Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-​ISTUDJU 9

Żgħażagħ Ġuvintur—Kif Tistgħu Tiksbu l-​Fiduċja t’Oħrajn?

Żgħażagħ Ġuvintur—Kif Tistgħu Tiksbu l-​Fiduċja t’Oħrajn?

“Int għandek truppi taʼ żgħażagħ bħall-​qtar tan-​nida.” —SALM 110:3.

GĦANJA 39 Nagħmlu isem tajjeb m’Alla

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1. Iż-​żgħażagħ ġuvintur x’jistgħu joffru?

ŻGĦAŻAGĦ ġuvintur intom għandkom ħafna x’toffru. Għandkom is-​saħħa u mimlijin enerġija. (Prov. 20:29) U tagħmlu ħafna biex tgħinu lill-​aħwa fil-​kongregazzjoni. Forsi tixtiequ tikkwalifikaw biex tkunu qaddejja ministerjali. Però, forsi taħseb li oħrajn jarawk żgħir u li m’intix lest li jkollok inkarigi importanti. Imma anke jekk għadek żgħir, hemm affarijiet li tistaʼ tagħmel issa biex l-​aħwa fil-​kongregazzjoni jibdew jafdawk u jirrispettawk.

2. X’se nikkunsidraw f’dan l-​artiklu?

2 F’dan l-​artiklu se niffokaw fuq il-​ħajja tas-​Sultan David. Se naraw ukoll xi ġrajjiet li seħħew fil-​ħajja tas-​Sultan Asa u s-​Sultan Ġeħosafat, li kienu slaten taʼ Ġuda. Se niddiskutu l-​problemi li ffaċċjaw dawn l-​irġiel, x’għamlu biex isolvuhom, u x’jistgħu jitgħallmu mill-​eżempju tagħhom iż-​żgħażagħ ġuvintur.

TGĦALLEM MIS-​SULTAN DAVID

3. X’inhu mod wieħed kif iż-​żgħażagħ jistgħu jgħinu lill-​aħwa kbar fl-​età fil-​kongregazzjoni?

3 Meta David kien żagħżugħ, kellu ħbiberija tajba maʼ Ġeħova. Ukoll, kien tgħallem jagħmel affarijiet li oħrajn apprezzaw. David ħadem iebes biex isir mużiċist tajjeb. U hu uża din l-​abbiltà biex jgħin lil Sawl, is-​sultan li Ġeħova kien għażel. (1 Sam. 16:16, 23) Żgħażagħ, għandkom abbiltajiet li bihom tistgħu tgħinu lil oħrajn fil-​kongregazzjoni? Dażgur li għandkom. Pereżempju, forsi nnotajtu li l-​aħwa kbar fl-​età japprezzaw ħafna meta intom tgħinuhom jitgħallmu kif jużaw it-​tablets u affarijiet elettroniċi oħra biex jagħmlu studju personali u għal-​laqgħat. Intom tistgħu tgħinuhom għax tafu kif tużaw dawn l-​affarijiet elettroniċi.

David kien taʼ min jafdah u kien jieħu ħsieb sew in-​nagħaġ taʼ missieru, tant li meta ors attakkahom hu pproteġiehom (Ara paragrafu 4)

4. Bħal David, iż-​żgħażagħ ġuvintur liema kwalitajiet għandhom jiżviluppaw? (Ara l-​istampa tal-​qoxra.)

4 Fil-​ħajja tiegħu David wera li kien taʼ min jafdah. Pereżempju, meta kien żagħżugħ hu ħadem iebes biex jieħu ħsieb in-​nagħaġ taʼ missieru. Dan kien xogħol perikoluż. Iktar tard David qal lil Sawl: “Il-​qaddej tiegħek kien qed jirgħa l-​merħla taʼ missieru, u darba ġie ljun, u darb’oħra ġie ors, u t-​tnejn li huma ħatfu nagħġa mill-​merħla. U jien mort għal warajh u drabtu u ħlistha minn ħalqu.” (1 Sam. 17:34, 35) David kien jaf li kellu jieħu ħsieb in-​nagħaġ u bil-​kuraġġ iġġieled biex jipproteġihom. Iż-​żgħażagħ ġuvintur jistgħu jimitaw lil David billi jieħdu bis-​serjetà x-​xogħol li jingħataw jagħmlu.

