Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Asa, Ġeħosafat, Ħeżekija, Ġosija

Aqdi lil Ġeħova b’qalb sħiħa!

Aqdi lil Ġeħova b’qalb sħiħa!

“O Ġeħova, ftakar, jekk jogħġbok, kif jien imxejt quddiemek bil-​verità u b’qalb sħiħa.”—2 SLATEN 20:3.

GĦANJIET: 52, 65

1-3. Xi jfisser li taqdi lil Ġeħova “b’qalb sħiħa”? Agħti eżempju.

ILKOLL kemm aħna imperfetti u niżbaljaw. B’ferħ, Ġeħova pprovda l-​fidwa u lest li jaħfrilna. Allura jekk aħna umli u nedmin, nistgħu nitolbuh jaħfrilna. Nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova mhux se jittratta magħna “skond dnubietna.” (Salm 103:10) Xorta waħda, għandna ‘naqduh b’qalb sħiħa.’ (1 Kronaki 28:9) Kif nistgħu nagħmlu dan avolja aħna imperfetti?

2 Bħala għajnuna, nistgħu nqabblu l-​ħajja tas-​Sultan Asa maʼ dik tas-​Sultan Amażija. It-​tnejn li huma għamlu affarijiet tajbin, imma għamlu żbalji wkoll għax kienu imperfetti. Madankollu l-​Bibbja tgħid li “qalb Asa baqgħet sħiħa tul jiemu kollha.” (2 Kronaki 15:16, 17; 25:1, 2; Proverbji 17:3) Hu dejjem ipprova jogħġob lil Ġeħova “b’qalb sħiħa,” jiġifieri kien kompletament devot lejh. (1 Kronaki 28:9) Iżda, Amażija ma qediex lil Ġeħova “b’qalb sħiħa.” Wara li rebaħ lill-​għedewwa t’Alla, hu ħa miegħu l-​idoli tagħhom u beda jqimhom.—2 Kronaki 25:11-​16.

3 Persuna li taqdi lil Alla “b’qalb sħiħa” tħobb lil Ġeħova profondament u tkun trid tqimu għal dejjem. Fil-​Bibbja, il-​kelma “qalb” ġeneralment tirreferi għal min aħna minn ġewwa. Tinkludi l-​mod kif naħsbu, xi nħobbu, xi rridu nagħmlu fil-​ħajja tagħna, u għala nagħmlu l-​affarijiet li nagħmlu. Għalkemm imperfetti, aħna nistgħu nqimu lil Ġeħova b’qalb sħiħa. Aħna naqduh għax verament irridu, mhux taʼ bilfors jew għax hija sempliċement drawwa.—2 Kronaki 19:9.

4. X’se nikkunsidraw issa?

4 Aħna nistgħu nifhmu iktar ċar xi jfisser li naqdu lil Alla b’qalb sħiħa billi nikkunsidraw il-​ħajja t’Asa kif ukoll dik tat-​tliet slaten leali oħra taʼ Ġuda. Dawn kienu Ġeħosafat, Ħeżekija, u Ġosija. Għalkemm dawn l-​erbaʼ slaten żbaljaw, huma xorta għoġbu lil Ġeħova. Hu ra li qdewh b’qalb sħiħa. Alla għala qieshom b’dan il-​mod, u kif nistgħu nimitawhom?

QALB ASA “BAQGĦET SĦIĦA MAʼ ĠEĦOVA”

5. X’għamel Asa meta sar sultan?

5 Asa kien it-​tielet sultan taʼ Ġuda wara li l-​ġens tal-​Iżrael inqasam fis-​saltna tal-​Iżrael u s-​saltna taʼ Ġuda. Meta Asa sar sultan taʼ Ġuda, hu kien determinat li jneħħi l-​qima falza u l-​immoralità sesswali moqżieża mis-​saltna tiegħu. Hu qered l-​idoli li n-​nies kienu qed iqimu u keċċa l-​prostituti tat-​tempju. Asa saħansitra neħħa lil nanntu mill-​pożizzjoni taʼ “sultana omm, għax kienet għamlet idolu moqżież.” (1 Slaten 15:11-​13) Ukoll, Asa inkuraġġixxa lin-​nies “biex ifittxu lil Ġeħova” u biex jobdu “l-​liġi u l-​kmandamenti.” Hu għamel kulma setaʼ biex jgħin lil oħrajn iqimu lil Ġeħova.—2 Kronaki 14:4.

