Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-​ISTUDJU 12

L-​Imħabba Tgħinna Nissaportu l-​Mibegħda

L-​Imħabba Tgħinna Nissaportu l-​Mibegħda

“Dan nordnalkom, li tħobbu lil xulxin. Jekk id-​dinja tobgħodkom, tafu li lili bagħditni qabel ma bagħdet lilkom.”—ĠW. 15:17, 18.

GĦANJA 129 Aħna se nibqgħu nissaportu

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1. Skont Mattew 24:9, għala ma nissorprendux ruħna jekk in-​nies jobogħduna?

ĠEĦOVA ħalaqna b’mod li nkunu rridu nħobbu lill-​oħrajn u li huma jħobbu lilna. Għalhekk, meta xi ħadd jobgħodna, jiddispjaċina ħafna, u forsi anke nħossuna mbeżżgħin. Pereżempju, oħt jisimha Georgina, li tgħix fl-​Ewropa, tgħid: “Meta kelli 14-​il sena, bdejt naqdi lil Ġeħova u minħabba f’hekk ommi bdiet tobgħodni. Bdejt inħossni vera mdejqa u waħdi, u bdejt naħseb li ma kontx persuna tajba.” * Ħu jismu Danylo kiteb: “Meta s-​suldati sawtuni, għajruni, u heddewni għax kont wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova, ħassejtni umiljat u bdejt nibżaʼ ħafna.” Meta n-​nies jobogħduna jiddispjaċina ħafna, imma dan ma jissorprendiniex. Ġesù bassar li n-​nies kienu se jobogħduna.—Aqra Mattew 24:9.

2-3. Id-​dinja għala tobgħod lis-​segwaċi taʼ Ġesù?

2 Id-​dinja tobgħod lis-​segwaċi taʼ Ġesù. Għala? Għax bħalu, aħna m’aħniex “parti mid-​dinja.” (Ġw. 15:17-​19) Aħna ma niħdux sehem fil-​politika, ma nsellmu lil ebda bandiera, u ma nkantaw ebda innu nazzjonali. Però, xorta nirrispettaw lill-​gvernijiet. Aħna nagħtu qima lil Ġeħova biss u nappoġġjaw id-​dritt li għandu hu biex imexxi. Imma Satana u dawk li jappoġġjawh ma jaċċettawx li Alla għandu d-​dritt jagħmel dan. (Ġen. 3:1-​5, 15) Ukoll, nippritkaw li s-​Saltna t’Alla biss se ssolvi l-​problemi tal-​bnedmin u li din dalwaqt se teqred lil dawk kollha li jopponuha. (Dan. 2:44; Riv. 19:19-​21) Dan il-​messaġġ hu aħbar tajba għan-​nies sewwa imma aħbar ħażina għan-​nies ħżiena.—Salm 37:10, 11.

3 In-​nies jobogħduna wkoll minħabba li aħna nobdu l-​liġijiet t’Alla. Dak li Alla jgħid li hu tajjeb u ħażin hu differenti ħafna minn dak li jgħidu n-​nies tad-​dinja. Pereżempju, ħafna nies illum ma jaraw xejn ħażin li xi ħadd ikun omosesswali, imma Alla qered lil Sodoma u Gomorra għax in-​nies t’hemmhekk kienu qed jgħixu ħajja immorali. (Ġuda 7) Minħabba li nobdu l-​liġijiet tal-​Bibbja dwar il-​livelli morali, ħafna nies jgħajruna u jgħidu li ma naċċettawx lil kulħadd.—1 Pt. 4:3, 4.

4. Liema kwalitajiet se jgħinuna nissaportu l-​mibegħda?

4 X’jistaʼ jgħinna nissaportu meta n-​nies jobogħduna u jgħajruna? Irid ikollna l-​fidi soda li Ġeħova se jgħinna. Bħal tarka f’id suldat, il-​fidi tagħna tistaʼ “titfi l-​vleġeġ tan-​nar kollha tal-​ħażin.” (Efes. 6:16) Imma l-​fidi biss mhux biżżejjed. Għandna bżonn ukoll l-​imħabba. Għala? Għax l-​imħabba “ma tiġix provokata.” Hi tiflaħ u tissaporti l-​affarijiet kollha li jweġġgħu. (1 Kor. 13:4-​7, 13) Issa ejja naraw kif l-​imħabba għal Ġeħova, l-​imħabba għal ħutna, u anke l-​imħabba għall-​għedewwa tagħna tgħinna nissaportu l-​mibegħda.

