B’qalb tajba mhix mistħoqqa ġejtu meħlusin
‘Id-dnub m’għandux jiddominakom, ladarba intom . . . taħt il-qalb tajba mhix mistħoqqa.’—RUMANI 6:14.
1, 2. Rumani 5:12 kif jistaʼ jgħinna?
RUMANI 5:12 jgħid: “Permezz taʼ bniedem wieħed id-dnub daħal fid-dinja, u permezz tad-dnub il-mewt, u b’hekk il-mewt infirxet fuq il-bnedmin kollha għax kollha dinbu.” Dan hu wieħed mill-versi li nafu sew u li nużaw sikwit meta ngħallmu lin-nies dwar il-Bibbja.
2 Dal-vers jintuża ħafna drabi fil-kotba Il-Bibbja X’Tgħallem Verament? u X’Nistgħu Nitgħallmu mill-Bibbja? Meta nistudjaw kapitli 3, 5, u 6 mat-tfal tagħna u m’oħrajn, wisq probabbli se naqraw Rumani 5:12. Forsi nużaw dal-vers biex ngħinuhom jifhmu għala l-art mhix ġenna, għala neħtieġu l-fidwa, u għala mmutu. Imma dal-vers jistaʼ wkoll jgħinna lkoll kemm aħna biex inkabbru l-apprezzament għar-relazzjoni li għandna maʼ Ġeħova. Dan jistaʼ jgħinna nkunu iktar determinati li nogħġbuh u li nkomplu nħarsu ’l quddiem għall-affarijiet li wegħedna.
3. X’għandna niftakru dwar is-sitwazzjoni tagħna?
Salm 103:13, 14) Ġesù qalilna li jeħtieġ nitolbu ’l Alla biex jaħfrilna dnubietna. (Luqa 11:2-4) Meta Ġeħova jaħfrilna l-iżbalji li għamilna fil-passat, m’hemmx għalfejn nibqgħu naħsbu dwarhom. Ejja nikkunsidraw kif Ġeħova jistaʼ jaħfrilna.
3 B’dispjaċir, aħna kollha midinbin. Niżbaljaw kuljum. Imma Ġeħova hu ħanin. Hu jaf li aħna imperfetti, u hu lest li jaħfrilna. (KIF ĠEĦOVA JISTAʼ JAĦFRILNA
4, 5. (a) X’jgħinna nifhmu l-iskrittura taʼ Rumani 5:12? (b) Xi tfisser il-frażi “qalb tajba mhix mistħoqqa”?
4 Il-ktieb tar-Rumani, speċjalment kapitlu 6, jgħinna nifhmu kif Ġeħova jistaʼ jaħfer id-dnubiet tagħna. F’kapitlu 3 nitgħallmu li “kollha dinbu.” Imbagħad Pawlu jispjega: “Bħala għotja b’xejn qed jiġu dikjarati ġusti bil-qalb tajba mhix mistħoqqa tiegħu permezz tal-ħelsien bil-fidwa mħallsa minn Kristu Ġesù.” (Rumani 3:23, 24) Il-kelma Griega li hawnhekk ġiet tradotta “qalb tajba mhix mistħoqqa” tagħti l-idea taʼ li tagħmel xi ħaġa b’qalb tajba bla ma tistenna xejn lura, xi ħaġa li ma ħdimtx għaliha u li ma tistħoqqlokx.
5 Studjuż spjega li l-kelma Griega spiss tirreferi għal dak li għamlu Alla u Kristu biex isalvaw lill-umanità mid-dnub u l-mewt. Għalhekk, it-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida bil-Malti tittraduċi din il-kelma Griega bħala “qalb tajba mhix mistħoqqa.” Ejja naraw x’għamel Alla għalina u kif il-qalb tajba mhix mistħoqqa tiegħu hija taʼ benefiċċju għalina issa u tagħtina tama għall-futur.
