Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Mistoqsijiet mill-qarrejja

Mistoqsijiet mill-qarrejja

Għandu Kristjan iżomm arma tan-​nar, forsi pistola jew xkubetta, biex jipproteġi lilu nnifsu minn bnedmin oħra?

Il-​Kristjani jimxu fuq prinċipji Bibliċi meta jagħżlu kif se jipproteġu u jiddefendu lilhom infushom. Dawn il-​prinċipji juru li ma jkunx tajjeb li Kristjan juża armi bħal pistoli, xkubetti, jew tipi oħra taʼ armi tan-​nar biex jipproteġi lilu nnifsu minn bnedmin oħra. Aħseb dwar il-​punti li ġejjin:

Il-​ħajja tal-​bnedmin hija sagra għal Ġeħova. Is-​salmista David kiteb hekk dwar Ġeħova: “Għandek hemm is-​sors tal-​ħajja.” (Salm 36:9) Għalhekk, jekk Kristjan jagħżel li jiddefendi lilu nnifsu jew il-​propjetà tiegħu, hu se jagħmel kulma jistaʼ biex jevita li jkun ħati tad-​demm, jiġifieri, responsabbli għall-​mewt taʼ persuna oħra.—Dewteronomju 22:8; Salm 51:14.

Huwa minnu li kwalunkwe oġġett li xi ħadd juża biex jipproteġi lilu nnifsu jistaʼ jwasslu biex ikun ħati tad-​demm. Madankollu, l-​armi tan-​nar jagħmluha iktar faċli biex toqtol lil xi ħadd, kemm jekk b’aċċident u kemm jekk apposta. * (Ara n-​nota taʼ taħt.) Barra minn hekk, dak li jkun qed jattakka jistaʼ diġà jkun nervuż, allura jekk jara arma tan-​nar, is-​sitwazzjoni x’aktarx se ssir iktar perikoluża u xi ħadd jistaʼ jiġi maqtul.

Meta Ġesù qal lis-​segwaċi tiegħu biex iġorru sejf fil-​lejl taʼ qabel ma miet, dan ma kienx sabiex ikunu jistgħu jipproteġu lilhom infushom. (Luqa 22:36, 38) Anzi, Ġesù ried jgħallimhom lezzjoni. Is-​segwaċi tiegħu m’għandhomx jużaw il-​vjolenza, anki meta jkollhom jiffaċċjaw folla li għandha l-​armi. (Luqa 22:52) Wara li Pietru uża s-​sejf tiegħu biex jattakka lill-​ilsir tal-​qassis il-​kbir, Ġesù kkmanda lil Pietru: “Erġaʼ daħħal sejfek f’postu.” Imbagħad Ġesù qal prinċipju li jiggwida l-​Kristjani saħansitra llum: “Kulmin jaqbad is-​sejf, bis-​sejf jinqered.”—Mattew 26:51, 52.

Bħalma hu mbassar f’​Mikea 4:3, in-​nies t’Alla “jaħdmu sjufhom f’sikek tal-​moħriet u l-​lanez tagħhom fi skieken taż-​żabra.” Il-​Kristjani veri huma magħrufin bħala nies li jżommu l-​paċi. Huma jsegwu l-​kmandi li Alla tahom permezz tal-​appostlu Pawlu biex ma ‘jroddu lil ħadd ħsara bi ħsara’ u biex “iżommu l-​paċi mal-​bnedmin kollha.” (Rumani 12:17, 18) Għalkemm Pawlu esperjenza sitwazzjonijiet diffiċli, inkluż “perikli mill-​ħallelin,” hu qatt ma mar kontra l-​prinċipji tal-​Bibbja sabiex jipproteġi lilu nnifsu. (2 Korintin 11:26) Minflok, hu fada f’Alla u kien jaf li l-​parir għaqli tal-​Bibbja hu “aħjar mill-​għodda tal-​ġlied.”—Ekkleżjasti 9:18.