Asa kien determinat li jneħħi l-​qima falza mis-​saltna tiegħu

6. Asa kif irreaġixxa meta l-​Etjopjani invadew lil Ġuda?

6 Matul l-​ewwel għaxar snin tar-​renju t’Asa, is-​saltna taʼ Ġuda ma kellhiex gwerer. Imbagħad, l-​Etjopjani ġew biex jiġġieldu kontra Ġuda b’miljun suldat u tliet mitt karru. (2 Kronaki 14:1, 6, 9, 10) X’għamel Asa? Ma kellux dubju li Ġeħova setaʼ jgħin lin-​nies tiegħu. Allura talab lil Ġeħova jgħinhom jirbħu l-​battalja. (Aqra t-​2 Kronaki 14:11.) Xi drabi, Ġeħova għażel li jrebbaħ lill-​poplu tiegħu kontra l-​għedewwa tiegħu anke meta s-​slaten ma kinux leali lejh. Hu għamel dan sabiex juri li kien l-​Alla l-​veru. (1 Slaten 20:13, 26-​30) Iżda din id-​darba, Ġeħova għen lin-​nies tiegħu għaliex Asa fada fih. Ġeħova wieġeb it-​talba t’Asa, u l-​battalja ntrebħet. (2 Kronaki 14:12, 13) Iktar tard, Asa għamel żball serju meta talab l-​għajnuna tas-​sultan tas-​Sirja minflok dik taʼ Ġeħova. (1 Slaten 15:16-​22) Xorta waħda, Ġeħova setaʼ jara li Asa kien iħobbu. Qalbu “baqgħet sħiħa maʼ Ġeħova tul jiemu kollha.” Kif nistgħu nimitaw l-​eżempju tajjeb t’Asa?—1 Slaten 15:14.

7, 8. Kif tistaʼ timita lil Asa?

7 Kif nistgħu nkunu nafu jekk aħniex kompletament devoti lejn Ġeħova? Aħna nistgħu nistaqsu lilna nfusna: ‘Se nobdi lil Ġeħova anke meta jkun diffiċli? Ninsab determinat għalkollox li nżomm il-​kongregazzjoni tiegħu nadifa?’ Aħseb kemm kellu bżonn inkuraġġiment Asa biex ineħħi lil nanntu mill-​pożizzjoni rjali tagħha! Xi drabi, ikollok bżonn turi kuraġġ bħal Asa. Pereżempju, xi ngħidu jekk membru tal-​familja tiegħek jew ħabib tal-​qalb dineb, ma nidimx, u kellu jinqataʼ mis-​sħubija tal-​kongregazzjoni? Se tkun determinat li ma tassoċjax maʼ din il-​persuna? X’se timmotivak tagħmel qalbek?

8 Bħal Asa, kultant għandu mnejn inħossu li kulħadd hu kontrina. Forsi sħabek tal-​iskola jew l-​għalliema jwaqqgħuk għaċ-​ċajt għaliex int wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova. Jew forsi xi nies fuq ix-​xogħol jaħsbu li int iblah għax tieħu l-​leave biex tmur xi assemblea jew għax ma taħdimx overtime taʼ spiss. F’sitwazzjonijiet bħal dawn, strieħ fuq Alla, bħalma għamel Asa. Itlob lil Ġeħova, kun kuraġġuż, u ibqaʼ agħmel it-​tajjeb. Ftakar li Alla saħħaħ lil Asa, u se jsaħħaħ lilek ukoll.

9. Kif nistgħu nogħġbu lil Ġeħova meta nippritkaw?

9 Asa ma ħasibx dwaru nnifsu biss; hu inkuraġġixxa lil oħrajn “biex ifittxu lil Ġeħova.” Aħna wkoll ngħinu lin-​nies biex iqimu lil Ġeħova. Hu jinnota meta nkellmu lil oħrajn dwaru. Min jaf kemm ikun kuntent meta jara li qed nagħmlu dan għax inħobbuh u għax jimpurtana min-​nies u mill-​futur tagħhom!

ĠEĦOSAFAT FITTEX LIL ĠEĦOVA

10, 11. Kif nistgħu nimitaw lil Ġeħosafat?

