Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

“Faħħru lil Jah”—Għala?

“Faħħru lil Jah”—Għala?

“Faħħru lil Jah, . . . għax dan hu pjaċevoli—it-​tifħir hu xieraq.”—SALM 147:1.

GĦANJIET: 104, 152

1-3. (a) Meta setaʼ nkiteb Salm 147? (b) X’nistgħu nitgħallmu milli nistudjaw Salm 147?

META niġu impressjonati b’dak li xi ħadd jgħid jew jagħmel, spiss infaħħruh. Mela kemm iżjed niġu mqanqlin biex infaħħru lil Alla Ġeħova! Aħna nfaħħruh għall-​qawwa kbira li għandu u li naraw fil-​ħolqien meraviljuż tiegħu, u nfaħħruh għall-​imħabba profonda tiegħu għalina li naraw fis-​sagrifiċċju b’fidwa taʼ Ibnu stess.

2 Meta naqraw Salm 147, naraw ċar li l-​kittieb kellu xewqa kbira li jfaħħar lil Ġeħova. Ukoll, hu inkuraġġixxa oħrajn biex ifaħħru lil Alla miegħu.—Aqra Salm 147:1, 7, 12.

3 Ma nafux min kiteb Salm 147. Imma l-​kittieb jistaʼ jkun li għex fiż-​żmien meta l-​Iżraelin irritornaw Ġerusalemm wara li Ġeħova ħelishom minn Babilonja. (Salm 147:2) Is-​salmista faħħar lil Ġeħova għax għal darb’oħra n-​nies Tiegħu setgħu jqimu f’arthom stess. Imbagħad is-​salmista ta saħansitra iżjed raġunijiet biex infaħħru lil Ġeħova. Dawn x’kienu? U liema raġunijiet għandek int biex tgħid “Ħallelujah,” jew “Faħħru lil Jah”?—Salm 147:1; Rivelazzjoni 19:1, nota taʼ taħt.

ĠEĦOVA JFEJJAQ LIL DAWK TAʼ QALBHOM MAQSUMA

4. Meta s-​Sultan Ċiru ħeles lill-​Iżraelin, kif żgur li ħassewhom, u għala?

4 Immaġina kif l-​Iżraelin żgur li ħassewhom meta kienu fl-​eżilju f’Babilonja. Dawk li ħaduhom hemm waqqgħuhom għaċ-​ċajt u qalu: “Kantawlna waħda mill-​għanjiet taʼ Sijon.” Imma l-​Lhud ma kellhomx moħħ il-​kant. Ġerusalemm, l-​ikbar raġuni li kellhom biex jifirħu, kienet ġiet meqruda. (Salm 137:1-​3, 6) Qalbhom kienet maqsuma, u kellhom bżonn il-​faraġ. Imma l-​istess bħalma bassret il-​kelma t’Alla, Ġeħova għen lill-​poplu tiegħu. Kif? Is-​Sultan Ċiru tal-​Persja rebaħ lil Babilonja u qal hekk dwar Ġeħova: “Hu stess inkarigani biex nibnilu dar f’Ġerusalemm.” Ukoll, Ċiru qal lill-​Iżraelin: “Kulmin hemm fostkom mill-​poplu kollu tiegħu, Ġeħova Alla tiegħu jkun miegħu. Għalhekk, ħa jitlaʼ.” (2 Kronaki 36:23) Min jaf kemm dan il-​kliem farraġ lill-​Iżraelin f’Babilonja!

5. Is-​salmista x’qal dwar il-​qawwa taʼ Ġeħova biex ifejjaqna?

5 Ġeħova mhux biss farraġ lill-​ġens taʼ Iżrael imma wkoll lil kull Iżraeli. Ġeħova jaġixxi bl-​istess mod magħna llum. Is-​salmista kiteb li Alla “jfejjaq lil dawk taʼ qalbhom maqsuma, u qed jinfaxxalhom il-​ġrieħi li juġgħuhom.” (Salm 147:3) Meta nkunu morda jew imnikktin, nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova jimpurtah minna. B’hekk, hu ħerqan biex ifarraġna u jfejqilna l-​ġrieħi emozzjonali tagħna. (Salm 34:18; Isaija 57:15) Ġeħova jagħtina l-​għerf u s-​saħħa biex inkunu nistgħu nkampaw maʼ kwalunkwe problema li jistaʼ jkollna.—Ġakbu 1:5.

