Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

“Ħa . . . jwettaq kull pjan li tagħmel”

“Ħa . . . jwettaq kull pjan li tagħmel”

“Tgħaxxaq b’Ġeħova bil-​kbir, u hu jagħtik dak li tixtieq qalbek.”—SALM 37:4.

GĦANJIET: 89, 140

1. (a) Iż-​żgħażagħ x’għandhom jiddeċiedu dwar il-​futur tagħhom? (b) X’jistaʼ jgħinhom biex ma jkunux ansjużi żżejjed? (Ara l-​ewwel stampa.)

INTOM iż-​żgħażagħ probabbilment se taqblu li qabel tibdew xi vjaġġ, ikun għaqli li tippjanaw fejn se tmorru. Il-​ħajja hi bħal vjaġġ, u ż-​żmien biex tippjana fejn trid tmur hu meta tkun għadek żgħir. M’għandniex xi ngħidu, jistaʼ ma jkunx faċli li tagħmel pjanijiet bħal dawn. Tfajla jisimha Heather qalet: “Tal-​biżaʼ! Ikollok tiddeċiedi x’tagħmel bil-​kumplament taʼ ħajtek.” Jekk tħossok b’dan il-​mod, ftakar li Ġeħova jgħid: “Tiċċassax ’l hemm u ’l hawn, għax jien Alla tiegħek. Jien inqawwik. Jien ngħinek verament.”—Isaija 41:10.

2. Int kif taf li Ġeħova jridek tippjana għal futur hieni?

2 Ġeħova jinkuraġġik tippjana bil-​għaqal għall-​futur tiegħek. (Ekkleżjasti 12:1; Mattew 6:20) Hu jridek tkun ferħan. Dan jidher ċar meta int tara, tismaʼ, u ttiegħem l-​affarijiet li ħalaq. Ukoll, Ġeħova jieħu ħsiebna b’modi oħrajn. Hu jagħtina pariri u jgħallimna kif ngħixu bl-​aħjar mod. Allura meta n-​nies iwarrbu l-​pariri għaqlin tiegħu, ma jiħux pjaċir. Hu jgħid lil dawk li ma jsegwux il-​gwida tiegħu: “Għażiltu dak li jien ma tgħaxxaqtx bih. . . . Ara! Il-​qaddejja tiegħi se jifirħu, imma intom issofru l-​mistħija. Ara! Il-​qaddejja tiegħi se jgħajtu bil-​ferħ minħabba l-​kundizzjoni tajba taʼ qalbhom.” (Isaija 65:12-​14) Meta nagħmlu għażliet għaqlin fil-​ħajja, aħna nigglorifikaw lil Ġeħova.—Proverbji 27:11.

PJANIJIET LI SE JAGĦMLUK FERĦAN

3. Ġeħova x’jissuġġerilek?

3 Ġeħova xi pjanijiet jissuġġerilek? Biex tkun ferħan, għandek bżonn tkun taf lil Ġeħova u taqdih. Dan hu l-​mod kif Ġeħova ħalaq lill-​bnedmin. (Salm 128:1; Mattew 5:3) L-​annimali sempliċement jieklu, jixorbu, u jkollhom il-​frieħ. Iżda Ġeħova jridek tippjana ħajtek b’tali mod li din tkun taʼ ferħ u sinifikanti. Il-​Ħallieq tiegħek hu “l-​Alla taʼ l-​imħabba,” “l-​Alla l-​hieni,” li għamel il-​bnedmin “fix-​xbieha tiegħu.” (2 Korintin 13:11; 1 Timotju 1:11; Ġenesi 1:27) Int se tkun ferħan meta timita lil Alla tagħna taʼ mħabba. Il-​Bibbja tgħid: “Hemm iktar hena meta tagħti milli meta tirċievi.” (Atti 20:35) M’esperjenzajtux dan int stess? Din hi verità bażika dwar il-​ħajja. Allura Ġeħova jridek tagħmel il-​pjanijiet tiegħek għall-​futur ibbażati fuq l-​imħabba għal oħrajn u għalih.—Aqra Mattew 22:36-​39.

Int se tkun ferħan meta turi mħabba

4, 5. X’għamel lil Ġesù ferħan?