L-​IMĦABBA GĦAL ĠEĦOVA TGĦINNA NISSAPORTU L-​MIBEGĦDA

5. Ġesù xi rnexxielu jagħmel għax kien iħobb lil Missieru?

5 Fil-​lejl qabel ġie maqtul mill-​għedewwa tiegħu, Ġesù qal lis-​segwaċi leali tiegħu: “Jien inħobb lill-​Missier, [u] bħalma ordnali l-​Missier, hekk qed nagħmel.” (Ġw. 14:31) Minħabba li Ġesù kien iħobb lil Ġeħova, hu setaʼ jissaporti provi diffiċli. L-​imħabba tagħna għal Ġeħova tistaʼ tagħmel l-​istess għalina.

6. Skont Rumani 5:3-​5, il-​qaddejja taʼ Ġeħova kif iħossuhom meta jissaportu l-​persekuzzjoni?

6 L-​imħabba għal Ġeħova dejjem għenet lill-​qaddejja tiegħu jissaportu l-​persekuzzjoni. Pereżempju, meta l-​appostli ġew ikkmandati mill-​qorti suprema Lhudija biex jieqfu jippritkaw, l-​imħabba għal Ġeħova ġegħlithom “jobdu lil Alla bħala ħakkiem u mhux lill-​bnedmin.” (Atti 5:29; 1 Ġw. 5:3) Din l-​imħabba kbira għal Alla tgħin ukoll lil ħutna biex jibqgħu leali minkejja li qed jiġu ppersegwitati minn gvernijiet ħorox u b’saħħithom. Meta n-​nies jobogħduna aħna nħossuna ferħanin u mhux skuraġġiti.—Atti 5:41; aqra Rumani 5:3-​5.

7. Kif għandna nirreaġixxu meta tal-​familja jiħduha kontrina?

7 Meta tal-​familja jiħduha kontrina tistaʼ tkun l-​iktar ħaġa diffiċli li jkollna nissaportu. Meta jindunaw li aħna rridu nitgħallmu dwar Ġeħova, jistgħu jaħsbu li ġejna mqarrqin. Oħrajn forsi jaħsbu li tlifna moħħna. (Qabbel Marku 3:21.) U dawn jistgħu jweġġgħuna b’dak li jgħidulna jew jagħmlulna. Aħna ma niħduhiex bi kbira li jaħsbu hekk. Ġesù qal: “Bniedem ikollu n-​nies taʼ daru stess għedewwa tiegħu.” (Mt. 10:36) Imma minkejja dak li jaħsbu dwarna tal-​familja, aħna ma nobogħduhomx. Minflok, hekk kif l-​imħabba tagħna għal Ġeħova tikber, l-​imħabba tagħna lejhom se tikber ukoll. (Mt. 22:37-​39) Imma aħna qatt mhu se nieqfu nobdu l-​liġijiet u l-​prinċipji tal-​Bibbja biex nogħġbu lil xi ħadd.

Kultant ngħaddu minn żmien diffiċli, imma Ġeħova dejjem se jinkuraġġina u jtina s-​saħħa (Ara paragrafi 8-10)

8-9. X’għen lil Georgina tibqaʼ soda minkejja oppożizzjoni ħarxa?

8 Georgina, li ssemmiet qabel, irnexxielha tibqaʼ soda minkejja l-​oppożizzjoni ħarxa li kellha minn ommha. Hi tgħid: “Jien u ommi bdejna nistudjaw il-​Bibbja max-​Xhieda taʼ Ġeħova. Imma sitt xhur wara, meta ridt nattendi l-​laqgħat, l-​attitudni t’ommi nbidlet. Sirt naf li kienet qed titkellem mal-​apostati u bdiet tgħidli dak li kienet qed tismaʼ mingħandhom. Hi kienet tgħajjarni, tiġbidni minn xagħri, taqbadni minn għonqi, u tarmili l-​letteratura. Imbagħad meta għalaqt 15-​il sena, tgħammidt. Ommi pruvat twaqqafni milli naqdi lil Ġeħova billi tefgħatni ġo istitut maʼ tfajliet oħra li wħud minnhom kienu jieħdu d-​droga u kellhom kondotta ħażina. Meta l-​oppożizzjoni tiġi minn xi ħadd li suppost iħobbok u jieħu ħsiebek hija diffiċli ħafna.”

