Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

BIJOGRAFIJA

Insir “kollox għal nies taʼ kull xorta”

Insir “kollox għal nies taʼ kull xorta”

“Jekk titgħammed, nitilqek!” Din kienet it-​theddida li missieri għamel lil ommi fl-​1941. Minkejja t-​theddida tiegħu, hi ddeċidiet li titgħammed. Għalhekk, missieri telaq. Dak iż-​żmien jien kelli biss tmien snin.

QABEL ma ġara dan, kont diġà ninteressa ruħi fil-​verità. Ommi kienet irċiviet xi pubblikazzjonijiet Bibliċi, u lili kienu jaffaxxinawni. Kienu jogħġbuni ħafna l-​istampi. Missieri ma riedx li ommi tkellimni dwar dak li kienet qed titgħallem. Minkejja dan, kont kurjuż u kont nistaqsi mistoqsijiet, allura meta missieri ma kienx ikun id-​dar hi kienet tistudja miegħi. B’hekk, jien ukoll iddeċidejt li ridt niddedika ħajti lil Ġeħova. Tgħammidt fi Blackpool, l-​Ingilterra, fl-​1943 meta kelli 10 snin.

NIBDA NAQDI LIL ĠEĦOVA

Minn dak iż-​żmien ’il quddiem, jien u ommi konna noħorġu regolarment flimkien fis-​servizz tal-​għalqa. Dak iż-​żmien, konna nużaw il-​fonografi biex nippritkaw. Dawn kienu kbar u tqal, jiżnu madwar erbaʼ kilogrammi u nofs. Immaġinawni ftit, daqsxejn taʼ tifel, nipprova nġorr wieħed minnhom!

Sa meta kelli 14-​il sena, kont diġà nixtieq inkun pijunier. Ommi qaltli li l-​ewwel kelli nkellem lill-​qaddej tal-​aħwa (issa msejjaħ indokratur li jżur il-​kongregazzjonijiet). Hu ssuġġerieli li nipprova nitgħallem sengħa li setgħet tgħinni fix-​xogħol taʼ pijunier. U hekk għamilt. Wara sentejn naħdem, staqsejt indokratur ieħor li jżur il-​kongregazzjonijiet dwar li nkun pijunier. Hu qalli, “Aħtaf iċ-​ċans!”

Għalhekk f’April tal-​1949, jien u ommi ħlisna mill-​għamara kollha tagħna u morna ngħixu Middleton, viċin Manchester, fejn bdejna x-​xogħol taʼ pijunier. Erbaʼ xhur wara għażilt ħu bħala sieħeb fix-​xogħol taʼ pijunier. L-​uffiċċju tal-​fergħa ssuġġerixxa li mmorru f’kongregazzjoni li kienet għadha kif ifformat f’Irlam. Ommi kienet taqdi bħala pijuniera maʼ oħt f’kongregazzjoni oħra.

Kelli biss 17-​il sena, imma jien u s-​sieħeb pijunier tiegħi konna responsabbli biex nikkonduċu l-​laqgħat peress li kien hemm ftit aħwa rġiel kwalifikati fil-​kongregazzjoni. Iktar tard, mort fil-​kongregazzjoni taʼ Buxton, li kellha numru żgħir ħafna taʼ pubblikaturi u kellha bżonn l-​għajnuna. Dawn l-​esperjenzi ppreparawni għal inkarigi fil-​futur.

Nirreklamaw taħdita pubblika f’Rochester, New York, fl-1953

Fl-​1951 imlejt formula biex nattendi l-​Iskola taʼ Gilegħad (Watchtower Bible School of Gilead). Imbagħad f’Diċembru tal-​1952, ġejt imsejjaħ biex immur għas-​servizz militari. Tlabt biex ma naqdix fil-​militar minħabba li kont ministru full-​time, imma l-​qorti m’aċċettatx it-​talba tiegħi u bagħtitni sitt xhur il-​ħabs. Waqt li kont hemm, irċivejt l-​istedina għat-​22 klassi taʼ Gilegħad. F’Lulju tal-​1953, ftit wara li ġejt meħlus, irkibt il-​vapur jismu Georgic u vvjaġġajt għal New York.

Hekk kif wasalt, attendejt l-​Assemblea tas-​Soċjetà tad-​Dinja l-​Ġdida tal-​1953. Imbagħad tlaqt bit-​trejn għal South Lansing, New York, fejn kienet tinsab l-​iskola. Kont għadni kif ħriġt mill-​ħabs, allura ftit kelli flus. Meta nżilt mit-​trejn, qbadt tal-​linja għal South Lansing, imma kelli nissellef 25 ċenteżmu mingħand passiġġier ieħor għall-​biljett.