4 Ġesù Kristu ħalla l-​eżempju perfett għalikom iż-​żgħażagħ. Meta kien għadu tifel, x’aktarx li kien jilgħab u jieħu gost. Bħalma tgħid il-​Kelma t’Alla, hemm “żmien li tidħaq” u “żmien li taqbeż ’l hemm u ’l hawn.” (Ekkleżjasti 3:4) Ukoll, Ġesù resaq qrib Ġeħova billi studja l-​Iskrittura. Meta kellu 12-​il sena, l-​għalliema fit-​tempju stagħġbu “b’kemm kien jifhem u bit-​tweġibiet tiegħu.”—Luqa 2:42, 46, 47.

5 Meta Ġesù sar adult, li jagħmel dak li Alla talab minnu għamlu ferħan. Pereżempju, Alla riedu ‘jxandar aħbar tajba lill-​foqra’ u “l-​għoti tad-​dawl lill-​għomja.” (Luqa 4:18) Salm 40:8 jiddeskrivi kif ħassu Ġesù: “Jien tgħaxxaqt nagħmel ir-​rieda tiegħek, O Alla tiegħi.” Ġesù ħa pjaċir jgħallem lin-​nies dwar Missieru. (Aqra Luqa 10:21.) Darba, wara li kellem lil waħda mara dwar il-​qima vera, Ġesù qal lid-​dixxipli tiegħu: “L-​ikel tiegħi hu li nagħmel ir-​rieda taʼ dak li bagħatni u li ntemm xogħlu.” (Ġwanni 4:31-​34) Ġesù kien ferħan għax wera mħabba għal Alla u għal oħrajn. Jekk int tagħmel l-​istess, se tkun ferħan ukoll.

6. Għala hu tajjeb li titkellem m’oħrajn dwar il-​pjanijiet tiegħek għall-​futur?

6 Ħafna Kristjani bdew ix-​xogħol taʼ pijunier meta kienu għadhom żgħar, u dan għamilhom ferħanin. Tistaʼ int titkellem maʼ xi wħud minnhom dwar il-​pjanijiet tiegħek? “Il-​pjanijiet jisfrattaw meta ma jkunx hemm diskors kunfidenzjali, imma jirnexxu meta jkun hemm ħafna li jagħtu l-​pariri.” (Proverbji 15:22) Dawn l-​aħwa probabbilment se jgħidulek li x-​xogħol taʼ pijunier jagħtik edukazzjoni li se tgħinek tul ħajtek kollha. Ġesù tgħallem ħafna affarijiet minn Missieru meta kien fis-​sema. Imbagħad, matul il-​ministeru tiegħu fuq l-​art, kompla jitgħallem. Hu esperjenza l-​ferħ hekk kif qasam l-​aħbar tajba m’oħrajn u żamm l-​integrità tiegħu f’ċirkustanzi diffiċli. (Aqra Isaija 50:4; Ebrej 5:8; 12:2) Ejja naraw għaliex is-​servizz full-​time jistaʼ jagħmlek ferħan.

GĦALA LI NAGĦMLU DIXXIPLI HU L-​AĦJAR XOGĦOL?

7. Ħafna żgħażagħ għala jieħdu pjaċir jagħmlu dixxipli?

7 Ġesù qalilna biex immorru ‘nagħmlu dixxipliʼ u ngħallmu lin-​nies. (Mattew 28:19, 20) Jekk qed tippjana li tagħmel dan ix-​xogħol il-​karriera tiegħek, se jkollok ħajja sodisfaċenti li tonora lil Alla. Bħal kwalunkwe karriera oħra, jeħtieġ iż-​żmien biex issir tas-​sengħa. Wieħed ħu jismu Timothy li beda x-​xogħol taʼ pijunier bħala adoloxxent qal: “Li naqdi lil Ġeħova full-​time jogħġobni għax hu l-​mod kif nesprimi mħabbti għalih. Għall-​ewwel, ma stajtx nibda studji tal-​Bibbja, imma wara mort f’territorju ieħor, u fi żmien xahar bdejt diversi studji. Student minnhom beda jiġi s-​Sala tas-​Saltna. Wara li attendejt l-​Iskola tal-​Bibbja Għal Aħwa Rġiel Mhux Miżżewġin li damet xahrejn, irċivejt inkarigu ġdid fejn bdejt erbaʼ studji. Inħobb ngħallem lin-​nies, għax nistaʼ nara l-​bidla li jagħmlu permezz tal-​ispirtu qaddis.” * (Ara n-​nota taʼ taħt.)—1 Tessalonikin 2:19.