9 X’għen lil Georgina tibqaʼ tissaporti? Hi tgħid: “Il-​ġurnata li ommi ħaditha kontrija kienet l-​istess ġurnata li lestejt il-​Bibbja kollha. Issa kont konvinta li sibt il-​verità u ħassejtni qrib ħafna taʼ Ġeħova. Kont nitolbu ħafna lil Ġeħova u hu dejjem semagħni. Meta kont l-​istitut oħt stidnitni d-​dar tagħha u studjajna l-​Bibbja flimkien. Matul dak iż-​żmien, meta kont immur għal-​laqgħat kont inħossni inkuraġġita ħafna mill-​aħwa. Huma ġegħluni nħossni parti mill-​familja tagħhom. Issa kont konvinta li Ġeħova hu aktar b’saħħtu minn dawk li jopponuna.”

10. X’fiduċja jistaʼ jkollna f’Ġeħova?

10 L-​appostlu Pawlu kiteb li xejn ma jistaʼ “jifridna mill-​imħabba t’Alla li hi fi Kristu Ġesù, il-​Mulej tagħna.” (Rum. 8:38, 39) Minkejja li nistgħu ngħaddu minn żmien diffiċli, Ġeħova dejjem se jinkuraġġina u jagħtina s-​saħħa. U kif turi l-​esperjenza taʼ Georgina, Ġeħova jgħinna wkoll permezz tal-​aħwa fil-​kongregazzjoni.

L-​IMĦABBA GĦAL ĦUTNA TGĦINNA NISSAPORTU L-​MIBEGĦDA

11. L-​imħabba li semma Ġesù fi Ġwanni 15:12, 13, kif kienet se tgħin lid-​dixxipli? Agħti eżempju.

11 Fil-​lejl taʼ qabel ma miet, Ġesù qal lid-​dixxipli tiegħu biex iħobbu lil xulxin. (Aqra Ġwanni 15:12, 13.) Hu kien jaf li mħabba mingħajr egoiżmu kienet se tgħinhom jibqgħu magħqudin u jissaportu l-​mibegħda tan-​nies. Ħu l-​eżempju tal-​aħwa fil-​kongregazzjoni taʼ Tessalonika. Minn meta ġiet ifformata, l-​aħwa kienu qed jiġu ppersegwitati. Minkejja dan, l-​aħwa xorta kienu t’eżempju fejn tidħol il-​lealtà u l-​imħabba. (1 Tess. 1:3, 6, 7) Pawlu inkuraġġiehom jibqgħu juru l-​imħabba saħansitra “iktar bis-​sħiħ.” (1 Tess. 4:9, 10) L-​imħabba kienet se ġġegħelhom jieħdu ħsieb lid-​dipressi u wħud dgħajfin. (1 Tess. 5:14) U huma hekk għamlu għax sena wara, fit-​tieni ittra tiegħu, Pawlu qal dwarhom: “L-​imħabba taʼ kull wieħed minnkom qed tiżdied lejn l-​ieħor.” (2 Tess. 1:3-​5) L-​imħabba għenithom jissaportu l-​provi u l-​persekuzzjoni.

L-​imħabba taʼ bejnietna tistaʼ tgħinna nissaportu l-​mibegħda (Ara paragrafu 12) *

12. Matul il-​gwerra l-​aħwa kif urew l-​imħabba bejniethom?

12 Ikkunsidra l-​esperjenza taʼ Danylo, li ssemma qabel, u l-​mara tiegħu. Meta r-​raħal tagħhom ġie milqut mill-​gwerra li kien hemm fil-​pajjiż, huma baqgħu jattendu l-​laqgħat, jippritkaw bl-​aħjar mod li setgħu, u jaqsmu l-​ikel li kellhom mal-​aħwa. Imbagħad darba waħda, suldati armati marru d-​dar taʼ Danylo. “Huma qaluli biex ma nibqax Xhud taʼ Ġeħova. Imma meta għedtilhom li mhux se nagħmel hekk, bdew isawtuni u biex ibeżżgħuni bdew jisparaw fl-​arja. U qabel telqu heddewni li se jerġgħu jiġu biex jistupraw lill-​mara tiegħi. Imma l-​aħwa mal-​ewwel qalulna li jkun aħjar li naqbdu l-​ferrovija u mmorru raħal ieħor. Qatt mhu se ninsa l-​imħabba li wrew magħna dawn l-​aħwa. U xħin wasalna hemmhekk, l-​aħwa tawna x’nieklu, għenuna nsibu post fejn ngħixu, u għenuni wkoll biex insib xogħol! Bis-​saħħa t’hekk aħna stajna nagħmlu l-​istess m’aħwa oħrajn minħabba li huma kellhom jaħarbu mir-​raħal tagħhom minħabba l-​gwerra.” Dawn l-​esperjenzi juruna li l-​imħabba taʼ bejnietna tistaʼ tgħinna nissaportu l-​mibegħda.