10 Ġeħosafat, iben Asa, “baqaʼ miexi fit-​triq taʼ missieru Asa.” (2 Kronaki 20:31, 32) Kif? Bħal missieru, Ġeħosafat inkuraġġixxa lin-​nies biex jibqgħu jqimu lil Ġeħova. Hu bagħat irġiel fil-​bliet taʼ Ġuda biex jgħallmu lin-​nies mill-​“ktieb tal-​liġi taʼ Ġeħova.” (2 Kronaki 17:7-​10) Hu saħansitra mar fit-​territorju tas-​saltna tal-​Iżrael fit-​Tramuntana, għand in-​nies fil-​muntanji t’Efrajm, “sabiex ireġġagħhom lura lejn Ġeħova.” (2 Kronaki 19:4) Ġeħosafat kien sultan “li fittex lil Ġeħova b’qalbu kollha.”—2 Kronaki 22:9.

Ġeħosafat inkuraġġixxa lin-​nies biex jibqgħu jqimu lil Ġeħova

11 Illum, Ġeħova jrid li n-​nies madwar id-​dinja kollha jiġu mgħallmin dwaru, u lkoll kemm aħna nistgħu ngħinu f’dan ix-​xogħol. Hija l-​mira tiegħek li tieħu sehem fih kull xahar? Tixtieq tgħallem il-​Bibbja lil oħrajn sabiex huma wkoll ikunu jistgħu jibdew iqimu lil Ġeħova? Hija din xi ħaġa li titlob dwarha? Jekk tagħmel l-​isforz, Ġeħova jistaʼ jgħinek tibda studju tal-​Bibbja. Se tkun lest li tistudja maʼ xi ħadd għalkemm ikollok iċċedi ftit mill-​ħin liberu tiegħek? U l-​istess bħalma Ġeħosafat ipprova jgħin lil oħrajn biex jerġgħu jibdew jaqdu lil Ġeħova, aħna nistgħu nipprovaw ngħinu lil dawk li saru inattivi. Ukoll, l-​anzjani tal-​kongregazzjoni jirranġaw biex iżuru u joffru għajnuna lil uħud maqtugħin mis-​sħubija fit-​territorju tal-​kongregazzjoni li għandhom mnejn waqfu jipprattikaw xi dnub tal-​passat.

12, 13. (a) Meta Ġeħosafat ħassu beżgħan, x’għamel? (b) Għala għandna nsegwu l-​eżempju taʼ Ġeħosafat?

12 Bħal missieru Asa, Ġeħosafat fada f’Ġeħova meta armata kbira marret tiġġieled kontra Ġuda. (Aqra t-​2 Kronaki 20:2-​4.) Kien beżgħan u talab lil Ġeħova jgħinu. Fit-​talb tiegħu stqarr li ma setgħux jegħlbu lill-​għedewwa. Qal ukoll li hu u n-​nies tiegħu ma kinux jafu x’se jagħmlu. Ġeħosafat ma kellux dubju li Ġeħova kien se jgħinhom. Hu qal: “Għajnejna huma fuqek.”—2 Kronaki 20:12.

13 Bħal Ġeħosafat, kultant forsi ma nkunux nafu x’se naqbdu nagħmlu dwar problema, u saħansitra nistgħu nibżgħu. (2 Korintin 4:8, 9) Iżda ftakar x’għamel Ġeħosafat. Quddiem in-​nies kollha, talab lil Ġeħova u qallu kemm ħassewhom dgħajfin. (2 Kronaki 20:5) Il-​kapijiet tal-​familja jistgħu jimitaw l-​eżempju taʼ Ġeħosafat. Itlob lil Ġeħova jgħin lilek u l-​familja tiegħek biex tkampaw mal-​problema u biex tkunu tafu x’għandkom tagħmlu. Toqgħodx tiddejjaq tħalli l-​familja tiegħek jisimgħu dan it-​talb. Huma se jirrealizzaw kemm tafda f’Ġeħova. Hu għen lil Ġeħosafat, u se jgħin lilek ukoll.

ĦEŻEKIJA BAQAʼ JAGĦMEL DAK LI HU TAJJEB

14, 15. Ħeżekija kif straħ kompletament fuq Alla?