INKARIGU F’PAJJIŻ BARRANI

Fl-​Iskola taʼ Gilegħad irċivejna taħriġ tal-​għaġeb biex jgħinna ‘nsiru kollox għal nies taʼ kull xorta.’ (1 Korintin 9:22) Jien, Paul Bruun, u Raymond Leach ġejna assenjati l-​Filippini, imma kellna nistennew xi xhur għall-​viżi. Imbagħad ivvjaġġajna bil-​vapur għal Rotterdam, l-​Olanda. Wara, qsamna l-​Baħar Mediterran, għaddejna mill-​Kanal tas-​Swejz u l-​Oċean Indjan għall-​Malasja, u mbagħad għal Ħong Kong. Fl-​aħħar, wara 47 jum fuq il-​baħar, wasalna Manila fid-​19 taʼ Novembru 1954.

Jien u Raymond Leach ivvjaġġajna 47 jum bil-vapur għall-inkarigu missjunarju tagħna fil-Filippini

Hemmhekk, kellna nadattaw għal kultura ġdida, pajjiż ġdid, u lingwa ġdida. Madankollu, fil-​bidu, it-​tlieta li aħna konna assenjati f’kongregazzjoni fil-​Belt taʼ Quezon, fejn ħafna nies kienu jitkellmu bl-​Ingliż. Allura wara sitt xhur, konna nafu biss ftit kliem bit-​Tagalog. Dan kien se jinbidel bl-​inkarigu li kien imissna.

Darba, f’Mejju tal-​1955, meta wasalna d-​dar mis-​servizz tal-​għalqa, jien u Ħuna Leach sibna xi ittri li fihom kien hemm miktub li ġejna assenjati bħala indokraturi li jżuru l-​kongregazzjonijiet. Kelli biss 22 sena, imma f’dan l-​inkarigu tgħallimt modi ġodda kif ‘insir kollox għal nies taʼ kull xorta.’

Nagħti taħdita pubblika f’assemblea tas-​circuit tal-​lingwa Bicol

Pereżempju, tajt l-​ewwel taħdita pubblika tiegħi bħala indokratur li jżur il-​kongregazzjonijiet maġenb ħanut taʼ raħal. Dak iż-​żmien fil-​Filippini, it-​taħditiet pubbliċi kienu fil-​fatt jingħataw f’postijiet pubbliċi! Hekk kif żort kongregazzjonijiet differenti fis-​circuit, tajt taħditiet fil-​pubbliku taħt tined, quddiem swali pubbliċi, fis-​swieq, basketball courts, ġonna kbar, u kemm-​il darba f’kantunieri tat-​toroq fil-​bliet. Darba, fil-​Belt taʼ San Pablo, ma stajtx nagħti t-​taħdita fis-​suq minħabba xita qalila. Allura ssuġġerejt lill-​aħwa responsabbli li nagħtiha fis-​Sala tas-​Saltna. Wara, l-​aħwa staqsew jekk setgħux jirrapportawha bħala laqgħa pubblika, ladarba ma saritx f’post pubbliku!

Dejjem kont noqgħod fid-​djar tal-​aħwa. Għalkemm id-​djar kienu sempliċi, kienu nodfa. Ħafna drabi s-​sodda tiegħi kienet tapit irqiq fuq art tal-​injam. L-​uniku post biex ninħasel kien barra mid-​dar fejn kulħadd setaʼ jarani, allura tgħallimt ninħasel b’mod modest. Kont nivvjaġġa b’tal-​linja u kultant bid-​dgħajsa biex immur fi gżejjer oħra. Matul is-​snin taʼ servizz kollha tiegħi qatt ma kelli karozza.

Tgħallimt it-​Tagalog, avolja qatt ma ħadt lezzjonijiet tal-​lingwa. Għamilt dan billi smajt lill-​aħwa fis-​servizz tal-​għalqa u fil-​laqgħat. L-​aħwa riedu jgħinuni nitgħallem, u kont grat għall-​paċenzja u l-​kummenti onesti tagħhom.