L-​IMĦABBA GĦALL-​GĦEDEWWA TAGĦNA TGĦINNA NISSAPORTU L-​MIBEGĦDA

13. L-​ispirtu qaddis kif jgħinna nkomplu naqdu lil Alla anke meta n-​nies jobogħduna?

13 Ġesù qal lis-​segwaċi tiegħu biex iħobbu lill-​għedewwa tagħhom. (Mt. 5:44, 45) Huwa faċli dan? Lanqas xejn. Imma dan jistaʼ jkun possibbli permezz tal-​ispirtu qaddis t’Alla. Il-​frott tal-​ispirtu t’Alla jinkludi l-​imħabba, il-​paċenzja, il-​qalb tajba, il-​ħlewwa, u r-​rażan. (Gal. 5:22, 23) Dawn il-​kwalitajiet jgħinuna nissaportu l-​mibegħda. Ħafna ma baqgħux jopponuna minħabba li r-​raġel, il-​mara, it-​tfal jew il-​ġirien tagħhom bdew juru dawn il-​kwalitajiet sal-​punt li ħafna minnhom illum huma ħutna. Għalhekk, jekk qed issibha diffiċli biex tħobb lil dawk li jobogħduk għax taqdi lil Ġeħova, itlob għall-​ispirtu qaddis. (Lq. 11:13) U kun konvint li l-​aħjar ħaġa li tistaʼ tagħmel hi li dejjem tobdi lil Alla.—Prov. 3:5-​7.

14-15. Rumani 12:17-​21 kif għen lil Yasmeen tkompli turi mħabba lejn żewġha?

14 Ejja naraw l-​esperjenza taʼ oħt jisimha Yasmeen. Meta saret Xhud taʼ Ġeħova, ir-​raġel tagħha ħaseb li ġiet imqarrqa u pprova jwaqqafha. Hu kien jgħajjarha u qal lil tal-​familja, lill-​qassis, u lil saħħar biex jhedduha li se jagħmlulha xi ħaġa kerha u li hi kienet qed tkisser il-​familja. U darba waħda, ir-​raġel tagħha daħal fis-​Sala tas-​Saltna u beda jgħajjar lill-​aħwa! Yasmeen kienet tibki ħafna drabi minħabba li kienet tiġi ttrattatha b’dan il-​mod.

15 Fis-​Sala tas-​Saltna, il-​familja spiritwali taʼ Yasmeen kienet tinkuraġġiha u ssaħħaħha. L-​anzjani ħeġġewha biex tapplika l-​kliem li nsibu f’​Rumani 12:17-​21. (Aqra.) Yasmeen tgħid: “Ma kienx faċli. Imma tlabt lil Ġeħova biex jgħinni u għamilt l-​almu tiegħi biex napplika dak li tgħid il-​Bibbja. Għalhekk, meta żewġi kien iħammeġ il-​kċina għal tal-​apposta, jien kont innaddafha. Meta kien jgħajjat miegħi kont inwieġbu bil-​ħlewwa. U meta kien ma jiflaħx ħadt ħsiebu.”

Meta nuru l-​imħabba lejn dawk li jopponuna jaf ibiddlu l-​attitudni tagħhom (Ara paragrafi 16-17) *

16-17. X’titgħallem mill-​esperjenza taʼ Yasmeen?

16 Minħabba li Yasmeen uriet imħabba lejn żewġha, ġiet premjata. Hi tgħid: “Ir-​raġel beda jafdani iktar għax kien jaf li ma kontx se nigdeb. Meta nitkellmu dwar ir-​reliġjon m’għadux jirrabja. Issa jinkuraġġini biex immur il-​laqgħat. Ir-​relazzjoni taʼ bejnietna ssaħħet u issa qed ngħixu fil-​paċi. Ix-​xewqa tiegħi hi li jaċċetta l-​verità u naqdu lil Ġeħova flimkien.”