Ġeħova hu ħerqan biex ifarraġna u jgħinna biex inħossuna aħjar

6. Kif nistgħu nibbenefikaw mill-​kliem tas-​salmista f’​Salm 147:4? (Ara l-​ewwel stampa.)

6 Imbagħad, is-​salmista ħares lejn is-​sema u qal li Ġeħova “jgħodd kemm hemm kwiekeb” u “lkoll kemm huma jsejħilhom b’isimhom.” (Salm 147:4) Is-​salmista setaʼ jarahom il-​kwiekeb, imma ma kellux idea taʼ kemm verament hemm. Illum, ix-​xjenzjati jafu li hemm biljuni taʼ kwiekeb fil-​galassja tagħna. U jistaʼ jkun hemm triljuni taʼ galassji fl-​univers! Il-​bnedmin ma jistgħux jgħoddu l-​kwiekeb kollha, imma l-​Ħallieq jistaʼ. Fil-​fatt, tant jaf sew kull kewkba li ta isem lil kull waħda. (1 Korintin 15:41) L-​Alla li jaf fejn kull kewkba qiegħda jaf lilek ukoll. Hu dejjem jaf eżattament fejn int qiegħed, kif tħossok, u x’għandek bżonn!

7, 8. (a) Ġeħova x’jifhem dwarna? (b) Agħti eżempju li juri x’mogħdrija għandu Ġeħova.

7 Ġeħova jifhem minn xiex int għaddej, u hu għandu l-​qawwa li jgħinek fil-​problemi tiegħek. (Aqra Salm 147:5.) Għandek mnejn tħoss li s-​sitwazzjoni tiegħek hi diffiċli wisq u li ma tistax tkampa magħha. Alla jifhem il-​limitazzjonijiet tagħna, “u jiftakar li aħna trab.” (Salm 103:14) Aħna imperfetti, allura niżbaljaw darba wara l-​oħra, u nistgħu nħossuna skuraġġiti. Kemm jiddispjaċina għal ċerti affarijiet li nkunu għedna, għal xewqat ħżiena li nkunu ħassejna, jew għal xi sentimenti t’għira li kellna. Ġeħova m’għandu l-​ebda dgħufija, imma jifhem għalkollox kif inħossuna.—Isaija 40:28.

8 Int personalment ġieli ħassejt l-​id setgħana taʼ Ġeħova tgħinek tirkupra mill-​provi? (Isaija 41:10, 13) Dan ġara lil pijuniera jisimha Kyoko. Wara li marret f’inkarigu ġdid, ħassitha skuraġġita ferm. Iżda Kyoko kif kienet taf li Ġeħova fehem il-​problemi tagħha? Fil-​kongregazzjoni l-​ġdida li marret fiha, kien hemm ħafna individwi li setgħu jifhmu l-​emozzjonijiet tagħha. Ħasset li Ġeħova kien qed jgħid: “Jien inħobbok, mhux sempliċement għaliex int pijuniera, imma għax int binti u ddedikata lili. Irridek tgawdi l-​ħajja tiegħek bħala waħda mix-​Xhieda tiegħi!” Ġeħova kif uriek li “l-​abbiltà tiegħu li jifhem hi bla qjies”?

ĠEĦOVA JIPPROVDI DAK LI GĦANDNA BŻONN

9, 10. Liema hu l-​iktar mod importanti kif Ġeħova se jgħinna? Agħti eżempju.

9 Ilkoll kemm aħna neħtieġu affarijiet bħalma huma l-​ikel, l-​ilbies, u saqaf fuq rasna. Forsi int tinkwieta li mhux se jkollok biżżejjed ikel x’tiekol. Imma Ġeħova għamel l-​art b’tali mod li tipproduċi biżżejjed ikel għal kulħadd, anke għall-​“frieħ taċ-​ċawluni li joqogħdu jgħajtu” għalih. (Aqra Salm 147:8, 9.) Jekk Ġeħova jitmaʼ liċ-​ċawluni, nistgħu nkunu ċerti li se jipprovdi l-​bżonnijiet materjali tagħna.—Salm 37:25.