Għall-​Kristjani, il-​ħajja hija ħafna iktar taʼ valur mill-​affarijiet materjali. Aħna nafu li l-​ħajja taʼ bniedem “ma tiddependix minn dak li għandu.” (Luqa 12:15) Għalhekk, jekk ma nwaqqfux ħalliel li jkollu arma tan-​nar billi nkellmuh bil-​ħlewwa, aħna nsegwu l-​parir taʼ Ġesù: “Tirreżistux lil min hu mill-​agħar.” Dan jistaʼ jfisser li nħalluh jieħu dak kollu li jrid. (Mattew 5:39, 40; Luqa 6:29) * (Ara n-​nota taʼ taħt.) Ovvjament, irridu nevitaw li nitfgħu lilna nfusna fil-​mira tal-​kriminali. Ikun hemm inqas ċans li jattakkawna jekk insegwu l-​parir tal-​Bibbja u nevitaw “l-​iffanfrar bil-​mezzi tal-​ħajja.” (1 Ġwanni 2:16) Ikun taʼ protezzjoni għalina wkoll jekk inkunu magħrufin mal-​ġirien tagħna bħala Xhieda taʼ Ġeħova li nżommu l-​paċi.—Proverbji 18:10.

Il-​Kristjani jirrispettaw il-​kuxjenza t’oħrajn. (Rumani 14:21) Xi aħwa jixxokkjaw ruħhom, jew saħansitra jiġu mfixklin, jekk ikunu jafu li xi ħadd minn ħuthom Kristjani għandu arma tan-​nar biex jipproteġi lilu nnifsu minn bnedmin oħra. Forsi għandna dritt legali biex ikollna arma tan-​nar, imma peress li nħobbu lil ħutna, aħna qatt mhu se nagħmlu xi ħaġa li nafu li tistaʼ tfixkilhom.—1 Korintin 10:32, 33; 13:4, 5.

Il-​Kristjani jridu jkunu t’eżempju tajjeb għal oħrajn. (2 Korintin 4:2; 1 Pietru 5:2, 3) Jekk Kristjan għandu arma tan-​nar biex jipproteġi lilu nnifsu minn bnedmin oħra, l-​anzjani jagħtuh parir mill-​Bibbja. Jekk jiddeċiedi li jżommha, hu mhux se jkun t’eżempju tajjeb. B’hekk, mhux se jkun jistaʼ jkollu xi responsabbiltà jew privileġġ speċjali fil-​kongregazzjoni. L-​istess japplika għall-​Kristjan li jkompli jġorr arma tan-​nar bħala parti mix-​xogħol sekulari tiegħu. Ikun ħafna aħjar jekk jipprova jsib xogħol ieħor. *—Ara n-​nota taʼ taħt.

Kristjan għandu jiddeċiedi għalih innifsu dwar kif se jipproteġi lilu nnifsu, il-​familja tiegħu, u l-​affarijiet li għandu, kif ukoll fejn se jaħdem. Imma meta jagħmel għażliet bħal dawn, hu għandu jibbażahom fuq prinċipji Bibliċi. Dawn il-​prinċipji tahomlna l-​Alla għaref tagħna għax iħobbna. Huwa għalhekk li l-​Kristjani li għandhom relazzjoni soda maʼ Ġeħova jagħżlu li ma jżommux arma tan-​nar biex jipproteġu lilhom infushom minn bnedmin oħra. Huma jafu li jekk jafdaw f’Alla u jimxu mal-​prinċipji tal-​Bibbja f’ħajjithom, se jkollhom sigurtà taʼ vera għal dejjem.—Salm 97:10; Proverbji 1:33; 2:6, 7.

Matul it-tribulazzjoni l-kbira, il-Kristjani se jistrieħu fuq Ġeħova u mhux jipprovaw jiddefendu lilhom infushom

^ par. 3 Kristjan għandu mnejn jiddeċiedi li jżomm arma tan-​nar (bħal xkubetta jew senter) biex jikkaċċja l-​annimali għall-​ikel jew biex jipproteġi lilu nnifsu minn annimali salvaġġi. Però, meta ma jkunx qed juża l-​arma, hu għandu jneħħilha l-​balal, forsi saħansitra jżarmaha, u jżommha msakkra f’post sigur. F’pajjiżi fejn hu illegali li żżomm arma tan-​nar, jew fejn il-​gvern jagħmel limiti jew regoli dwar min jistaʼ jkollu arma tan-​nar, il-​Kristjani jobdu l-​liġi.—Rumani 13:1.

^ par. 6 Biex issir taf kif tipproteġi lilek innifsek minn stupru, ara l-​artiklu “How to Prevent Rape” fil-​ħarġa bl-​Ingliż taʼ Stenbaħ! tat-​8 taʼ Marzu 1993.

^ par. 2 Għal iktar informazzjoni dwar xogħlijiet li jirrikjedu li ġġorr arma tan-​nar, ara It-​Torri tal-​Għassa tal-​1 taʼ Novembru 2005, paġna 31, u l-​ħarġa bl-​Ingliż tal-​15 taʼ Lulju 1983, paġni 25-​26.