Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Mistoqsijiet mill-​Qarrejja

Mistoqsijiet mill-​Qarrejja

Il-​Kristjani għaliex għandhom joqogħdu attenti meta jużaw apps biex jibagħtu u jirċievu l-​messaġġi?

Xi aħwa jużaw it-​teknoloġija biex iżommu kuntatt maʼ tal-​familja jew m’aħwa oħrajn. Imma Kristjan matur se jżomm dan il-​parir f’moħħu: “Min hu prudenti ra l-​gwaj u nħeba; dawk taʼ bla esperjenza baqgħu sejrin u ħallsu l-​piena.”—Prov. 27:12.

Aħna napprezzaw li Ġeħova jrid jipproteġina. Għalhekk, aħna ma nagħmluhiex maʼ dawk li jħobbu jaqilgħu l-​problemi, maʼ dawk li huma maqtugħin mis-​sħubija, jew maʼ dawk li jiddubitaw mit-​tagħlim tagħna. (Rum. 16:17; 1 Kor. 5:11; 2 Ġw. 10, 11) Però, meta niġu biex nagħżlu l-​ħbieb, għandna nżommu dan f’moħħna: Xi wħud li jassoċjaw mal-​aħwa jaf ma jkunux qegħdin jobdu l-​liġijiet tal-​Bibbja. (2 Tim. 2:20, 21) Imma jistaʼ jkun diffiċli biex nagħżlu ħbieb tajbin jekk qegħdin nitkellmu magħhom bl-​apps tal-​messaġġi.

Irridu noqogħdu attenti biex nagħżlu ħbieb tajbin speċjalment meta nkunu fi grupp kbir. Ħafna aħwa daħlu fi gruppi kbar u kellhom riżultati ħżiena. Kif tistaʼ toqgħod attent għal min hemm fil-​grupp jekk ikun hemm mijiet jew eluf? Huwa impossibbli li tkun taf sew lil kulħadd u tkun taf jekk humiex spiritwali. Salm 26:4 jgħid: “Jien ma poġġejtx maʼ nies li ma jgħidux il-​verità; u ma nimxix maʼ dawk li jaħbu x’inhuma.” Dan juri li jkun għaqli li nibagħtu messaġġi biss lil dawk li nafu.

Anki jekk il-​grupp ikun żgħir, Kristjan irid joqgħod attent kemm iqattaʼ ħin jibgħat il-​messaġġi u dwar xiex ikunu qegħdin jitkellmu fuq il-​grupp. Ma rridux naħsbu li għandna nwieġbu kull messaġġ, ikun xi jkun is-​suġġett. U rridu noqogħdu attenti kemm qegħdin inqattgħu ħin fuq l-​app. Pawlu wissa lil Timotju dwar uħud li “jseksku u jindaħlu fi ħwejjeġ ħaddieħor.” (1 Tim. 5:13) Illum, tistaʼ tindaħal fi ħwejjeġ ħaddieħor permezz tal-​messaġġi fuq l-​apps.

Kristjan matur mhux se joqgħod jismaʼ lil min jikkritika jew jagħmel dan hu. U mhux se jgħid jew jismaʼ affarijiet kunfidenzjali dwar l-​aħwa. (Salm 15:3; Prov. 20:19) Ukoll, Kristjan mhux se jismaʼ jew ixerred stejjer li ma jkunux veri. (Efes. 4:25) Aħna għandna ħafna informazzjoni u rapporti li nistgħu nafdaw fuq il-​website jw.org u l-​programmi taʼ kull xahar fuq JW Broadcasting®.

Xi aħwa jużaw dawn l-​apps tal-​messaġġi biex ibigħu, jixtru, jirreklamaw, jew joffru xogħol lin-​nies. Dawn huma affarijiet li għandhom x’jaqsmu man-​negozju, u m’għandhomx x’jaqsmu mal-​qima tagħna lil Ġeħova. Kristjan li jrid ikun ‘ħieles mill-​imħabba għall-​flus’ qatt mhu se juża lill-​aħwa biex jipprova jagħmel il-​flus minn fuqhom.

Għandna nużaw dawn l-​apps tal-​messaġġi biex niġbru flus għall-​aħwa li huma fil-​bżonn jew għal dawk li jesperjenzaw xi diżastru naturali? Bla dubju, lil dawn l-​aħwa li għandhom bżonn l-​għajnuna nħobbuhom u spiss ngħinuhom. (Ġak. 2:15, 16) Imma jekk tipprova tagħmel dan permezz taʼ grupp kbir, tistaʼ tagħmilha diffiċli iktar biex l-​uffiċċju tal-​fergħa jew il-​kongregazzjoni tgħinhom. (1 Tim. 5:3, 4, 9, 10, 16) U żgur li ħadd minna ma jrid jagħti l-​impressjoni li ġie magħżul b’mod speċjali biex jgħin lil dawn l-​aħwa.

Aħna nixtiequ nagħmlu kollox għall-​glorja t’Alla. (1 Kor. 10:31) Għalhekk, meta tkun se tuża xi app tal-​messaġġi jew apps oħrajn, oqgħod attent mill-​perikli.