10 L-​iktar importanti, Ġeħova jipprovdi dak li għandna bżonn sabiex jibqaʼ jkollna fidi b’saħħitha, u jagħtina “l-​paċi t’Alla li tisboq kull ħsieb.” (Filippin 4:6, 7) Ħu jismu Mutsuo u martu raw kif Ġeħova għenhom. Meta tsunami laqat il-​Ġappun fl-​2011, huma salvaw bi żbrixx billi telgħu fuq is-​saqaf tad-​dar tagħhom. Dakinhar tilfu kważi kulma kellhom. Huma għaddew il-​lejl f’kamra mudlama u kiesħa fit-​tieni sular tad-​dar tagħhom. Filgħodu, fittxew għal xi ħaġa li setgħet tinkuraġġihom. L-​unika ħaġa li setgħu jsibu kienet it-​2006 Yearbook of Jehovah’s Witnesses. Hekk kif Mutsuo qalleb il-​paġni, hu ra t-​titlu “The Deadliest Tsunamis Ever Recorded” (L-​iktar tsunamijiet qattiela li qatt ġew rekordjati). Dik is-​sezzjoni kienet dwar terremot fis-​Sumatra fl-​2004 li kkawża l-​iktar tsunamijiet qerridin li qatt ġew rekordjati. Mutsuo u martu bkew hekk kif qraw l-​esperjenzi taʼ ħuthom irġiel u nisa. Ħassew li Ġeħova kien qed jagħtihom eżattament l-​inkuraġġiment li kellhom bżonn. Ġeħova ħa ħsiebhom ukoll b’modi oħra. Ħuthom f’partijiet oħra tal-​Ġappun ipprovdewlhom ikel u lbies. Imma l-​iktar li saħħaħhom kienu ż-​żjajjar lill-​kongregazzjonijiet mill-​aħwa mibgħutin mill-​organizzazzjoni t’Alla. Mutsuo jgħid: “Ħassejt li Ġeħova kien proprju ħdejn kull wieħed u waħda minna u kien qed jieħu ħsiebna. X’inkuraġġiment!” Alla l-​ewwel jipprovdi dak li jkollna bżonn sabiex jibqaʼ jkollna fidi b’saħħitha, u mbagħad jieħu ħsieb il-​bżonnijiet materjali tagħna.

IBBENEFIKA MILL-​GĦAJNUNA T’ALLA

11. X’għandna bżonn nagħmlu biex nibbenefikaw mill-​għajnuna t’Alla?

11 Ġeħova “jserraħ lill-​ġwejdin.” Hu jħobbna u dejjem lest li jgħinna. (Salm 147:6a) Kif nistgħu nibbenefikaw minn din l-​għajnuna? Hemm bżonn li jkollna relazzjoni b’saħħitha miegħu. Għal dan, jeħtieġ li nkunu ġwejdin. (Sofonija 2:3) Il-​ġwejdin jafdaw f’Ġeħova biex jikkoreġi xi inġustizzja u jtemm is-​sofferenza tagħhom. Lil dawn, Ġeħova japprovahom.

12, 13. (a) Biex nibbenefikaw mill-​għajnuna t’Alla, x’għandna nevitaw? (b) Ġeħova b’min jieħu pjaċir?

12 Min-​naħa l-​oħra, Alla “jbaxxi maʼ l-​art lin-​nies mill-​agħar.” (Salm 147:6b) Aħna ma rridux li dan jiġri lilna! Aħna rridu li Alla jurina l-​imħabba leali tiegħu. Allura għandna nobogħdu dak li hu jobgħod. (Salm 97:10) Pereżempju, għandna nobogħdu l-​immoralità sesswali. Dan ifisser li għandna nevitaw kwalunkwe ħaġa li tistaʼ ddaħħalna fiha, inkluż il-​pornografija. (Salm 119:37; Mattew 5:28) Din tistaʼ tkun ġlieda iebsa, imma hi taʼ min jiġġilidha għax b’hekk ikollna l-​barka taʼ Ġeħova.

13 Ma nistgħux niġġieldu din il-​ġlieda waħedna. Għandna nistrieħu fuq Ġeħova. Se jieħu pjaċir jekk nistrieħu fuq l-​affarijiet li l-​bnedmin iduru lejhom għall-​għajnuna? Le, Ġeħova “ma jitgħaxxaqx bis-​saħħa taż-​żiemel.” Għandna aħna nistrieħu fuq is-​saħħa tagħna stess jew fuq nies oħrajn? Ġeħova ma ‘jiħux pjaċir bir-​riġlejn [b’saħħithom] tal-​bniedem.’ (Salm 147:10) Minflok, jeħtieġ li nkomplu nitolbu lil Ġeħova għall-​għajnuna u nitolbuh bil-​ħerqa biex jeħlisna mid-​dgħufijiet tagħna. Ġeħova qatt mhu se jiddejjaq jismaʼ dan it-​talb. “Ġeħova qed jieħu pjaċir b’dawk li jibżgħu minnu, b’dawk li jistennew il-​qalb tajba bl-​imħabba tiegħu.” (Salm 147:11) Peress li hu leali u jħobbna, aħna nafu li se jibqaʼ jgħinna biex negħlbu x-​xewqat ħżiena tagħna.