Hekk kif beda għaddej iż-​żmien, kelli nagħmel iktar aġġustamenti minħabba inkarigi ġodda. Fl-​1956, meta żarna Ħuna Nathan Knorr, kellna konvenzjoni nazzjonali. Kont assenjat biex nikkomunika maʼ nies fil-​mezzi tax-​xandir tal-​aħbarijiet. Ma kellix esperjenza f’dan, imma oħrajn għenuni nitgħallem. Inqas minn sena wara, kellna konvenzjoni nazzjonali oħra, u jien qdejt bħala l-​indokratur tal-​konvenzjoni. Ħuna Frederick Franz mill-​kwartieri ġenerali ġie jżurna, u tgħallimt ħafna mingħandu. Meta ta t-​taħdita pubblika, hu kien liebes barong Tagalog, l-​ilbies tradizzjonali Filippin. Dan ferraħ ħafna lill-​aħwa lokali, u għallimni nkun lest nadatta għan-​nies.

Kelli bżonn nagħmel iktar aġġustamenti meta sirt indokratur tad-​distrett. Dak iż-​żmien, konna nuru l-​film The Happiness of the New World Society. Kważi dejjem użajnieh barra f’postijiet pubbliċi, allura kultant l-​insetti kienu jdejquna. Id-​dawl tal-​proġekter kien jattirahom, u kienu jeħlu ġo fih. Kien jinvolvi ħafna xogħol biex innaddfuh wara! Ma kienx faċli norganizzaw dawn l-​avvenimenti, imma kien taʼ sodisfazzjon li tara n-​nies jiġu u jitgħallmu dwar l-​organizzazzjoni internazzjonali taʼ Ġeħova.

Qassisin Kattoliċi f’ċerti nħawi ssikkaw lill-​awtoritajiet biex ma jagħtuniex permessi għall-​assembleat. Sabiex ħadd ma jismaʼ l-​kelliemi, huma kienu saħansitra jdoqqu l-​qniepen tal-​knisja kull meta kien ikollna t-​taħditiet viċin il-​knejjes tagħhom. Minkejja dan kollu, in-​nies komplew jitgħallmu l-​verità, u ħafna f’dawk l-​inħawi issa jqimu lil Ġeħova.

INKARIGI ĠODDA, IKTAR AĠĠUSTAMENTI

Fl-​1959, ġejt assenjat biex naqdi fl-​uffiċċju tal-​fergħa. Tgħallimt ħafna mill-​esperjenzi tiegħi hemmhekk. Wara ftit, intlabt inżur pajjiżi oħra bħala indokratur li jżur il-​fergħat. F’wieħed minn dawn il-​vjaġġi, sirt naf lil Janet Dumond, missjunarja fit-​Tajlandja. Għal xi żmien, konna nibagħtu l-​ittri lil xulxin u iktar tard iżżewwiġna. Għal 51 sena, qdejna bil-​ferħ lil Ġeħova flimkien.

Maʼ Janet f’waħda mill-ħafna gżejjer fil-Filippini

Ħadt gost inżur lin-​nies taʼ Ġeħova fi 33 pajjiż. Jien grat ferm li l-​inkarigi li kelli iktar kmieni f’ħajti għenuni nitgħallem kif inġib ruħi maʼ nies taʼ kultura u trobbija differenti! Dawn iż-​żjajjar għenuni nifhem ċar li Ġeħova jħobb lil nies taʼ kull xorta.—Atti 10:34, 35.

Aħna ferħanin ferm li n-numru taʼ Xhieda jibqaʼ jiżdied

GĦADNA GĦADDEJJIN BL-​AĠĠUSTAMENTI

Kien taʼ ferħ għalija u għal Janet li naqdu mal-​aħwa fil-​Filippini, u qed inkomplu naqdu fl-​uffiċċju tal-​fergħa fil-​Belt taʼ Quezon. Issa hawn 10 darbiet iktar pubblikaturi milli kien hawn 60 sena ilu meta bdejt naqdi. Anki wara das-​snin kollha, xorta għad għandi bżonn inkun lest biex naġġusta għal dak li jitlob minni Ġeħova. Pereżempju, minħabba l-​bidliet li saru dan l-​aħħar fl-​organizzazzjoni, kellna nkunu lesti għal iktar aġġustamenti.

Aħna nagħmlu ċert li noħorġu fil-ministeru regolarment

Għamilna kulma stajna biex insegwu d-​direzzjoni taʼ Ġeħova, u dan kien l-​iktar mod sodisfaċenti taʼ ħajja. Ipprovajna wkoll nagħmlu kwalunkwe aġġustament li kien hemm bżonn sabiex naqdu lil ħutna sew. Iva, sakemm iridna Ġeħova, aħna determinati li ‘nsiru kollox għal nies taʼ kull xorta.’

Aħna għadna naqdu fl-uffiċċju tal-fergħa fil-Belt taʼ Quezon