5. Skont Salm 25:14, x’inhi l-​iktar ħaġa importanti li ż-​żgħażagħ ġuvintur jistgħu jagħmlu?

5 Meta David kien żagħżugħ, hu żviluppa ħbiberija b’saħħitha maʼ Ġeħova. Din il-​ħbiberija kienet aktar importanti mill-​kuraġġ jew l-​abbiltà li kellu f’li jdoqq l-​arpa. Ġeħova ma kienx biss l-​Alla taʼ David imma kien ukoll il-​ħabib tal-​qalb tiegħu. (Aqra Salm 25:14.) Żgħażagħ ġuvintur, l-​iktar ħaġa importanti hi li ssaħħu l-​ħbiberija tagħkom maʼ Ġeħova. Din se tgħinkom biex ikollkom aktar responsabbiltajiet fil-​kongregazzjoni.

6. Xi nies x’kienu jaħsbu dwar David?

6 Problema li ffaċċja David kienet il-​ħarsa negattiva li oħrajn kellhom dwaru. Pereżempju, meta David offra biex jiġġieled lil Gulija, is-​Sultan Sawl ipprova jiskuraġġih billi qallu: “Int għadek daqsxejn taʼ tifel.” (1 Sam. 17:31-​33) Ftit qabel dan, ħu David akkużah li ma kienx responsabbli. (1 Sam. 17:26-​30) Minkejja dan, Ġeħova ma ħasibx li David kien għadu żgħir jew li ma kienx responsabbli. Ġeħova kien jafu sew lil David. U hu rnexxielu joqtol lil Gulija għax straħ fuq il-​Ħabib tiegħu, Ġeħova.—1 Sam. 17:45, 48-​51.

7. X’nistgħu nitgħallmu minn dak li ġara lil David?

7 X’nistgħu nitgħallmu minn dak li ġara lil David? Nitgħallmu li għandna nkunu paċenzjużi. Jaf jieħu ż-​żmien biex dawk li kienu jafuk minn meta kont żgħir jibdew jarawk bħala żagħżugħ responsabbli. Imma tistaʼ tkun ċert li Ġeħova ma jiffokax fuq id-​dehra tiegħek. Hu jafek sew u jaf x’int kapaċi tagħmel. (1 Sam. 16:7) Saħħaħ il-​ħbiberija tiegħek maʼ Ġeħova. David għamel dan billi osserva l-​ħolqien u b’hekk tgħallem ħafna dwar il-​Ħallieq. (Salm 8:3, 4; 139:14; Rum. 1:20) Xi ħaġa oħra li tistaʼ tagħmel hi li titlob lil Ġeħova biex jagħtik is-​saħħa li għandek bżonn. Pereżempju, hemm xi tfal l-​iskola li joqogħdu jwaqqgħuk għaċ-​ċajt għax int wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova? Jekk iva, itlob lil Ġeħova biex jgħinek tissaporti din il-​problema u applika l-​pariri li ssib fil-​Kelma tiegħu, fil-​pubblikazzjonijiet, u l-​vidjows li huma bbażati fuq il-​Bibbja. Kull darba li Ġeħova jgħinek issolvi problema, il-​fidi tiegħek li hu se jgħinek meta jkollok problema oħra se tissaħħaħ. Barra minn hekk, meta oħrajn jaraw li int qed tistrieħ fuq Ġeħova se jafdawk aktar.

Iż-​żgħażagħ ġuvintur b’umiltà jistgħu jgħinu lil oħrajn b’ħafna modi (Ara paragrafi 8-9)

8-9. (a) X’għen lil David ikun paċenzjuż sakemm sar sultan? (b) Jekk int żagħżugħ x’tistaʼ titgħallem mill-​eżempju taʼ David?

