għen lil Ġesù jibqaʼ leali? Il-​Kelma t’Alla tispjega: “Għall-​ferħ li tqiegħed quddiemu ssaporta z-​zokk tat-​tortura, u ma qiesx l-​għajb.” (Ebrej 12:2) Bla dubju, Ġesù sab ferħ f’li setaʼ jqaddes l-​isem t’Alla. U Ġesù kien ippremjat bl-​approvazzjoni taʼ Missieru u b’ħafna privileġġi meraviljużi. Il-​Bibbja tgħid li hu “qagħad bil-​qiegħda fuq il-​lemin tat-​tron t’Alla.” Naqraw ukoll: “Alla eżaltah għal pożizzjoni superjuri u b’qalb tajba tah l-​isem li hu fuq kull isem ieħor.”—Filippin 2:9.

ĠEĦOVA MA JINSIEX DAK LI NAGĦMLU

13, 14. Ġeħova kif iħossu dwar dak li nagħmlu għalih?

13 Nistgħu naċċertaw ruħna li Ġeħova jqis taʼ valur dak kollu li nagħmlu biex naqduh. Hu jifhem meta ma nkunux ċerti minna nfusna jew meta niddubitaw mill-​abbiltajiet tagħna stess. Hu jimpurtah profondament minna meta nkunu ansjużi dwar l-​impjieg tagħna jew biex nipprovdu l-​għajxien għall-​familja. U jifhem meta ma nkunux nistgħu nagħmlu daqskemm stajna darba fis-​servizz tiegħu minħabba li issa ma nifilħux jew dipressi. Aħna nistgħu nkunu fiduċjużi bis-​sħiħ li Ġeħova jqis taʼ valur il-​lealtà tagħna minkejja l-​problemi li jkollna.—Aqra Ebrej 6:10, 11.

14 Ftakar ukoll li Ġeħova hu “Semmiegħ it-​talb.” Nistgħu nkunu ċerti li meta nitolbuh, hu jismagħna. (Salm 65:2) “Il-​Missier taʼ kull ħniena tenera u l-​Alla taʼ kull faraġ” se jagħtina kulma neħtieġu sabiex nibqgħu qribu. Kultant, għandu mnejn juża lil ħutna biex jagħmel dan. (2 Korintin 1:3) Ġeħova jieħu pjaċir meta nuru mogħdrija lejn oħrajn. “Min iħenn għall-​batut ikun qed jislef lil Ġeħova, u Hu se jħallsu lura għal kif ittrattah.” (Proverbji 19:17; Mattew 6:3, 4) Allura meta nkunu ġenerużi u ngħinu lil ħutna, Ġeħova jikkunsidra t-​tajjeb li nagħmlu bħala li qed nisilfuh xi ħaġa. U hu jwiegħed li jippremja din il-​qalb tajba.

PREMJIJIET ISSA U GĦAL DEJJEM

15. Personalment, għal liema premjijiet tħares ’il quddiem? (Ara l-​ewwel stampa.)

15 Il-​Kristjani midlukin għandhom it-​tama li jirċievu “l-​kuruna tal-​ġustizzja,” premju mingħand Ġesù. (2 Timotju 4:7, 8) Madankollu, int m’intix inqas prezzjuż għal Alla jekk għandek tama differenti. Miljuni taʼ “nagħaġ oħrajn” taʼ Ġesù jħarsu ’l quddiem bil-​ħerqa għall-​premju fil-​futur taʼ ħajja taʼ dejjem fuq art magħmula ġenna. Hemm, “bi sliem kotran jitgħaxxqu ferm.”—Ġwanni 10:16; Salm 37:11.

16. X’faraġ insibu fl-​1 Ġwanni 3:19, 20?

16 Kultant għandu mnejn inħossuna li m’aħniex nagħmlu wisq fis-​servizz taʼ Ġeħova, jew forsi nitħassbu jekk Ġeħova hux kuntent b’dak li nagħmlu. Saħansitra nistgħu nħossuna li ma nikkwalifikawx biex nirċievu xi tip taʼ premju. Imma m’għandna qatt ninsew li “Alla hu akbar minn qlubna u jaf kollox.” (Aqra l-​1 Ġwanni 3:19, 20.) Meta naqdu lil Ġeħova minħabba l-​fidi fih u l-​imħabba li għandna għalih, nistgħu nkunu ċerti li se jippremjana, anke jekk dak li nagħmlu jistaʼ jidher li hu taʼ valur żgħir ħafna f’għajnejna.—Marku 12:41-​44.

