ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 11
Il-Qari tal-Bibbja Kif Jgħinna Nissaportu l-Problemi?
“Alla li jipprovdi s-sabar.”—RUM. 15:5.
GĦANJA 94 Grati għall-Kelma t’Alla
ĦARSA BIL-QUDDIEM *
1. Liema problemi qegħdin jiffaċċjaw in-nies taʼ Ġeħova?
GĦADDEJ minn xi problema diffiċli? Forsi weġġgħek xi ħadd mill-aħwa fil-kongregazzjoni. (Ġak. 3:2) Jew forsi tax-xogħol jew dawk fl-iskola jwaqqgħuk għaċ-ċajt għax taqdi lil Ġeħova. (1 Pt. 4:3, 4) Jew membri tal-familja qed jipprovaw iwaqqfuk milli tattendi l-laqgħat jew milli tipprietka. (Mt. 10:35, 36) Kultant, dawn il-problemi jaf tant ikunu diffiċli li tibda taqtaʼ qalbek. Imma tistaʼ tkun ċert li huma x’inhuma l-problemi li qed tiffaċċja, Ġeħova se jagħtik l-għerf biex tieħu deċiżjonijiet tajbin u se jagħtik ukoll is-saħħa biex tkampa mal-problema.
2. Skont Rumani 15:4, li naqraw il-Bibbja kif jistaʼ jgħinna?
2 Fil-Bibbja, Ġeħova inkluda eżempji taʼ wħud imperfetti li rnexxielhom jissaportu l-problemi. Għala? Biex aħna nkunu nistgħu nitgħallmu minnhom. Hu għalhekk li Ġeħova uża lill-appostlu Pawlu biex jikteb il-kliem li nsibu f’Rumani 15:4. (Aqra.) Meta naqraw dawn ir-rakkonti jistgħu jinkuraġġuna u jagħtuna tama. Imma biex nibbenefikaw ma rridux biss naqraw il-Bibbja. Irridu nħallu l-Iskrittura tbiddel il-mod taʼ kif naħsbu u nħossuna. Pereżempju, x’nistgħu nagħmlu jekk għandna bżonn parir dwar il-problema li għandna? Nistgħu nagħmlu dawn l-erbaʼ passi: (1) Nitolbu, (2) Nimmaġinaw, (3) Nimmeditaw, u (4) Napplikaw. F’dan l-artiklu se niddiskutu kif nagħmlu dawn l-erbaʼ passi. * Imbagħad se nużaw dan il-metodu taʼ kif nistudjaw biex nitgħallmu mill-affarijiet li ġraw lis-Sultan David u lill-appostlu Pawlu.
3. Qabel tibda taqra l-Bibbja x’għandek tagħmel, u għala?
3 (1) Itlob. Qabel tibda taqra l-Bibbja, itlob lil Ġeħova biex jgħinek tifhem dak li tkun se taqra. Pereżempju, itlob lil Ġeħova biex jgħinek issib prinċipji li jistgħu jgħinuk tiddeċiedi x’għandek tagħmel.—Flp. 4:6, 7; Ġak. 1:5.
4. X’jistaʼ jgħinek biex tidħol fir-rakkont li qed taqra mill-Bibbja?
4 (2) Immaġina. Ġeħova tana l-abbiltà sabiħa li nistgħu nimmaġinaw l-affarijiet. Biex tidħol fir-rakkont, immaġina x’qed jiġri, u li inti dik il-persuna li qed taqra dwarha. Ipprova ara l-affarijiet li rat hi u pprova ħoss l-emozzjonijiet li ħasset.
