Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-​ISTUDJU 13

Ġeħova Kif Se Jipproteġik?

Ġeħova Kif Se Jipproteġik?

“Il-​Mulej hu leali, u jissodakom u jħariskom mill-​Ħażin.” —2 TESS. 3:3.

GĦANJA 124 Dejjem leali

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1. Ġesù għala talab lil Ġeħova biex jieħu ħsieb lid-​dixxipli tiegħu?

FL-​AĦĦAR lejl tiegħu, Ġesù beda jaħseb dwar il-​problemi kollha li kienu se jiffaċċjaw id-​dixxipli. Minħabba li Ġesù kien iħobb lid-​dixxipli tiegħu, hu talab lil Missieru ‘biex iħarishom minħabba l-​Ħażin.’ (Ġw. 17:14, 15) Ġesù kien jaf li dalwaqt kien sejjer fis-​sema u li Satana x-​Xitan kien se jkompli jiġġieled kontra dawk li jridu jaqdu lil Ġeħova. Għalhekk, in-​nies taʼ Ġeħova kien se jkollhom bżonn il-​protezzjoni.

2. X’jikkonvinċina li Ġeħova se jwieġeb it-​talb tagħna?

2 Ġeħova wieġeb it-​talba taʼ Ġesù għax kien iħobbu. Jekk nagħmlu l-​almu tagħna biex nogħġbu lil Ġeħova, hu se jħobb lilna wkoll. Hu se jwieġeb it-​talb tagħna biex jipproteġina u jgħinna. Ġeħova hu Missier kollu mħabba, għalhekk hu se jieħu ħsieb lit-​tfal tiegħu. Jekk ma jagħmilx hekk, iġib diżunur fuq ismu stess.

3. Għala għandna bżonn il-​protezzjoni taʼ Ġeħova?

3 Illum, iktar minn qatt qabel, għandna bżonn il-​protezzjoni taʼ Ġeħova. Satana ġie mkeċċi mis-​sema u “għandu rabja kbira.” (Riv. 12:12) Hu ġiegħel lil xi nies jaħsbu li meta jippersegwitawna jkunu qegħdin joffru “servizz sagru lil Alla.” (Ġw. 16:2) Oħrajn li ma jemmnux f’Alla jippersegwitawna għax aħna differenti minnhom. Hi x’inhi r-​raġuni għala jippersegwitawna, aħna ma nibżgħux. Għala? Għax il-​Kelma t’Alla tgħid li Ġeħova, permezz taʼ Ġesù, se ‘jissodana u jħarisna mill-​Ħażin.’ (2 Tess. 3:3) Ġeħova kif jipproteġina? Ejja niddiskutu żewġ modi.

ĠEĦOVA PPROVDIELNA L-​ARMATURA

4. Skont Efesin 6:13-​17, Ġeħova x’tana biex jipproteġina?

4 Ġeħova pprovdielna armatura li tistaʼ tipproteġina mill-​attakki taʼ Satana. (Aqra Efesin 6:13-​17.) Din l-​armatura li tana Alla hi effettiva u b’saħħitha! Imma jekk irriduha tipproteġina, irridu nilbsuha kollha u ma ninżgħuhiex. X’jirrappreżentaw il-​partijiet taʼ din l-​armatura? Matul dan l-​artiklu se niddiskutu kull parti minnha.

5. X’inhu ċ-​ċinturin tal-​verità, u għala għandna nilbsuh?

5 Iċ-​ċinturin tal-​verità jirrappreżenta l-​veritajiet li nsibu fil-​Kelma t’Alla, il-​Bibbja. Għaliex għandna nilbsu dan iċ-​ċinturin? Għax Satana hu “missier il-​gidba.” (Ġw. 8:44) Hu ilu jigdeb għal eluf taʼ snin u “qed iqarraq bl-​art abitata kollha”! (Riv. 12:9) Imma l-​veritajiet li nsibu fil-​Bibbja jipproteġuna biex ma niġux imqarrqin. Kif nilbsu dan iċ-​ċinturin tal-​verità? Billi nitgħallmu l-​verità dwar Ġeħova, naqduh “bl-​ispirtu u l-​verità,” u billi nkunu onesti f’dak kollu li nagħmlu.—Ġw. 4:24; Efes. 4:25; Ebr. 13:18.