8 Aħseb dwar problema oħra li kellu jiffaċċja David. Wara li Ġeħova għażlu biex ikun sultan, David kellu jistenna għal ħafna snin qabel ma sar is-​sultan taʼ Ġuda. (1 Sam. 16:13; 2 Sam. 2:3, 4) Matul dak iż-​żmien, x’għen lil David biex jibqaʼ paċenzjuż? Minflok ma qataʼ qalbu, hu uża l-​ħin biex jagħmel dak li setaʼ. Pereżempju, meta kien qiegħed jaħrab minn Sawl fit-​territorju tal-​Filistin, David uża l-​ħin tiegħu biex jiġġieled kontra l-​għedewwa tal-​Iżraelin. B’hekk, hu pproteġa t-​territorju taʼ Ġuda.—1 Sam. 27:1-​12.

9 Jekk int żagħżugħ x’tistaʼ titgħallem mill-​eżempju taʼ David? Agħmel dak li tistaʼ biex tgħin lill-​aħwa. Aħseb dwar dak li ġara lil ħu jismu Ricardo. * Minn meta kien żgħir hu xtaq ikun pijunier regolari. Imma l-​anzjani qalulu li ma kienx lest. Minflok ma ħa għalih jew qataʼ qalbu, Ricardo qattaʼ aktar ħin fil-​ministeru. Hu qal: “Meta nħares lura, nirrealizza li kont għadni mhux ippreparat. Għamilt ċert li mmur inżur lil dawk kollha li wrew interess u li nipprepara għal kull żjara. Irnexxieli wkoll insib l-​ewwel studju tal-​Bibbja. Iktar ma bdejt nipprietka, iktar bdejt inħossni kunfidenti.” Ricardo issa huwa pijunier regolari effettiv u qed jaqdi bħala qaddej ministerjali.

10. Darba waħda, x’għamel David qabel ma ħa deċiżjoni importanti?

10 Aħseb dwar xi ħaġa oħra li ġrat lil David. Meta David kien qed jaħrab minn Sawl u kien qiegħed fit-​territorju tal-​Filistin, hu u l-​irġiel li kienu miegħu ħallew il-​familji tagħhom u marru għall-​battalja. Waqt li huma ma kinux qegħdin mal-​familji tagħhom, xi għedewwa marru u ħadu lill-​familji tagħhom bħala lsiera. Peress li David kien gwerrier tajjeb, kien faċli għalih biex jaħseb li setaʼ jsalvahom hu. Imma David talab lil Ġeħova biex jgħinu. Bl-​għajnuna tal-​qassis Abjatar, David staqsa lil Ġeħova: “Għandi niġri wara din il-​qatgħa ħallelin?” Ġeħova qal lil David biex imur u aċċertah li kien se jsalvahom. (1 Sam. 30:7-​10) X’tistaʼ titgħallem minn dan ir-​rakkont?

Iż-​żgħażagħ ġuvintur għandhom jistaqsu lill-​anzjani għall-​pariri (Ara paragrafu 11)

11. X’tistaʼ tagħmel qabel tieħu deċiżjoni?

11 Qabel tieħu deċiżjoni itlob parir mingħand oħrajn. Tkellem mal-​ġenituri tiegħek. Anke l-​anzjani tal-​kongregazzjoni jistgħu jagħtuk pariri tajbin. Ġeħova jafda lil dawn l-​irġiel u int tistaʼ tafdahom ukoll. Ġeħova jqishom bħala “għotjiet” għall-​kongregazzjoni. (Efes. 4:8) Inti tistaʼ tibbenefika jekk timita l-​fidi tagħhom u billi tismaʼ mill-​pariri tajbin li jagħtuk. Issa ejja naraw x’nistgħu nitgħallmu mis-​Sultan Asa.

TGĦALLEM MIS-​SULTAN ASA

12. Liema kwalitajiet kellu s-​Sultan Asa meta beda jmexxi?

12 Meta kien żagħżugħ, is-​Sultan Asa kien umli u kuraġġuż. Pereżempju, wara li missieru Abija miet, Asa sar sultan u beda jneħħi l-​idoli mill-​pajjiż. U hu anke “qal lil Ġuda biex ifittxu lil Ġeħova, l-​Alla taʼ missirijiethom, u biex jobdu l-​liġi u l-​kmandamenti.” (2 Kron. 14:1-​7) U meta Żeraħ l-​Etjopjan attakka lil Ġuda b’miljun suldat, Asa dar għall-​għajnuna taʼ Ġeħova. Hu qal: “O Ġeħova, biex tgħinna, għalik ma jimpurtax jekk ikunux ħafna jew bla qawwa. Għinna, O Ġeħova Alla tagħna, għax fuqek nistrieħu aħna.” Dan il-​kliem sabiħ jurina li Asa kellu fidi soda li Ġeħova setaʼ jeħles lilu u lill-​poplu tiegħu. Asa straħ fuq Missieru tas-​sema u “Ġeħova għeleb lill-​Etjopjani.”—2 Kron. 14:8-​12.