14 Ħeżekija kien sultan ieħor li “baqaʼ mqabbad maʼ Ġeħova.” Hu għamel dan minkejja li missieru tah eżempju ħażin u qiem lill-​idoli. Ħeżekija “neħħa l-​postijiet għall-​qima u kisser il-​pilastri sagri u qaċċat l-​arblu sagru u farrak is-​serp tar-​ram aħmar li kien għamel Mosè,” minħabba li l-​Iżraelin kienu qed iqimuh. Ħeżekija kien kompletament devot lejn Ġeħova. Hu “kompla jħares il-​kmandamenti li Ġeħova kien ikkmanda lil Mosè.”—2 Slaten 18:1-​6.

15 Meta Ħeżekija kien sultan, l-​armata setgħana Assirjana invadiet lil Ġuda u heddet li teqred lil Ġerusalemm. Is-​sultan tal-​Assirja, Sennakerib, waqqaʼ lil Ġeħova għaċ-​ċajt u pprova jġiegħel lil Ħeżekija jċedi. Matul dak iż-​żmien perikoluż, Ħeżekija straħ kompletament fuq Ġeħova u talab għall-​għajnuna tiegħu. Hu kien jaf li Alla kien bil-​wisq iżjed b’saħħtu mill-​Assirjani u li setaʼ jsalva lill-​poplu tiegħu. (Aqra Isaija 37:15-​20.) Alla wieġeb it-​talba tiegħu billi bagħat anġlu biex joqtol 185,000 suldat Assirjan.—Isaija 37:36, 37.

16, 17. Kif tistaʼ timita lil Ħeżekija?

16 Iktar tard, Ħeżekija marad u kien qed imut. Matul dak iż-​żmien diffiċli, hu talab bil-​ħerqa lil Ġeħova biex jiftakar fil-​lealtà tiegħu u biex jgħinu. (Aqra t-​2 Slaten 20:1-​3.) Ġeħova semaʼ t-​talba taʼ Ħeżekija u fejqu. Mill-​Bibbja nafu li llum ma nistgħux nistennew mirakli mingħand Alla biex ifejqilna l-​mard jew biex itawlilna ħajjitna. Imma bħal Ħeżekija, nistgħu nistrieħu fuq Ġeħova għall-​għajnuna. Nistgħu ngħidulu: “Nissupplikak, O Ġeħova, ftakar, jekk jogħġbok, kif jien imxejt quddiemek bil-​verità u b’qalb sħiħa.” Temmen int li Ġeħova dejjem se jieħu ħsiebek, anke meta timrad?—Salm 41:3.

17 Kif iktar nistgħu nimitaw lil Ħeżekija? Forsi hemm xi ħaġa li qed tfixkel ir-​relazzjoni tagħna maʼ Ġeħova jew tiħodilna l-​ħin milli naqduh. Pereżempju, ħafna llum jittrattaw lill-​bnedmin bħallikieku kienu idoli. Huma jammiraw lil ċelebritajiet u nies oħrajn li ma jafuhomx. Ħafna jqattgħu ħin bl-​addoċċ jaqraw dwar nies bħal dawn u jaraw ir-​ritratti tagħhom. Inkella, huma spiss jużaw il-​midja soċjali jew għodod oħra biex jikkomunikaw maʼ nies fuq l-​Internet. M’għandniex xi ngħidu, forsi nieħdu gost nikkomunikaw mal-​familja jew ħbieb tal-​qalb permezz tat-​teknoloġija. Iżda nistgħu naħlu ħafna ħin fuq il-​midja soċjali. Saħansitra għandu mnejn insiru kburin jekk ħafna nies jagħtuna x’nifhmu li jogħġbuhom ir-​ritratti jew il-​kummenti li nitfgħu fuq l-​Internet. Jew, jekk nindunaw li xi wħud ma baqgħux jarawhom, forsi nieħdu għalina. Nistgħu nitgħallmu mill-​eżempji tal-​appostlu Pawlu, Akwila, u Prixilla. Taħseb li huma kuljum qattgħu l-​ħin jiskopru kull ħaġa żgħira li għamlu n-​nies, speċjalment nies li ma kinux jaqdu lil Ġeħova? Il-​Bibbja tgħid li Pawlu kien “okkupat bis-​sħiħ bix-​xandir tal-​kelma.” U Prixilla u Akwila użaw ħinhom jippritkaw u jispjegaw “it-​triq t’Alla iktar eżatt” lil oħrajn. (Atti 18:4, 5, 26) Aħna nistgħu nistaqsu lilna nfusna: ‘Noqgħod attent biex ma nittrattax lill-​bnedmin bħala idoli? Nevita jien li nqattaʼ ħafna ħin nagħmel affarijiet li mhumiex veru importanti?’—Aqra Efesin 5:15, 16.