Iċ-​Ċinturin: Il-​veritajiet li nsibu fil-​Kelma t’Alla

6. X’inhi l-​kurazza tas-​sewwa, u għala għandna nilbsuha?

6 Il-​kurazza tas-​sewwa tirrappreżenta l-​livelli ġusti taʼ Ġeħova. Għala għandna nilbsu l-​kurazza? Bħalma l-​kurazza kienet tipproteġi qalb suldat, il-​kurazza tas-​sewwa tipproteġi lilna biex b’hekk l-​affarijiet ħżiena taʼ din id-​dinja ma jaffettwawx it-​tip taʼ persuna li nkunu. (Prov. 4:23) Ġeħova jistenna li aħna nħobbuh u naqduh b’qalbna kollha. (Mt. 22:36, 37) Allura, Satana qiegħed jipprova jwaqqafna milli naqdu lil Ġeħova b’qalbna kollha billi jġegħelna nħobbu l-​affarijiet li hemm fid-​dinja tiegħu u li Ġeħova jobgħod. (Ġak. 4:4; 1 Ġw. 2:15, 16) U jekk din it-​tattika ma taħdimx, hu jagħmlilna pressjoni biex nagħmlu xi ħaġa li tweġġaʼ lil Ġeħova.

Il-​Kurazza: Il-​livelli ġusti taʼ Ġeħova

7. Kif nilbsu l-​kurazza tas-​sewwa?

7 Aħna nilbsu l-​kurazza tas-​sewwa billi nobdu l-​livelli taʼ Ġeħova dwar x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin u ngħixu ħajjitna fi qbil mal-​livelli tiegħu. (Salm 97:10) Xi wħud iħossu li l-​livelli taʼ Ġeħova huma ebsin. Imma jekk ma nibqgħux napplikaw il-​prinċipji tal-​Bibbja fil-​ħajja tagħna, inkunu qisna suldat li neħħa l-​kurazza f’nofs gwerra għax iħossha tqila. Kemm tkun xi ħaġa bla sens! Imma jekk inħobbu lil Ġeħova, il-​kmandamenti tiegħu li jistgħu jsalvawlna ħajjitna mhux se nħossuhom tqal.—1 Ġw. 5:3.

8. Xi jfisser li jkollna saqajna armati?

8 Pawlu jħeġġiġna wkoll biex ikollna saqajna armati. Dan ifisser li għandna nkunu dejjem lesti biex inxandru l-​aħbar tajba tas-​Saltna. Meta nitkellmu m’oħrajn dwar dak li tgħid il-​Bibbja, il-​fidi tagħna se tissaħħaħ. Kemm hu inkuraġġanti meta naraw kif in-​nies taʼ Ġeħova jieħdu kull opportunità biex jippritkaw l-​aħbar tajba. Pereżempju jippritkaw fuq il-​post tax-​xogħol u l-​iskola, minn dar għal dar u f’territorju taʼ negozju, meta jmorru jixtru, meta jiltaqgħu maʼ tal-​familja li mhumiex Xhieda, jew maʼ nies oħra li jafu. Jekk inħallu l-​biżaʼ twaqqafna milli nippritkaw, inkunu qisna suldat li jneħħi s-​sandli tiegħu waqt il-​gwerra. B’hekk, se jkun faċli li jweġġaʼ saqajh u żgur li se jkun diffiċli għalih biex jipproteġi lilu nnifsu meta jiġi attakkat. Ukoll, hu mhux se jkun jistaʼ jobdi lill-​kmandant tiegħu.

Is-​Sandli: Inkunu lesti biex nippritkaw l-​aħbar tajba

9. Għala għandna nġorru t-​tarka l-​kbira tal-​fidi?

9 It-​tarka l-​kbira tal-​fidi tirrappreżenta l-​fidi li għandna f’Ġeħova. Aħna ċerti li hu se jwettaq il-​wegħdi kollha tiegħu. Din il-​fidi se tgħinna ‘nitfu l-​vleġeġ tan-​nar kollha tal-​Ħażin.’ Għala għandna bżonn inġorru din it-​tarka kbira? Għax din tipproteġina biex ma niġux imqarrqin bit-​tagħlim tal-​apostati u biex ma nħossuniex skuraġġiti meta n-​nies iwaqqgħuna għaċ-​ċajt minħabba dak li nemmnu. Mingħajr fidi mhux se jkollna s-​saħħa biex nibqgħu leali lejn Ġeħova meta niġu ttantati biex nagħmlu xi ħaġa ħażina. Imma kull meta nagħżlu li nagħmlu dak li jogħġob lil Ġeħova fl-​iskola jew fuq il-​post tax-​xogħol, il-​fidi tagħna tipproteġina. (1 Pt. 3:15) Kull meta ma naċċettawx xogħol b’paga ogħla għax ikun se jtellifna mill-​affarijiet spiritwali, il-​fidi tagħna tipproteġina. (Ebr. 13:5, 6) U kull meta naqdu lil Ġeħova minkejja l-​persekuzzjoni, il-​fidi tagħna tipproteġina.—1 Tess. 2:2.