8. X’għamlu wħud li għadhom żgħar sabiex jippritkaw lil iżjed nies?

8 Uħud li għadhom żgħar tgħallmu lingwa oħra. Pereżempju, Jacob, mill-​Amerika taʼ Fuq, jikteb: “Meta kelli sebaʼ snin, ħafna mit-​tfal tal-​klassi kienu Vjetnamiżi. Ridt ngħidilhom dwar Ġeħova, allura wara ftit ippjanajt biex nitgħallem il-​lingwa tagħhom. L-​iktar li tgħallimt kien billi kont inqabbel l-​edizzjonijiet tat-​Torri tal-​Għassa bl-​Ingliż u l-​Vjetnamiż. Ukoll, għamilt ħbieb maʼ wħud minn kongregazzjoni tal-​lingwa Vjetnamiża fil-​viċin. Meta kelli 18-​il sena bdejt ix-​xogħol taʼ pijunier. Wara, attendejt l-​Iskola tal-​Bibbja Għal Aħwa Rġiel Mhux Miżżewġin. Dan għenni fl-​inkarigu taʼ pijunier li għandi issa, fejn jien l-​uniku anzjan fi grupp tal-​lingwa Vjetnamiża. Ħafna Vjetnamiżi jibqgħu mbellhin għax tgħallimt il-​lingwa tagħhom. Huma jistidnuni ġewwa, u spiss inkun nistaʼ nistudja l-​Bibbja magħhom. Xi wħud għamlu progress li wassalhom għall-​magħmudija.”—Qabbel Atti 2:7, 8.

9. X’jgħallimna x-​xogħol taʼ li nagħmlu dixxipli?

9 Ix-​xogħol taʼ li nagħmlu dixxipli jgħallmek drawwiet taʼ xogħol tajbin, kif tikkomunika tajjeb, u kif tkun kunfidenti u jkollok it-​tattika. (Proverbji 21:5; 2 Timotju 2:24) Imma dan ix-​xogħol hu speċjalment taʼ ferħ għaliex titgħallem kif tagħti prova mill-​Iskrittura taʼ dak li temmen. Titgħallem ukoll kif taħdem mill-​qrib maʼ Ġeħova.—1 Korintin 3:9.

10. Kif tistaʼ ssib il-​ferħ fix-​xogħol taʼ li nagħmlu dixxipli anke meta t-​territorju tiegħek ikun diffiċli?

10 Int tistaʼ ssib ferħ fix-​xogħol taʼ li nagħmlu dixxipli anke jekk huma ftit in-​nies fit-​territorju tiegħek li jridu jistudjaw il-​Bibbja. Biex nagħmlu dixxipli, il-​kongregazzjoni kollha taħdem flimkien bħala tim. Għalkemm ħu jew oħt waħda biss għandha mnejn issib individwu li jsir dixxiplu, ilkoll kemm aħna nkunu ferħanin għax ilkoll ħadna sehem fit-​tfittxija. Pereżempju, Brandon, li kien pijunier għal disaʼ snin fi nħawi fejn ftit nies studjaw il-​Bibbja, jgħid: “Inħobb nipprietka l-​aħbar tajba għax hu dak li jridna nagħmlu Ġeħova. Bdejt fix-​xogħol taʼ pijunier ftit wara li spiċċajt l-​iskola. Nieħu pjaċir ninkuraġġixxi lill-​aħwa rġiel żgħażagħ fil-​kongregazzjoni tagħna u nara l-​progress spiritwali tagħhom. Wara li attendejt l-​Iskola tal-​Bibbja Għal Aħwa Rġiel Mhux Miżżewġin, irċivejt inkarigu ġdid taʼ pijunier. Huwa veru li qatt ma sibt lil xi ħadd fit-​territorju li għamel progress għall-​magħmudija, imma oħrajn sabu. Jien kuntent li ppjanajt biex nieħu sehem bis-​sħiħ fix-​xogħol taʼ li nagħmlu dixxipli.”—Ekkleżjasti 11:6.