5. X’jiġifieri li timmedita, u kif tistaʼ tagħmel dan?
5 (3) Immedita. Li timmedita jfisser li taħseb sew dwar dak li taqra u kif dan japplika għalik. Dan jgħinek iżżid maʼ dak li taf u b’hekk tifhem is-suġġett aħjar. Jekk taqra l-Bibbja u ma timmeditax tkun qisek qed tħares lejn jigsaw puzzle mingħajr ma tgħaqqadha. Imma meta timmedita tkun qisek qed tgħaqqad il-biċċiet biex tara l-istampa kollha. Xi mistoqsijiet li jistgħu jgħinuk timmedita huma: ‘Il-karattru fir-rakkont x’għamel biex isolvi l-problema tiegħu? Ġeħova kif għenu? Kif nistaʼ nuża dak li tgħallimt biex inkampa mal-problemi tiegħi?’
6. Għala għandna napplikaw dak li nitgħallmu?
6 (4) Applika. Ġesù qal li jekk ma napplikawx dak li nitgħallmu, inkunu bħal raġel li jibni daru fuq ir-ramel. Hu jaħdem iebes, imma l-isforzi tiegħu huma għalxejn. Għala? Għax jekk tagħmel maltempata, id-dar tiegħu se taqaʼ. (Mt. 7:24-27) Bl-istess mod, jekk aħna nitolbu, nimmaġinaw, u nimmeditaw, imma ma napplikawx dak li nitgħallmu, l-isforz li nkunu għamilna jkun għalxejn. U jekk niffaċċjaw il-provi jew il-persekuzzjoni, il-fidi tagħna mhux se tkun b’saħħitha. Imma meta nistudjaw u napplikaw dak li nitgħallmu, se nieħdu deċiżjonijiet aħjar, se jkollna iktar paċi, u se nsaħħu l-fidi tagħna. (Is. 48:17, 18) Billi nużaw dawn l-erbaʼ passi li semmejna, ejja naraw x’nistgħu nitgħallmu minn xi ħaġa li ġrat lis-Sultan David.
X’TISTAʼ TITGĦALLEM MIS-SULTAN DAVID?
7. Liema rakkont tal-Bibbja se nikkunsidraw?
7 Ġieli kien hemm xi ħadd mill-aħwa jew xi ħadd tal-familja li weġġgħek? Jekk iva, se jgħinek ħafna jekk tistudja r-rakkont taʼ David taʼ meta ibnu Absalom ittradieh u pprova jsir sultan minfloku.—2 Sam. 15:5-14, 31; 18:6-14.
8. X’tistaʼ tagħmel biex Ġeħova jgħinek?
8 (1) Itlob. Bir-rakkont f’moħħok, għid lil Ġeħova kif qed tħossok minħabba l-mod kif ġejt ittrattat. (Salm 6:6-9) Kun speċifiku. U mbagħad, itlob lil Ġeħova biex jgħinek issib prinċipji li jgħinuk tkampa mal-problema tiegħek.
9. Xi kwistjoni kien hemm bejn David u ibnu Absalom?
9 (2) Immaġina. Aħseb dak li ġara f’dan ir-rakkont u immaġina kif ħassu 2 Sam. 15:7) Meta Absalom ħaseb li kien il-waqt, hu bagħat spiji f’Iżrael kollu biex iħeġġu lin-nies jaċċettaw lilu bħala sultan. Hu kkonvinċa wkoll lil Aħitofel, ħabib kbir taʼ David u wieħed li kien itih il-pariri, biex ikun kompliċi miegħu. Absalom beda jgħid li sar sultan, u mbagħad ipprova jaqbad lil David biex joqtlu, li f’dak iż-żmien x’aktarx li kien ma jiflaħx serjament. (Salm 41:1-9) David sar jaf b’dak li kien qed jagħmel ibnu, u għalhekk ħarab minn Ġerusalemm. Eventwalment, l-armata taʼ Absalom iġġieldet kontra l-armata taʼ David. L-armata taʼ Absalom tilfet, u hu ġie maqtul.
s-Sultan David. Absalom, it-tifel taʼ David, għamel snin jipprova jinħabb man-nies. (10. Is-Sultan David x’setaʼ għamel?