It-​Tarka: Il-​fidi li għandna f’Ġeħova u fil-​wegħdi tiegħu

10. X’inhu l-​elmu tas-​salvazzjoni, u għala għandna nilbsuh?

10 L-​elmu tas-​salvazzjoni hu t-​tama li jagħtina Ġeħova. Din it-​tama hi li Ġeħova jippremja lil dawk kollha li jagħmlu r-​rieda tiegħu u li jekk aħna mmutu, hu se jirxoxtana. (1 Tess. 5:8; 1 Tim. 4:10; Titu 1:1, 2) Bħalma l-​elmu kien jipproteġi ras is-​suldat, it-​tama tas-​salvazzjoni tagħna tipproteġi l-​mod kif naħsbu. B’liema mod? Din it-​tama tgħinna nibqgħu ffokati fuq il-​wegħdi t’Alla u biex ma nħallux il-​problemi tagħna jiskuraġġuna. Kif nistgħu nilbsu l-​elmu? Billi nagħmlu ċert li aħna naraw l-​affarijiet kif iqishom Ġeħova. Pereżempju, it-​tama tagħna ma npoġġuhiex fl-​affarijiet materjali, imma f’Alla.—Salm 26:2; 104:34; 1 Tim. 6:17.

L-​Elmu: It-​tama li għandna għall-​ħajja taʼ dejjem

 

11. X’inhu s-​sejf tal-​ispirtu, u għala għandna bżonn nużawh?

11 Is-​sejf tal-​ispirtu hu l-​Kelma t’Alla, il-​Bibbja. Din għandha l-​qawwa li tikxef il-​gideb u teħles lin-​nies minn tagħlim falz u vizzji ħżiena. (2 Kor. 10:4, 5; 2 Tim. 3:16, 17; Ebr. 4:12) Aħna nitgħallmu kif nużaw il-​Kelma t’Alla sew permezz taʼ studju personali u t-​trejning li nirċievu mill-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova. (2 Tim. 2:15) Apparti l-​armatura spiritwali, Ġeħova tana xi ħaġa oħra biex jipproteġina. X’inhi?

Is-​Sejf: Il-​Kelma t’Alla, il-​Bibbja

M’AĦNIEX WAĦEDNA FIL-​ĠLIEDA

12. Ġeħova xi pprovdielna iktar, u għala?

12 Suldat tal-​esperjenza jaf li ma jistax imur għall-​gwerra waħdu, imma għandu bżonn l-​għajnuna taʼ suldati oħra. Bl-​istess mod, aħna ma nistgħux nirbħu lil Satana waħedna; għandna bżonn l-​għajnuna taʼ ħutna. Fil-​fatt biex jgħinna, Ġeħova jipprovdilna aħwa minn madwar id-​dinja kollha.—1 Pt. 2:17.

13. Skont Ebrej 10:24, 25, il-​laqgħat kif jgħinuna?

13 Il-​laqgħat huma mod wieħed kif nirċievu l-​għajnuna. (Aqra Ebrej 10:24, 25.) Kultant, ilkoll kemm aħna nistgħu nħossuna skuraġġiti. Meta jiġri dan, il-​laqgħat jistgħu jinkuraġġuna biex inkomplu naqdu lil Ġeħova. Kif? Bil-​kummenti mill-​qalb li jagħtu ħutna, bit-​taħditiet li jkollna, u bil-​konversazzjonijiet li jkollna qabel u wara l-​laqgħat. (1 Tess. 5:14) Apparti minn hekk, fil-​laqgħat, aħna jkollna l-​opportunità li ngħinu lil oħrajn, u dan jagħtina l-​ferħ. (Atti 20:35; Rum. 1:11, 12) Ukoll, il-​laqgħat jgħinuna b’modi oħra. Dawn jgħinuna nippritkaw u ngħallmu aħjar fil-​ministeru. Pereżempju, aħna nitgħallmu kif nużaw il-​Kaxxa tal-​Għodda tat-​Tagħlim b’mod effettiv. Għalhekk, ipprepara għal-​laqgħat sew. Waqt il-​laqgħat, oqgħod attent. Imbagħad applika dak li tgħallimt. Billi tagħmel dawn l-​affarijiet, int se ssir “suldat tajjeb taʼ Kristu Ġesù.”—2 Tim. 2:3.