14. Dwar xiex kien ċert is-​salmista?

14 Ġeħova jassigurana li se jgħinna meta jkollna l-​problemi. Meta l-​Iżraelin marru lura Ġerusalemm, is-​salmista ħaseb dwar kemm Ġeħova kien qed jgħinhom. Is-​salmista kanta: “Hu saħħaħ l-​istaneg taʼ bwiebek; bierek lil uliedek f’nofsok. Hu jqiegħed il-​paċi fit-​territorju tiegħek.” (Salm 147:13, 14) Il-​fatt li Ġeħova kien se jsaħħaħ il-​bibien tal-​belt ġiegħel lis-​salmista jħossu fis-​sigurtà. Dan assigurah li Ġeħova kien se jipproteġi lin-​nies tiegħu.

Il-Kelma t’Alla kif tistaʼ tgħin meta nħossuna ansjużi ħafna minħabba l-provi tagħna? (Ara paragrafi 15-17)

15-17. (a) Kultant kif għandu mnejn inħossuna dwar il-​provi tagħna, imma Ġeħova kif juża Kelmtu biex jgħinna? (b) Agħti eżempju li juri kif il-​kelma t’Alla tiġri b’ħeffa kbira biex tgħinna.

15 Għandek mnejn tħossok ansjuż minħabba l-​problemi tiegħek, imma Ġeħova jistaʼ jagħtik l-​għerf biex tkampa magħhom. Is-​salmista qal li Alla “jibgħat il-​kmand tiegħu lejn l-​art; b’ħeffa kbira tiġri kelmtu.” Imbagħad is-​salmista semma l-​borra, il-​ġlata, u s-​silġ u staqsa: “Min jiflaħha l-​kesħa tiegħu?” Imbagħad hu qal li Ġeħova “jibgħat kelmtu u jdewwibhom.” (Salm 147:15-​18) Alla tagħna, li jaf kollox u jistaʼ jagħmel kollox, li jikkontrolla s-​silġ u l-​borra, żgur li jistaʼ jgħinek tegħleb kwalunkwe problema.

Rajt fil-​ħajja tiegħek kemm Ġeħova hu ħafif biex jiggwidak?

16 Illum, Ġeħova jiggwidana permezz tal-​Kelma tiegħu, il-​Bibbja. Is-​salmista qal li l-​kelma taʼ Ġeħova tiġri b’ħeffa kbira biex tgħinna. Alla jiggwidana bil-​mod it-​tajjeb u fil-​ħin xieraq. Aħseb dwar kif int tibbenefika mill-​Bibbja, il-​pubblikazzjonijiet tal-​“ilsir leali u għaqli,” il-​JW Broadcasting, il-​jw.org, l-​anzjani, u ħutek irġiel u nisa. (Mattew 24:45) Rajt fil-​ħajja tiegħek kemm Ġeħova hu ħafif biex jiggwidak?

17 Oħt jisimha Simone esperjenzat kif il-​Kelma t’Alla għenitha. Ħassitha ma tiswa għal xejn, u ħasbet li Ġeħova mhux kuntent biha. Madankollu, meta kienet skuraġġita, baqgħet titlob lil Ġeħova bil-​ħniena biex jgħinha. Hi kompliet ukoll tistudja l-​Bibbja. Simone qalet: “Qatt ma sibt ruħi f’sitwazzjoni fejn ma ħassejtx is-​saħħa u l-​gwida taʼ Ġeħova.” Dan għenha jkollha attitudni iżjed pożittiva.

18. Għala tħoss li Ġeħova hu qribek, u x’raġunijiet għandek biex ‘tfaħħar lil Jah’?

18 Is-​salmista kien jaf li Ġeħova kien għażel il-​ġens taʼ Iżrael tal-​qedem biex ikun il-​poplu tiegħu mill-​ġnus kollha tal-​art. Kien l-​uniku nazzjon li ġie mogħti l-​“kelma” t’Alla u ‘r-​regolamenti tiegħu.’ (Aqra Salm 147:19, 20.) Illum, għandna l-​unur kbir taʼ li nissejħu bl-​isem t’Alla. Aħna grati li nafuh, li għandna l-​Kelma tiegħu tiggwidana, u li jistaʼ jkollna relazzjoni mill-​qrib miegħu. Bħall-​kittieb taʼ Salm 147, għandek ħafna raġunijiet biex ‘tfaħħar lil Jah’ u biex tinkuraġġixxi lil oħrajn jagħmlu l-​istess.