10 Immaġina kif ħassu David minħabba dak kollu li kien għaddej minnu. Hu kien iħobbu lil Absalom u kien jafdah lil Aħitofel, imma t-tnejn li huma ttradewh. Huma kkaġunaw ħafna wġigħ lil David u anki pprovaw joqtluh. David setaʼ ħaseb li sħabu l-oħrajn ukoll kienu se jingħaqdu maʼ Absalom, u b’hekk setaʼ ma baqax jafdahom. U hu setaʼ ħaseb fih innifsu u jaħrab mill-pajjiż waħdu. Jew setaʼ ħassu skuraġġit ħafna. Imma David m’għamilx hekk. Minflok, hu għeleb din il-prova diffiċli. David kif irnexxielu?
11. David x’għamel meta ffaċċja sitwazzjoni diffiċli?
11 (3) Immedita. Liema prinċipji tistaʼ titgħallem minn dan ir-rakkont? Wieġeb il-mistoqsija, “X’għamel David biex solva l-problema tiegħu?” David ma ppanikjax u ma ħax deċiżjonijiet taʼ malajr. Ukoll, hu ma ħalliex il-biżaʼ twaqqfu milli jieħu deċiżjonijiet tajbin. Minflok, talab lil Ġeħova għall-għajnuna. Talab lill-ħbieb tiegħu biex jgħinuh u malajr aġixxa fuq dak li kien iddeċieda. Minkejja li kien imweġġaʼ, hu ma baqax irrabjat. Hu xorta baqaʼ jafda lill-oħrajn u jistrieħ fuq Ġeħova.
12. Ġeħova x’għamel biex jgħin lil David?
12 Ġeħova kif għen lil David? Jekk tagħmel riċerka se titgħallem li Ġeħova lil David tah is-saħħa li kellu bżonn biex ikampa maʼ din il-prova. (Salm 3:1-8; sopraskrizzjoni) Ġeħova bierek id-deċiżjonijiet li ħa David u għen lill-ħbieb leali tiegħu meta ġġieldu biex jipproteġuh.
13. Kif tistaʼ timita lil David meta xi ħadd iweġġgħek? (Mattew 18:15-17)
13 (4) Applika. Staqsi lilek innifsek, ‘Kif nistaʼ nimita lil David jekk xi ħadd iweġġagħni?’ Se jkollok bżonn taġixxi mill-ewwel biex issolvi l-problema. Jekk ikun il-waqt, tistaʼ tapplika l-parir li ta Ġesù f’Mattew kapitlu 18. (Aqra Mattew 18:15-17.) Imma qatt tieħu deċiżjoni meta tkun irrabjat. Għandek titlob lil Ġeħova biex jgħinek tibqaʼ kalm u tkun taf x’għandek tagħmel. Ibqaʼ afda lill-ħbieb tiegħek u kun lest li taċċetta l-għajnuna li jipprovdulek. (Prov. 17:17) U l-iktar ħaġa importanti hi li tapplika l-pariri li jagħtik Ġeħova fil-Kelma tiegħu.—Prov. 3:5, 6.
X’TISTAʼ TITGĦALLEM MINN PAWLU?
14. Meta jistaʼ jinkuraġġik il-kliem tat-2 Timotju 1:12-16; 4:6-11, 17-22?
14 Il-familja tiegħek hi kontrik għax taqdi lil Ġeħova? Jew tgħix f’xi pajjiż fejn ix-xogħol taʼ Ġeħova ma jistax isir jew hemm xi restrizzjonijiet? Jekk iva, se tħossok inkuraġġit jekk taqra t-2 Timotju 1:12-16 u 4:6-11, 17-22. * Pawlu kiteb dawn il-versi meta kien qiegħed fil-ħabs.
15. X’tistaʼ titolbu lil Ġeħova?
15 (1) Itlob. Qabel taqra dawn il-versi, għid lil Ġeħova bil-problema tiegħek u kif din qed taffettwalek ħajtek. Kun speċifiku. Imbagħad, itlob lil Ġeħova biex jgħinek issib prinċipji f’dawn ir-rakkonti dwar dak li ġara lil Pawlu, li jistgħu jgħinuk tkun taf x’għandek tagħmel.