FEJN JISTGĦU JWASSLUK IL-​PJANIJIET TIEGĦEK

11. Ħafna rġiel u nisa żgħażagħ liema tip taʼ servizz lil Ġeħova gawdew?

11 Hemm ħafna opportunitajiet biex taqdi lil Ġeħova. Pereżempju, ħafna rġiel u nisa żgħażagħ jgħinu fix-​xogħol tal-​bini. Hemm bżonn taʼ mijiet taʼ Swali tas-​Saltna ġodda. Dawn il-​postijiet jonoraw lil Ġeħova, allura li tgħin fil-​bini tagħhom jistaʼ jagħmlek ferħan. Int tistaʼ wkoll ikollok il-​ferħ taʼ li taħdem flimkien maʼ ħutek. U tistaʼ titgħallem ħafna affarijiet, bħal kif tagħmel biċċa xogħol tajba bla periklu u kif tikkoopera maʼ dawk li jieħdu ħsieb ix-​xogħol.

Dawk li jidħlu fis-servizz full-time se jirċievu ħafna barkiet (Ara paragrafi 11-13)

12. Is-​servizz taʼ pijunier kif jistaʼ jwassal għal opportunitajiet oħrajn?

12 Ħu jismu Kevin jgħid: “Mindu kont tifel żgħir ridt li xi darba naqdi lil Ġeħova full-​time. Fl-​aħħar, bdejt naqdi bħala pijunier meta kelli 19-​il sena. Ħdimt part-​time maʼ ħu li kien bennej. Tgħallimt inpoġġi s-​soqfa u nwaħħal il-​bibien u t-​twieqi. Iktar tard, qattajt sentejn maʼ grupp li jagħti l-​għajnuna wara diżastri tal-​uragani, u bnejna mill-​ġdid is-​Swali tas-​Saltna u d-​djar għall-​aħwa. Meta smajt dwar il-​bżonnijiet tal-​kostruzzjoni fl-​Afrika t’Isfel, applikajt u ġejt mistieden immur. Hawn fl-​Afrika, immur minn proġett tas-​Sala tas-​Saltna għal ieħor kull ftit ġimgħat. Il-​grupp tal-​kostruzzjoni li qiegħed fih hu bħal familja. Ngħixu flimkien, nistudjaw il-​Bibbja flimkien, u naħdmu flimkien. Ukoll, nieħu gost nipprietka mal-​aħwa tal-​lokal kull ġimgħa. Il-​pjanijiet li għamilt bħala tifel għamluni ferħan b’modi li ma stennejtx.”

“Il-​pjanijiet li għamilt bħala tifel għamluni ferħan b’modi li ma stennejtx”

13. Ħafna żgħażagħ għala jinsabu ferħanin li jaqdu lil Ġeħova f’Betel?

13 Uħud li kienu pijunieri issa qed jaqdu f’Betel. Is-​servizz taʼ Betel hu mod taʼ ħajja li jġiblek ferħ għax kulma tagħmel hemm hu għal Ġeħova. Il-​familja taʼ Betel tgħin biex tipprovdi Bibbji u pubblikazzjonijiet ħalli n-​nies ikunu jistgħu jitgħallmu l-​verità. Betelit jismu Dustin jgħid: “Jien għamilt is-​servizz full-​time il-​mira tiegħi meta kelli disaʼ snin, u bdejt ix-​xogħol taʼ pijunier wara li spiċċajt l-​iskola. Wara sena u nofs, ġejt mistieden Betel, fejn tgħallimt inħaddem il-​magni tal-​istampar u iktar tard nipprogramma l-​kompjuters. F’Betel għandi l-​privileġġ li nismaʼ direttament dwar il-​progress fl-​attività madwar id-​dinja taʼ li nagħmlu dixxipli. Nieħu pjaċir naqdi hawn għax dak li nagħmlu jgħin lin-​nies jersqu qrib taʼ Ġeħova.”

XI PJANIJIET SE TAGĦMEL GĦALL-​FUTUR TIEGĦEK?