13. Xi ġralu Asa, u għala?

13 Bla dubju, li tiffaċċja armata taʼ miljun suldat kienet sfida diffiċli, imma minħabba li Asa straħ fuq Ġeħova hu għeleb din l-​armata. Imma b’dispjaċir, meta ffaċċja sfida oħra, ma straħx fuq Ġeħova. Meta kien mhedded mis-​Sultan Bagħsa taʼ Iżrael, Asa mar għall-​għajnuna għand is-​sultan tas-​Sirja. Din id-​deċiżjoni ġabet diżastru! Permezz tal-​profeta Ħanani, Ġeħova qal lil Asa: “Talli striħajt fuq is-​sultan tas-​Sirja u ma striħajtx fuq Ġeħova Alla tiegħek, il-​qawwa militari tas-​sultan tas-​Sirja ħarbitlek minn idejk.” Fil-​fatt, minn dakinhar Asa kellu jiffaċċja ħafna battalji. (2 Kron. 16:7, 9; 1 Slat. 15:32) Dan x’jgħallimna?

14. Kif tistaʼ tistrieħ fuq Ġeħova, u skont l-​1 Timotju 4:12, dan kif se jgħinek?

14 Ibqaʼ umli u dejjem strieħ fuq Ġeħova. Meta tgħammidt inti wrejt li għandek fidi kbira u tafda lil Ġeħova. U Ġeħova kien ferħan ħafna li int sirt parti mill-​familja tiegħu. Li għandek bżonn issa hu li tkompli tistrieħ fuqu. Forsi jkun faċli li tistrieħ fuq Ġeħova meta tiġi biex tieħu deċiżjoni importanti. Imma xi ngħidu meta tiġi biex tieħu deċiżjonijiet oħrajn? Huwa importanti li dejjem tistrieħ fuq Ġeħova meta tiġi biex tieħu kull deċiżjoni, anki meta tiġi biex tagħżel id-​divertiment, ix-​xogħol, u liema miri se tagħmel fil-​ħajja tiegħek! Tistrieħx fuq l-​opinjoni tiegħek. Minflok, sib prinċipji fil-​Bibbja li jistgħu jgħinuk fiċ-​ċirkostanzi tiegħek u aġixxi fi qbil magħhom. (Prov. 3:5, 6) Jekk tagħmel hekk se tferraħ lil Ġeħova u se tikseb ir-​rispett tal-​aħwa fil-​kongregazzjoni tiegħek.—Aqra l-​1 Timotju 4:12.

TGĦALLEM MIS-​SULTAN ĠEĦOSAFAT

15. Skont ir-​rakkont tat-​2 Kronaki 18:1-​3; 19:2, Ġeħosafat liema żbalji għamel?

15 Bla dubju, bħal kulħadd, inti imperfett u xi kultant se tiżbalja. Però, dan m’għandux iżommok lura milli tagħmel dak kollu li tistaʼ fix-​xogħol taʼ Ġeħova. Aħseb dwar l-​eżempju tas-​Sultan Ġeħosafat. Hu kellu ħafna kwalitajiet tajbin. Bħala żagħżugħ “lil Alla taʼ missieru fittex u skond il-​kmandamenti tiegħu mexa.” Barra minn hekk, hu bagħat prinċpijiet fil-​bliet taʼ Ġuda biex jgħallmu lin-​nies dwar Ġeħova. (2 Kron. 17:4, 7) Imma xi kultant Ġeħosafat ħa deċiżjonijiet ħżiena. Minħabba deċiżjoni ħażina li ħa, Ġeħova bagħat lil profeta biex jagħtih parir. (Aqra t-​2 Kronaki 18:1-​3; 19:2.) X’nitgħallmu minn dan ir-​rakkont?