Ġeħova wera qalb tajba mhix mistħoqqa kbira mal-umanità kollha permezz taʼ Ġesù Kristu
6. Min jistaʼ jibbenefika mill-qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla, u kif?
6 Peress li Adam dineb, id-dnub u l-mewt affettwaw lil kull uman imperfett li qatt għex. Huwa għalhekk li l-Bibbja tgħid li “bin-nuqqas taʼ bniedem wieħed il-mewt saltnet.” Imma Ġeħova wera qalb tajba mhix mistħoqqa kbira u pprovda mod kif isalva lill-umanità kollha permezz “taʼ persuna waħda, Ġesù Kristu.” (Rumani 5:12, 15, 17) “Bl-ubbidjenza taʼ persuna waħda ħafna se jsiru ġusti.” U dawn jistgħu jħarsu ’l quddiem “għall-ħajja taʼ dejjem permezz taʼ Ġesù Kristu.”—Rumani 5:19, 21.
7. L-għotja tal-fidwa mingħand Alla għala kienet mogħtija b’qalb tajba u ma kinitx mistħoqqa?
7 Aħseb dwar dan: Ġeħova ma kellux għalfejn jagħti ’l Ibnu bħala fidwa. Imma hu wera qalb tajba mhix mistħoqqa kbira billi pprovda mezz biex isalvana mid-dnub u l-mewt. Ħadd minna ma jistħoqqlu dak li Alla u Ġesù
għamlu għalina. Kemm aħna grati li għamluhielna possibbli li niġu maħfurin u li ngħixu għal dejjem! Jalla nuru lil Alla kemm aħna grati bil-mod taʼ kif ngħixu.GRATI GĦALL-QALB TAJBA MHIX MISTĦOQQA T’ALLA
8. Liema attitudni għandna nirrifjutaw?
8 Aħna nafu li Alla hu lest li jaħfer id-dnubiet, anke dawk serji. Imma m’għandna qatt nużaw il-qalb tajba mhix mistħoqqa taʼ Ġeħova bħala skuża biex nagħmlu xi ħaġa ħażina u naħsbu, ‘Ġeħova jaħfirli.’ Fl-ewwel seklu, anke meta xi appostli kienu għadhom ħajjin, kien hemm xi Kristjani li kellhom din l-attitudni. (Aqra Ġuda 4.) Illum, aħna rridu noqogħdu attenti li ma niġux influwenzati minn oħrajn u bil-mod il-mod nibdew naħsbuha bħalhom.
9, 10. Pawlu u oħrajn kif ġew meħlusin mid-dnub u l-mewt?
9 Pawlu qal lill-Kristjani li kien ikun ħażin li jaħsbu li jekk jibqgħu jidinbu, Alla kien se jaħfrilhom xorta. Pawlu qalilhom li kellhom jirrifjutaw dan ir-raġunar għax huma kienu ‘mietu għad-dnub.’ (Aqra Rumani 6:1, 2.) X’ried ifisser b’dan?
Aħna nistgħu jew inċedu għall-ħsibijiet u x-xewqat midinba tagħna jew nikkontrollawhom
10 Permezz tal-fidwa, Alla ħafer id-dnubiet taʼ Pawlu u Kristjani oħrajn fl-ewwel seklu. Ġeħova dilikhom bl-ispirtu qaddis ħalli jkunu wliedu. Jekk jibqgħu leali, kienu se jgħixu fis-sema u jmexxu maʼ Kristu. Allura, la kienu għadhom ħajjin fuq l-art, kif kienu ‘mietu għad-dnubʼ? Pawlu uża eżempju biex juri li l-mod taʼ ħajja tagħhom kien inbidel kompletament. Hu qal li wara li Ġesù miet, ġie rxoxtat bħala spirtu immortali. Huwa għalhekk li l-mewt “m’għadhiex tiddominah.” B’mod simili, kien bħallikieku l-Kristjani kienu mietu wkoll. Ħajjithom kienet inbidlet kompletament għax ma baqgħux iħallu x-xewqat midinba tagħhom jikkontrollawhom. Minn dakinhar ’il quddiem, għamlu kulma setgħu biex jgħixu b’mod li jogħġob lil Alla. Huma kienu “mejtin għad-dnub imma ħajjin għal Alla bi Kristu Ġesù.”—Rumani 6:9, 11.