16. Minn xiex għadda Pawlu?
16 (2) Immaġina. Immaġinak fis-sitwazzjoni taʼ Pawlu. Hu qiegħed fil-ħabs ġewwa Ruma. Din ma kinitx l-ewwel darba, imma issa jaf li se jiġi maqtul. Xi wħud li kienu miegħu abbandunawh, u hu għajjien mejjet.—2 Tim. 1:15.
17. Pawlu kif setaʼ rreaġixxa?
17 Pawlu setaʼ qagħad jiffoka fuq il-passat u jaħseb li kieku ma kienx Kristjan żeluż, l-affarijiet kienu jkunu differenti u x’aktarx li ma kienx ħa jkun fil-ħabs. Hu setaʼ ħadha kontra dawk l-aħwa li kienu miegħu fl-Asja u li mbagħad telquh. U setaʼ wkoll ma jibqax jafda lil aħwa oħrajn. Imma Pawlu m’għamilx hekk. Għala kien ċert li l-aħwa kienu se jibqgħu leali lejh, u li Ġeħova kien se jippremjah?
18. Pawlu x’għamel meta kien f’sitwazzjoni diffiċli?
18 (3) Immedita. Wieġeb il-mistoqsija, “Pawlu x’għamel biex isolvi l-problema tiegħu?” Għalkemm kien jaf li kien se jmut, l-iktar ħaġa importanti għalih kienet li jġib tifħir lil Ġeħova. U hu kompla jara kif jistaʼ jinkuraġġixxi lil oħrajn. Hu straħ fuq Ġeħova billi talab spiss. (2 Tim. 1:3) Pawlu ma baqax jaħseb fuq dawk li kienu abbandunawh. Minflok, hu qal li hu apprezza ħafna kif l-aħwa kienu għenuh u inkuraġġewh. Barra minn hekk, Pawlu kompla jistudja l-Kelma t’Alla. (2 Tim. 3:16, 17; 4:13) U l-iktar ħaġa importanti kienet li hu kien ċert li Ġeħova u Ġesù jħobbuh. Huma ma kinux abbandunawh, u kien jaf li kienu se jippremjawh għax-xogħol leali tiegħu.
19. Ġeħova kif għen lil Pawlu?
19 Ġeħova kien avża lil Pawlu li hu kien se jkun ippersegwitat minħabba li kien Kristjan. (Atti 21:11-13) Ġeħova kif għenu lil Pawlu? Hu semaʼ t-talb tiegħu u tah il-qawwa. (2 Tim. 4:17) Ġeħova assigura lil Pawlu li hu kien se jirċievi l-premju għax-xogħol iebes li kien għamel. Ukoll, hu uża lill-aħwa biex jgħinu lil Pawlu b’mod prattiku.
20. Bl-iskrittura taʼ Rumani 8:38, 39 f’moħħna, kif nistgħu nimitaw lil Pawlu?
20 (4) Applika. Staqsi lilek innifsek, ‘Kif nistaʼ nimita lil Pawlu?’ Bħal Pawlu, aħna nistennew li se nkunu ppersegwitati minħabba li naqdu lil Ġeħova. (Mk. 10:29, 30) Biex nibqgħu leali lejn Ġeħova meta jkollna l-problemi, għandna bżonn nibqgħu nitolbu u nistudjaw il-Bibbja b’mod regulari. U rridu dejjem niftakru li l-iktar ħaġa importanti hi li nġibu tifħir lil Ġeħova. Nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova qatt mhu se jabbandunana u li ħadd ma jistaʼ jwaqqfu milli jħobbna.—Aqra Rumani 8:38, 39; Ebr. 13:5, 6.