14. X’tistaʼ tagħmel issa biex tipprepara għall-​ministeru full-​time?

14 Kif tistaʼ tipprepara lilek innifsek għall-​ministeru full-​time? Sabiex taqdi lil Ġeħova bl-​aħjar mod li tistaʼ, għandek bżonn tiżviluppa kwalitajiet Kristjani. Studja l-​Kelma t’Alla regolarment, immedita fil-​fond fuqha, u pprova esprimi l-​fidi tiegħek fil-​laqgħat tal-​kongregazzjoni. Sakemm għadek l-​iskola, tistaʼ ttejjeb l-​abbiltà tiegħek biex titkellem m’oħrajn dwar l-​aħbar tajba. Tgħallem uri interess fin-​nies billi bit-​tattika tistaqsi l-​opinjoni tagħhom u tismaʼ t-​tweġibiet li jagħtu. Ukoll, tistaʼ toffri li tagħmel affarijiet fil-​kongregazzjoni, bħal li tgħin fit-​tindif u l-​manutenzjoni tas-​Sala tas-​Saltna. Ġeħova jieħu pjaċir juża lill-​umli u lil dawk li jridu jaħdmu minn jeddhom. (Aqra Salm 110:3; Atti 6:1-​3) L-​appostlu Pawlu stieden lil Timotju biex jaqdi bħala missjunarju għax “kienu jitkellmu tajjeb dwaru.”—Atti 16:1-​5.

Sakemm għadek l-​iskola, tistaʼ ttejjeb l-​abbiltà tiegħek biex titkellem m’oħrajn dwar l-​aħbar tajba

15. X’tistaʼ tagħmel biex ikollok impjieg li jistaʼ jgħinek tagħmel ix-​xogħol taʼ pijunier?

15 Il-​biċċa l-​kbira tal-​qaddejja full-​time ikollhom bżonn impjieg. (Atti 18:2, 3) Forsi tistaʼ tieħu kors qasir tal-​iskola li jistaʼ jgħinek ikollok xogħol part-​time li jkun fl-​inħawi tiegħek. Tkellem mal-​indokratur li jżur il-​kongregazzjonijiet u maʼ pijunieri oħra dwar il-​pjanijiet tiegħek, u itlobhom xi suġġerimenti. Imbagħad, bħalma tgħid il-​Bibbja, “erħi l-​ħidma tiegħek f’idejn Ġeħova u l-​pjanijiet tiegħek ikunu stabbiliti fis-​sod.”—Proverbji 16:3; 20:18.

16. Is-​servizz full-​time kif jistaʼ jippreparak għal responsabbiltajiet oħrajn fil-​futur?

16 Tistaʼ tibqaʼ ċert li Ġeħova jridek ‘taqbad qabda sodaʼ maʼ futur hieni. (Aqra l-​1 Timotju 6:18, 19.) Is-​servizz full-​time jgħinek issir Kristjan matur hekk kif taħdem maʼ qaddejja oħra full-​time. Ukoll, ħafna sabu li l-​fatt li kienu fis-​servizz full-​time meta kienu żgħar, iktar tard għenhom fil-​ħajja miżżewġa tagħhom. Spiss, dawk li jkunu għamlu x-​xogħol taʼ pijunier qabel iżżewġu jkomplu jagħmluh flimkien bħala koppja miżżewġa.—Rumani 16:3, 4.

17, 18. Li tagħmel pjanijiet kif jinvolvi lil qalbek?

17 Salm 20:4 jgħid dwar Ġeħova: “Ħa jagħtik skond ma tixtieq qalbek, u jwettaq kull pjan li tagħmel.” Hekk kif tippjana għall-​futur tiegħek, aħseb dwar dak li verament tixtieq tagħmel f’ħajtek. Aħseb dwar x’qed jagħmel Ġeħova fi żmienna u x’tistaʼ tagħmel int fix-​xogħol tiegħu. Imbagħad ippjana biex tagħmel dak li jogħġob lilu.

18 Meta tuża ħajtek biex taqdi lil Ġeħova bis-​sħiħ u tonorah, se tkun kuntent ħafna. Int se ‘titgħaxxaq b’Ġeħova bil-​kbir, u hu jagħtik dak li tixtieq qalbek.’—Salm 37:4.

^ par. 7 Minflok din l-​iskola, issa hemm l-​Iskola għall-​Evanġelizzaturi tas-​Saltna.