11. Il-Kristjani llum kif ‘mietu għad-dnub’?
11 Xi ngħidu għalina? Kif “mitna għad-dnub”? Fil-passat, għandu mnejn għamilna ħafna affarijiet ħżiena mingħajr ma rrealizzajna kif Ġeħova qies l-azzjonijiet tagħna. Konna bħal “ilsiera tan-nuqqas taʼ ndafa u tal-ksur tal-liġi,” jiġifieri, “ilsiera tad-dnub.” (Rumani 6:19, 20) Imma meta tgħallimna mill-Bibbja dwar kif Alla jridna ngħixu, għamilna bidliet f’ħajjitna, iddedikajna lilna nfusna lilu, u tgħammidna. Kellna xewqa qawwija li nobdu lil Ġeħova u li ngħixu b’mod li jogħġob lilu. Aħna ‘nħlisna mid-dnub’ u ‘sirna lsiera tal-ġustizzja.’—Rumani 6:17, 18.
12. Liema għażla għandu jagħmel kull wieħed u waħda minna?
12 Madankollu, xorta għad għandna għażla. Pawlu qal: “Tħallux id-dnub ikompli jsaltan fil-ġisem mortali tagħkom biex tobdu x-xewqat tiegħu.” (Rumani 6:12) Aħna nistgħu jew inċedu għall-ħsibijiet u x-xewqat midinba tagħna jew nikkontrollawhom. Staqsi lilek innifsek: ‘Inħalli x-xewqat ħżiena tiegħi jikbru daqstant li mbagħad nagħmel dak li hu ħażin? Jew inwarrabhom mill-ewwel?’ Jekk aħna grati ferm għall-qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla, se nagħmlu l-almu tagħna biex nogħġbuh.
TISTAʼ TIĠĠIELED KONTRA D-DNUB
13. Għala nistgħu nkunu fiduċjużi li nistgħu nagħmlu dak li hu sew?
13 Fl-ewwel seklu, xi nies f’Korintu li kienu ħallelin, omosesswali, adulteri, idolatri, u sakranazzi saru jafu u jħobbu lil Ġeħova u nbidlu. Huma stħaw minħabba dak li kienu jagħmlu. (Rumani 6:21; 1 Korintin 6:9-11) Il-Kristjani f’Ruma wkoll kellhom bżonn jagħmlu bidliet simili. Pawlu qalilhom: “Tibqgħux tippreżentaw il-membri taʼ ġisimkom lid-dnub bħala armi taʼ l-inġustizzja, imma ppreżentaw ruħkom lil Alla bħala ħajjin mill-imwiet u l-membri taʼ ġisimkom lil Alla bħala armi tal-ġustizzja.” (Rumani 6:13) Pawlu kien ċert li setgħu jagħmlu dak li hu sew u jkomplu jibbenefikaw mill-qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla.
14, 15. X’għandna nistaqsu lilna nfusna?
14 Dan hu simili llum. Xi aħwa rġiel u nisa jistaʼ jkun li għexu bħal dawk f’Korintu. Imma wara li saru jafu lil Ġeħova, inbidlu. Kien bħallikieku ġew maħsulin. Sabiex nogħġbu lil Ġeħova, ilkoll kemm aħna għamilna bidliet f’ħajjitna. Anke issa rridu nuru li aħna grati għall-qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla. Għalhekk, aħna determinati li niġġieldu kontra x-xewqat ħżiena tagħna u nużaw ħajjitna biex naqdu lil Ġeħova.
15 M’għandniex xi ngħidu, għandna nevitaw li nagħmlu d-dnubiet serji li xi wħud f’Korintu għamlu. Ma nistgħux nibqgħu nagħmlu affarijiet bħal dawn u fl-istess ħin nistennew li Alla juri qalb tajba mhix mistħoqqa magħna u jaħfrilna. Imma xi ngħidu dwar dnubiet li xi wħud jistgħu jikkunsidraw bħala inqas serji? Determinati aħna li nagħmlu kulma nistgħu biex nobdu lil Ġeħova f’kollox?—Rumani 6:14, 17.