TGĦALLEM MINN IRĠIEL U NISA LEALI OĦRA FIL-BIBBJA
21. X’għen lil Aya u lil Hector biex jegħlbu l-isfidi li ffaċċjaw?
21 L-eżempji li nsibu fil-Bibbja jistgħu jgħinuna biex ikollna s-saħħa nissaportu
meta jkollna l-problemi. Pereżempju, Aya, pijuniera fil-Ġappun, tgħid li r-rakkont taʼ Ġona għenha biex tegħleb il-biżaʼ meta tkun qiegħda tipprietka f’postijiet pubbliċi. Hector, żagħżugħ fl-Indoneżja, li l-ġenituri tiegħu mhumiex fil-verità, jgħid li l-eżempju taʼ Rut jinkuraġġih biex jitgħallem iktar dwar Ġeħova u jaqdih.22. X’jistaʼ jgħinek tibbenefika iktar mid-drammi bbażati fuq il-Bibbja jew mis-serje “Imita l-fidi tagħhom”?
22 Fejn tistaʼ ssib iktar eżempji tal-Bibbja li jsaħħuk? Il-vidjows, id-drammi bl-awdjo, u anki s-serje “Imita l-fidi tagħhom” jgħinuk biex tidħol iktar fir-rakkonti tal-Bibbja. * Qabel tara, tismaʼ, jew taqra dawn ir-rakkonti li jidħlu f’ħafna dettalji, itlob lil Ġeħova biex jgħinek issib punti importanti li tistaʼ tapplika. Immaġina li qiegħed minflokhom. Immedita fuq dak li għamel il-qaddej leali taʼ Ġeħova u kif Ġeħova għenu jegħleb il-problemi tiegħu. Imbagħad applika l-lezzjoni għas-sitwazzjoni tiegħek. Irringrazzja lil Ġeħova għall-għajnuna li qed itik. U uri li tapprezza l-għajnuna billi tfittex opportunitajiet biex tinkuraġġixxi u tgħin lil oħrajn.
23. F’Isaija 41:10, 13, Ġeħova xi jwiegħed li se jagħmel għalina?
23 Il-ħajja f’din id-dinja kkontrollata minn Satana tistaʼ tkun diffiċli u xi kultant ma nkunux nafu x’se naqbdu nagħmlu. (2 Tim. 3:1) Imma m’għandniex għalfejn inkunu anzjużi jew nibżgħu. Ġeħova jaf minn xiex għaddejjin. Meta jkollna bżonn l-għajnuna, hu jwegħedna li se jżommna b’idu l-leminija. (Aqra Isaija 41:10, 13.) Aħna ċerti li Ġeħova se jgħinna, u li l-qari tal-Bibbja jagħtina s-saħħa biex inkampaw meta jkollna l-problemi.
GĦANJA 96 Il-ktieb t’Alla stess—Teżor
^ par. 5 Ħafna rakkonti fil-Bibbja juruna li Ġeħova jħobb lill-qaddejja tiegħu u li hu se jgħinhom jissaportu l-problemi. Dan l-artiklu se jiddiskuti mod wieħed kif tistaʼ tistudja l-Kelma t’Alla biex tkun tistaʼ titgħallem iktar minn dak li taqra.
^ par. 2 Dan il-metodu huwa mod wieħed kif tistaʼ tistudja l-Bibbja. Metodi oħra tistaʼ ssibhom fil-Gwida għall-Pubblikazzjonijiet tax-Xhieda taʼ Ġeħova billi tfittex taħt is-suġġett “Bibbja” u taħt is-sottitlu “Naqraw u Nifhmu l-Bibbja.”
^ par. 14 Taqrax dawn il-versi waqt l-Istudju taʼ It-Torri tal-Għassa tal-kongregazzjoni.
^ par. 22 Ara “Imita l-fidi tagħhom—Irġiel u nisa msemmijin fil-Bibbja” fuq jw.org. (Mur fuq TAGĦLIM TAL-BIBBJA > FIDI F’ALLA.)