Iż-​żgħażagħ ġuvintur li jaħdmu iebes u li huma taʼ min jafdahom se jiksbu reputazzjoni tajba (Ara paragrafu 16)

16. X’tistaʼ titgħallem mill-​esperjenza taʼ Rajeev?

16 Aċċetta u applika l-​pariri li jagħtuk. Forsi, bħal ħafna żgħażagħ ġuvintur huwa diffiċli għalik biex tagħmel is-​servizz taʼ Ġeħova l-​iktar ħaġa importanti fil-​ħajja tiegħek. Imma taqtax qalbek. Ara l-​esperjenza taʼ ħu jismu Rajeev. Hu jgħid: “Meta kont qed nikber lanqas kont naf xi rrid f’ħajti. Bħal żgħażagħ oħrajn kont iktar moħħni fl-​isports u li nieħu pjaċir milli fil-​laqgħat u l-​ministeru.” X’għen lil Rajeev? Anzjan b’qalb tajba tah parir. Rajeev jispjega: “Hu għenni biex naħseb dwar il-​prinċipju tal-​1 Timotju 4:8.” Rajeev ħaseb x’kien l-​iktar importanti f’ħajtu u b’umiltà applika l-​parir. Hu qal: “Iddeċidejt li npoġġi l-​miri spiritwali l-​ewwel fil-​ħajja tiegħi.” X’kien ir-​riżultat? Hu jkompli jgħid: “Ftit snin wara li rċivejt dak il-​parir, ikkwalifikajt biex naqdi bħala qaddej ministerjali.”

FERRĦU LIL MISSIERKOM TAS-​SEMA

17. L-​aħwa kbar fl-​età kif iħossuhom dwar iż-​żgħażagħ ġuvintur li jaqdu lil Ġeħova?

17 Aħwa kbar fl-​età japprezzaw ħafna liż-​żgħażagħ li jaqdu lil Ġeħova “spalla maʼ spalla” magħhom! (Sof. 3:9) Huma jħobbu l-​entużjażmu li turu meta tagħmlu x-​xogħol li tingħataw. Żgħażagħ, dawn l-​aħwa kbar fl-​età jammirawkom.—1 Ġw. 2:14.

18. Kif naraw fi Proverbji 27:11, Ġeħova kif iħossu dwar dawk iż-​żgħażagħ ġuvintur li jaqduh?

18 Żgħażagħ ġuvintur, tinsewx li Ġeħova jħobbkom u għandu fiduċja fikom. Hu bassar li fl-​aħħar jiem se jkun hemm armata taʼ żgħażagħ li minn jeddhom joffru biex jaqdu lilu. (Salm 110:1-​3) Hu jaf li inti tħobbu u li tixtieq tagħmel l-​almu tiegħek biex taqdih bl-​aħjar mod. Għalhekk kun paċenzjuż m’oħrajn, u anke miegħek innifsek. Meta tiżbalja, aċċetta l-​għajnuna u d-​dixxiplina li tirċievi u ifhem li din ġejja mingħand Ġeħova. (Ebr. 12:6) Aħdem iebes biex tagħmel sew l-​inkarigi li tirċievi. U l-​iktar ħaġa importanti hi, li f’dak kollu li tagħmel tferraħ qalb Missierek tas-​sema.—Aqra Proverbji 27:11.

GĦANJA 135 L-​appell mill-​qalb taʼ Ġeħova: “Ibni, kun għaref”

^ par. 5 Meta ħu żagħżugħ ikollu ħbiberija tajba maʼ Ġeħova, hu se jkun irid jagħmel iktar għalih. Biex żagħżugħ mgħammed jikkwalifika bħala qaddej ministerjali, hu għandu bżonn jikseb ir-​rispett taʼ dawk fil-​kongregazzjoni. Iż-​żgħażagħ ġuvintur x’jistgħu jagħmlu biex jiksbu r-​rispett t’oħrajn?

^ par. 9 Xi ismijiet ġew mibdulin.