16. Kif nafu li għandna nevitaw dnubiet li mhumiex imsemmija fl-1 Korintin 6:9-11?
16 Aħseb dwar l-appostlu Pawlu. Hu kiteb: “Jien tal-laħam, mibjugħ lid-dnub. Għax ma nafx x’qed nagħmel. Għax ma nipprattikax dak li nixtieq; imma nagħmel dak li nobgħod.” (Rumani 7:14, 15) Għalkemm ma kienx qed jagħmel l-affarijiet imsemmija fl-1 Korintin 6:9-11, Pawlu ammetta li xorta kien jidneb. Hu ried jogħġob lil Ġeħova, u għalhekk iġġieled biex ma jagħmilx affarijiet ħżiena. (Aqra Rumani 7:21-23.) Jalla nimitaw l-eżempju tiegħu u nagħmlu kulma nistgħu biex nobdu lil Ġeħova.
17. Għala trid tkun onest?
17 Pereżempju, aħna nafu li biex naqdu lil Ġeħova għandna nkunu onesti. (Aqra Proverbji 14:5; Efesin 4:25.) Ma rridux inkunu bħal Satana, li hu “missier il-gidba.” U aħna niftakru li Ananija u martu mietu minħabba li gidbu. Allura aħna ma nigdbux. (Ġwanni 8:44; Atti 5:1-11) Imma l-onestà tfisser ħafna iktar milli ma ngħidux gideb. Jekk aħna verament grati għall-qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla, se nkunu onesti wkoll b’modi oħra.
18, 19. Xi jfisser li tkun onest?
18 Xi ħadd jistaʼ jkun diżonest mingħajr ma jgħid gidba. Pereżempju, Ġeħova qal lill-Iżraelin: “Tisirqux, u tqarrqux, u tittrattawx maʼ seħibkom bil-qerq.” Għala kellhom bżonn jagħmlu dan? Ġeħova qal: “Għandkom turu li intom qaddisin, għax jien, Ġeħova Alla tagħkom, qaddis.” (Levitiku 19:2, 11) Għalkemm forsi ma nigdbux, jekk inġiegħlu oħrajn jemmnu xi ħaġa li mhix vera, aħna nkunu diżonesti.
20, 21. Jekk aħna grati għall-qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla, x’għandna nevitaw iktar?
20 M’għandniex xi ngħidu, aħna nevitaw l-adulterju, is-sokor, u dnubiet serji oħrajn. Imma iktar minn hekk, irridu nevitaw kull ħaġa li ma togħġobx lil Ġeħova. Pereżempju, aħna mhux biss nevitaw l-immoralità sesswali, imma nevitaw ukoll divertiment immorali. Mhux talli ma niskrux, imma wkoll lanqas nixorbu sal-punt li kważi nkunu fis-sakra. Forsi jkollna bżonn nissieltu biex nirreżistu tentazzjonijiet bħal dawn, imma huwa possibbli.
21 Aħna nagħmluha l-mira tagħna li nagħmlu bħalma qal Pawlu: “Tħallux id-dnub ikompli jsaltan fil-ġisem mortali tagħkom biex tobdu x-xewqat tiegħu.” (Rumani 6:12; 7:18-20) Huwa veru li ma nistgħux nevitaw id-dnubiet kollha. Imma meta niġġieldu kontra kull tip taʼ dnub, aħna nuru li verament grati għall-qalb tajba mhix mistħoqqa li Alla u Kristu wrewna.
22. Liema premju nistgħu nħarsu ’l quddiem għalih jekk aħna verament grati għall-qalb tajba mhix mistħoqqa taʼ Ġeħova?
22 Ġeħova ħafer id-dnubiet tagħna u jistaʼ jkompli jaħfirhom. Kemm aħna grati għall-qalb tajba mhix mistħoqqa tiegħu! Mela ejja naħdmu iebes ħalli nevitaw li nagħmlu affarijiet li hu jgħid li huma ħżiena, anke jekk oħrajn ma jqisuhomx bħala dnubiet. Liema premju nistgħu nħarsu ’l quddiem għalih jekk nagħmlu dan? Pawlu qal: “Issa, peress li nħlistu mid-dnub u sirtu lsiera t’Alla, il-frott tagħkom hu l-qdusija tagħkom, u t-tmiem hu l-ħajja taʼ dejjem.”—Rumani 6:22.