17. X’inhuma xi premjijiet li ngawdu issa?

17 Anke f’dawn l-​aħħar jiem tas-​sistema mill-​agħar taʼ Satana, Ġeħova qed ibierek lill-​poplu tiegħu. Hu jagħmel ċert li nirċievu abbundanza t’għarfien u paċi bħala parti minn fratellanza internazzjonali. (Isaija 54:13) Iva, bħalma wiegħed Ġesù, Ġeħova jippremjana issa b’familja madwar id-​dinja kollha t’aħwa rġiel u nisa li jħobbu verament. (Marku 10:29, 30) Ukoll, dawk li bil-​ħeġġa jfittxu lil Alla jiġu ppremjati b’paċi, sodisfazzjon, u kuntentizza ġewwinija kbira.—Filippin 4:4-​7.

18, 19. Il-​qaddejja taʼ Ġeħova kif iħossuhom dwar il-​premjijiet li jirċievu?

18 Il-​qaddejja taʼ Ġeħova mad-​dinja kollha esperjenzaw premjijiet sbieħ mingħand Missierna. Pereżempju, Bianca mill-​Ġermanja tgħid: “Ma nistax nirringrazzjah biżżejjed lil Ġeħova talli għenni fil-​problemi tiegħi u talli kien maġenbi kuljum. Id-​dinja hemm barra hi mħawda u bla tama. Imma hekk kif naħdem mill-​qrib maʼ Ġeħova, inħossni fis-​sigurtà f’dirgħajh. Kull meta nagħmel sagrifiċċji personali għalih, hu jberikni b’mitt darba iżjed.”

19 Jew ikkunsidra lil Paula mill-​Kanada, li għandha 70 sena u li hi limitata ħafna minħabba kundizzjoni serja fis-​sinsla taʼ daharha, imsejħa spina bifida. Hi tgħid li għalkemm il-​kundizzjoni tagħha tnaqqsilha l-​abbiltà biex tiċċaqlaq, dan ma jfissirx li l-​ministeru tagħha hu limitat. Tkompli tgħid: “Nieħu vantaġġ minn forom differenti taʼ servizz, bħall-​għoti taʼ xhieda informali u bit-​telefown. Biex ninkuraġġixxi lili nnifsi, inżomm notebook bi skritturi u ħsibijiet mill-​pubblikazzjonijiet tagħna li nistaʼ narahom minn żmien għal żmien. Jien insejjaħlu ‘In-​notebook li jgħinni nkampa.’ L-​iskuraġġiment huwa għal issa biss jekk niffokaw fuq il-​wegħdi taʼ Ġeħova. Hu dejjem hemm biex jgħinna, minkejja ċ-​ċirkustanzi tagħna.” Is-​sitwazzjoni tiegħek tistaʼ tkun differenti ħafna minn dik taʼ Bianca jew Paula. Madankollu, x’aktarx tistaʼ taħseb f’modi li bihom Ġeħova ppremja lilek u lil dawk taʼ madwarek. Kemm hu sabiħ li taħseb dwar kif Ġeħova qed jippremjak f’dan iż-​żmien u kif se jippremjak fil-​futur!

20. Għal xiex nistgħu nħarsu ’l quddiem jekk inkomplu nagħmlu l-​aħjar tagħna biex naqdu lealment lil Ġeħova?

20 Qatt tinsa li t-​talb sinċier tiegħek ‘għad jitħallas bi premju kbir.’ Tistaʼ tibqaʼ ċert li ‘wara li tkun għamilt ir-​rieda t’Alla,’ se ‘tirċievi t-​twettiq tal-​wegħda.’ (Ebrej 10:35, 36) Allura ejja nkomplu nsaħħu l-​fidi tagħna u nagħmlu kulma nistgħu biex naqdu lil Ġeħova. Aħna għandna l-​fiduċja li Ġeħova se jippremjana!—Aqra Kolossin 3:23, 24.