14. X’għajnuna oħra għandna?

14 Aħna għandna wkoll l-​għajnuna taʼ ħafna miljuni taʼ anġli b’saħħithom. Aħseb xi rnexxielu jagħmel anġlu wieħed! (Is. 37:36) Aħseb u ara x’tistaʼ tagħmel armata kbira taʼ anġli! L-​ebda bniedem jew demonju ma jistaʼ jirbaħ lill-​armata b’saħħitha taʼ Ġeħova. Il-​qawwa taʼ Ġeħova hi bla limitu. Għalhekk, meta jkollna lilu magħna, aħna dejjem se nkunu iktar b’saħħitna mill-​għedewwa tagħna. (Mħ. 6:16) Aħna ċerti minn dan. Mela, jekk xi ħadd fuq ix-​xogħol, fl-​iskola, jew membru tal-​familja li mhux fil-​verità jagħmel xi ħaġa jew jgħid xi ħaġa li tiskuraġġik, tinsiex, inti m’intix waħdek. Ġeħova se jgħinek jekk tobdih.

ĠEĦOVA SE JKOMPLI JIPPROTEĠINA

15. Skont Isaija 54:15, 17, għaliex ħadd ma jistaʼ jwaqqaf lin-​nies t’Alla milli jippritkaw?

15 Id-​dinja taʼ Satana għandha ħafna raġunijiet għala tobgħodna. Pereżempju, aħna ma nindaħlux fil-​politika u ma niħdux sehem fil-​gwerer. Aħna nxandru isem Alla, nippritkaw li s-​Saltna tiegħu biss tistaʼ ġġib il-​paċi, u nżommu mal-​livelli ġusti tiegħu. Aħna nuru lin-​nies li l-​mexxej taʼ din id-​dinja huwa ħalliel u giddieb. (Ġw. 8:44) U ngħidu wkoll li d-​dinja taʼ Satana dalwaqt se tinqered. Minkejja li Satana hu rrabjat ħafna minħabba dan, mhux se jirnexxilu jwaqqafna. Minflok, aħna se nkomplu nfaħħru isem Ġeħova bl-​aħjar mod li nistgħu! Minkejja li Satana huwa b’saħħtu ħafna, hu ma rnexxilux iwaqqafna milli nwasslu l-​messaġġ tas-​Saltna lin-​nies tad-​dinja kollha. Dan huwa possibbli biss għax għandna l-​protezzjoni taʼ Ġeħova.—Aqra Isaija 54:15, 17.

16. Ġeħova kif se jsalva lill-​poplu tiegħu matul it-​tribulazzjoni l-​kbira?

16 X’se jiġri dalwaqt? Matul it-​tribulazzjoni l-​kbira, Ġeħova se jsalvana b’żewġ modi tal-​għaġeb. L-​ewwel, hu se jsalva lill-​qaddejja leali tiegħu meta se jġiegħel lis-​slaten tal-​art jeqirdu lill-​Babilonja l-​Kbira, li hi r-​reliġjonijiet foloz kollha. (Riv. 17:16-​18; 18:2, 4) Imbagħad, hu se jsalva lill-​poplu tiegħu meta jeqred il-​kumplament tad-​dinja taʼ Satana f’Armageddon.—Riv. 7:9, 10; 16:14, 16.

17. Kif se nibbenefikaw jekk nibqgħu qrib Ġeħova?

17 Meta nibqgħu qrib taʼ Ġeħova, Satana ma jistax jagħmlilna ħsara permanenti. Fil-​fatt, hu l-​wieħed li se jinqered għal dejjem. (Rum. 16:20) Għalhekk, ilbes l-​armatura kollha u tinżagħhiex! Tipprovax tiġġieled lil Satana u d-​dinja tiegħu waħdek. Għin lill-​aħwa u obdi d-​direzzjoni taʼ Ġeħova. Jekk tagħmel hekk, tistaʼ tkun ċert li Missierek tas-​sema kollu mħabba se jsaħħek u jipproteġik.—Is. 41:10.

GĦANJA 149 Għanja tar-​rebħa

^ par. 5 Il-​Bibbja twegħedna li Ġeħova jipproteġina minn affarijiet li jistgħu jagħmlu ħsara lill-​ħbiberija tagħna miegħu u minn affarijiet oħrajn li jistgħu jagħmlulna ħsara permanenti. F’dan l-​artiklu se nwieġbu l-​mistoqsijiet li ġejjin: Għala għandna bżonn il-​protezzjoni taʼ Ġeħova? Ġeħova kif jipproteġina? U xi rridu nagħmlu biex Ġeħova jgħinna?