ĠOSIJA OBDA L-​KMANDAMENTI TAʼ ĠEĦOVA

18, 19. Kif nistgħu nkunu bħal Ġosija?

18 Is-​Sultan Ġosija wkoll obda l-​kmandamenti taʼ Ġeħova “b’qalbu kollha.” (2 Kronaki 34:31) Il-​bużnannu taʼ Ġosija kien Ħeżekija. Meta kien adoloxxent, Ġosija “beda jfittex lil Alla taʼ David.” U meta kellu 20 sena, beda jneħħi l-​idolatrija minn Ġuda. (Aqra t-​2 Kronaki 34:1-​3.) Ġosija stinka iktar minn ħafna slaten oħra taʼ Ġuda biex jogħġob lil Ġeħova. Imbagħad ġurnata minnhom, il-​qassis il-​kbir sab il-​ktieb tal-​Liġi t’Alla fit-​tempju. Probabbilment, dan kien il-​ktieb li Mosè stess kien kiteb! Meta s-​segretarju qrah lil Ġosija, dan irrealizza li kien hemm bżonn jaħdem iktar biex jaqdi lil Ġeħova kompletament. Ukoll, inkuraġġixxa lil oħrajn jagħmlu l-​istess. B’hekk, in-​nies “ma żvijawx milli jsegwu lil Ġeħova” waqt li Ġosija kien għadu ħaj.—2 Kronaki 34:27, 33.

Ġosija kien ħerqan li jogħġob lil Ġeħova u minnufih għamel bidliet

19 Jekk int żagħżugħ, int tistaʼ timita lil Ġosija u ssir taf lil Ġeħova aħjar. Ġosija għandu mnejn tgħallem li Ġeħova hu lest li jaħfer mingħand nannuh, li kien nidem, is-​Sultan Manasse. Int ukoll tistaʼ titgħallem minn uħud ikbar fil-​familja u l-​kongregazzjoni tiegħek. Huma jistgħu jgħidulek dwar il-​ħafna affarijiet tajbin li Ġeħova għamel għalihom. Ukoll, ftakar kif ħassu Ġosija wara li tgħallem x’kienet tgħid l-​Iskrittura. Kien ħerqan li jogħġob lil Ġeħova u minnufih għamel bidliet. Billi taqra l-​Iskrittura, int ukoll tistaʼ tkun iżjed determinat li tobdi lil Ġeħova. B’hekk, il-​ħbiberija tiegħek miegħu se tissaħħaħ u se tħossok iktar ferħan. Imbagħad se tkun trid titkellem dwar Ġeħova m’oħrajn. (Aqra t-​2 Kronaki 34:18, 19.) Meta tistudja l-​Bibbja, forsi wkoll tirrealizza li għandek fejn tagħmel titjib fis-​servizz tiegħek lil Alla. Jekk dan hu l-​każ, agħmel mill-​aħjar li tistaʼ biex tagħmel dawn il-​bidliet, l-​istess bħalma għamel Ġosija.

AQDI LIL ĠEĦOVA B’QALB SĦIĦA!

20, 21. (a) X’kellhom komuni bejniethom dawn l-​erbaʼ slaten li ddiskutejna? (b) X’se niddiskutu fl-​artiklu li jmiss?

20 X’nistgħu nitgħallmu minn dawn l-​erbaʼ slaten taʼ Ġuda li qdew lil Ġeħova b’qalb sħiħa? Dawn l-​irġiel kienu determinati li jogħġbu lil Ġeħova u jqimuh tul ħajjithom kollha. Huma straħu fuqu meta għedewwa b’saħħithom ġew kontrihom. L-​iktar importanti, huma qdew lil Ġeħova għaliex kienu jħobbuh.

21 Għalkemm dawn l-​erbaʼ slaten kienu imperfetti u għamlu żbalji, Ġeħova kien kuntent bihom. Hu ra x’kien hemm f’qalbhom u kien jaf li kienu verament iħobbuh. Aħna wkoll imperfetti u nagħmlu żbalji. Imma Ġeħova se jkun kuntent bina meta jara li qed naqduh b’qalb sħiħa. Fl-​artiklu li jmiss, se niddiskutu x’nistgħu nitgħallmu mill-​iżbalji taʼ dawn is-​slaten.