17 L-​esperjenza taʼ Yasmeen turi li l-​imħabba “kollox tiflaħ, . . . kollox tittama, kollox tissaporti.” (1 Kor. 13:4, 7) Il-​mibegħda tistaʼ tkun b’saħħitha u taʼ wġigħ, imma l-​imħabba dejjem tirbaħ. Jekk nuru mħabba lejn l-​oħrajn jaf ibiddlu l-​mod kif iħossuhom dwarna u dwar Ġeħova. U meta nkomplu nuru l-​imħabba se nferrħu qalb Ġeħova. Imma kif nistgħu nibqgħu ferħanin jekk in-​nies jibqgħu jobogħduna?

FERĦANIN MINKEJJA LI JOBOGĦDUNA

18. Għala nistgħu nkunu ferħanin meta n-​nies jobogħduna?

18 Ġesù qal: “Henjin intom kulmeta n-​nies jobogħdukom.” (Lq. 6:22) Mhijiex l-​għażla tagħna li n-​nies jobogħduna u aħna ma niħdux pjaċir li nkunu ppersegwitati minħabba l-​fidi tagħna. Allura, għala nistgħu nkunu ferħanin meta n-​nies jobogħduna? Ikkunsidra dawn it-​tliet raġunijiet. L-​ewwel, meta nibqgħu nissaportu Ġeħova se jkun kburi bina. (1 Pt. 4:13, 14) It-​tieni, meta l-​fidi tagħna tgħaddi minn provi, se ssir aktar b’saħħitha. (1 Pt. 1:7) U t-​tielet, se nirċievu l-​isbaħ rigal, ħajja taʼ dejjem.—Rum. 2:6, 7.

19. L-​appostli għala ħassewhom ferħanin wara li ġew imsawtin?

19 Ftit wara li Ġesù ġie rxoxtat, l-​appostli esperjenzaw ferħ li hu kien tkellem dwaru. Huma ħassewhom ferħanin wara li ġew imsawtin u ordnati biex ma jippritkawx. Għala? Għax kienu jqisuh taʼ unur li jiġu ppersegwitati minħabba isem Ġesù. (Atti 5:40-​42) L-​imħabba tagħhom għal Ġesù, il-​Mexxej tagħhom, kienet ħafna aktar b’saħħitha mill-​biżaʼ mill-​għedewwa tagħhom. U wrew din l-​imħabba billi baqgħu jippritkaw l-​aħbar tajba. Ħafna minn ħutna llum ukoll qed jibqgħu leali minkejja l-​provi li qed jiffaċċjaw. Huma jafu li Ġeħova mhux se jinsa x-​xogħol tagħhom u l-​imħabba li wrew għal ismu.—Ebr. 6:10.

20. X’se nikkunsidraw fl-​artiklu li jmiss?

20 Sa ma tispiċċa din is-​sistema, id-​dinja se tibqaʼ tobgħodna. (Ġw. 15:19) Imma m’għandniex għalfejn nibżgħu. Kif se naraw fl-​artiklu li jmiss, Ġeħova “jsaħħaħ . . . u jipproteġi” lil-​leali tiegħu. (2 Tess. 3:3) Għalhekk, ejja nibqgħu nħobbu lil Ġeħova, lil ħutna u lil dawk li jobogħduna. Jekk nagħmlu hekk, se nibqgħu magħqudin, il-​fidi tagħna se tissaħħaħ, se nġibu tifħir lil Ġeħova, u se nagħtu prova li l-​imħabba hi ħafna iktar b’saħħitha mill-​mibegħda.

GĦANJA 106 Nikkultivaw il-​kwalità tal-​imħabba

^ par. 5 F’dan l-​artiklu se naraw kif l-​imħabba tagħna għal Ġeħova, għal ħutna, u anke għall-​għedewwa tagħna se tgħinna biex nibqgħu naqdu lil Ġeħova minkejja li d-​dinja tobgħodna. Se naraw ukoll għala Ġesù qal li nistgħu nkunu ferħanin minkejja li n-​nies jobogħduna.

^ par. 1 L-​ismijiet ġew mibdulin.

^ par. 58 X’JGĦIDULNA L-​ISTAMPA: Wara li s-​suldati heddew lil Danylo, l-​aħwa għenu lilu u lill-​mara tiegħu biex imorru f’raħal ieħor u l-​aħwa t’hemmhekk laqgħuhom u għenuhom.

^ par. 60 X’JGĦIDULNA L-​ISTAMPI: Ir-​raġel taʼ Yasmeen kien jopponiha, imma l-​anzjani tawha parir tajjeb. Hi wriet li kienet mara tajba u ħadet ħsiebu meta kien marid.