Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Se tħalli ’l qalbek taġixxi skont l-​affarijiet miktubin?

Se tħalli ’l qalbek taġixxi skont l-​affarijiet miktubin?

“Dan kollu . . . nkiteb bħala twissija għalina li fuqna wasal it-​tmiem tas-​sistemi.”—1 KORINTIN 10:11.

GĦANJIET: 11, 61

1, 2. Għala se nikkunsidraw l-​eżempji taʼ erbaʼ slaten taʼ Ġuda?

KIEKU tara lil xi ħadd għaddej f’mogħdija u jiżloq u jaqaʼ, x’aktarx li se toqgħod attent meta tgħaddi mill-​istess post. Bl-​istess mod, billi neżaminaw l-​iżbalji li oħrajn għamlu f’ħajjithom, aħna nistgħu nevitaw li nagħmlu żbalji simili. Pereżempju, nistgħu nitgħallmu mill-​iżbalji taʼ nies li jissemmew fil-​Bibbja.

2 L-​erbaʼ slaten taʼ Ġuda li qrajna dwarhom fl-​artiklu taʼ qabel dan qdew lil Ġeħova b’qalb sħiħa. Però, xorta żbaljaw bl-​ikrah. L-​esperjenzi tagħhom inkitbu fil-​Bibbja biex aħna nkunu nistgħu nimmeditaw fuqhom u nitgħallmu lezzjonijiet siewja. X’nistgħu nitgħallmu minn dak li ġralhom, u kif nistgħu nevitaw li nagħmlu l-​istess żbalji tagħhom?—Aqra Rumani 15:4.

FIDUĊJA FL-​GĦERF TAL-​BNIEDEM TWASSAL GĦAL DIŻASTRU

3-5. (a) Għalkemm qalb Asa kienet sħiħa maʼ Ġeħova, liema żball għamel? (b) Asa għala setaʼ straħ fuq il-​bnedmin meta ġġieled kontra Bagħsa?

3 L-​ewwel ejja nikkunsidraw lil Asa. Hu straħ fuq Ġeħova meta miljun Etjopjan attakkaw lil Ġuda. Madankollu, ma straħx fuq Ġeħova meta ġġieled kontra Bagħsa, is-​sultan tal-​Iżrael. Asa ried li jwaqqaf lil Bagħsa milli jsaħħaħ lil Rama, li kienet belt importanti fl-​Iżrael qrib il-​fruntiera tas-​saltna taʼ Ġuda. (2 Kronaki 16:1-​3) Asa ddeċieda li kien ikun tajjeb li jxaħħam lis-​sultan tas-​Sirja biex jgħinu. Meta s-​Sirjani attakkaw il-​bliet tal-​Iżrael, Bagħsa ‘minnufih waqaf jibni Rama u waqqaf ix-​xogħol tiegħu.’ (2 Kronaki 16:5) Għall-​ewwel, Asa setaʼ ħaseb li ħa d-​deċiżjoni t-​tajba.

4 Imma kif ħassu Ġeħova? Ġeħova ma ħax pjaċir li Asa ma straħx fuqu, u bagħat lill-​profeta Ħanani biex jikkoreġih. (Aqra t-​2 Kronaki 16:7-​9.) Ħanani qal lil Asa: “Minn issa ’l quddiem ikun hemm il-​gwerer kontrik.” Asa ħa l-​belt taʼ Rama f’idejh, imma għall-​bqija taʼ ħajtu, hu u n-​nies tiegħu kellhom jiġġieldu ħafna gwerer.

5 Fl-​artiklu taʼ qabel dan, tgħallimna li Ġeħova kien kuntent b’Asa. Għalkemm dan kien imperfett, Alla ra li qalb Asa kienet devota lejh. (1 Slaten 15:14) Xorta waħda, meta Asa ħa deċiżjoni ħażina, ma setax jevita l-​konsegwenzi. Għala straħ fuqu nnifsu u fuq bnedmin oħra u mhux fuq Ġeħova? Forsi Asa ħaseb li setaʼ juża strateġiji militari effettivi biex jirbaħ il-​gwerra. Jew setaʼ ħa parir ħażin mingħand oħrajn.

F’kull sitwazzjoni, għandna nistrieħu fuq Ġeħova, mhux fuq il-​fehma tagħna stess

6. X’nistgħu nitgħallmu mill-​iżball t’Asa? Agħti eżempju.

6 X’nistgħu nitgħallmu mill-​iżball t’Asa? F’kull sitwazzjoni, għandna nistrieħu fuq Ġeħova, mhux fuq il-​fehma tagħna stess. Jeħtieġ li nitolbuh jgħinna, kemm jekk il-​problemi tagħna jkunu kbar u kemm jekk żgħar. Ikun tajjeb li naħsbu dwar dan: Ġieli nistrieħu fuqna nfusna billi nipprovaw insolvu problema bil-​mod li naħsbu li hu l-​aħjar? Jew dejjem nikkunsidraw dak li tgħid il-​Bibbja l-​ewwel u mbagħad nipprovaw nużaw l-​informazzjoni biex insolvu l-​problemi tagħna? Pereżempju, ejja ngħidu li l-​familja tiegħek tagħmilhielek diffiċli biex tattendi laqgħa jew assemblea. Se titlob lil Ġeħova jgħinek tkun taf x’tagħmel f’din is-​sitwazzjoni? Jew forsi wara li tkun ilek bla impjieg għal żmien twil, fl-​aħħar issib lil xi ħadd li jkun irid jimpjegak. Se tgħidlu li għandek laqgħat li trid tattendi kull ġimgħa u tissogra li titlef l-​impjieg? Tkun xi tkun il-​problema, għandna niftakru fil-​parir tas-​salmista: “Erħi triqtek f’idejn Ġeħova, strieħ fuqu, u hu jaġixxi.”—Salm 37:5.

X’JISTAʼ JIĠRI JEKK NAGĦŻLU L-​ĦBIEB IL-​ĦŻIENA?

7, 8. Xi żbalji għamel Ġeħosafat, u b’liema riżultati? (Ara l-​ewwel stampa.)

7 Issa ejja nikkunsidraw l-​eżempju tat-​tifel t’Asa, Ġeħosafat. Hu kellu ħafna kwalitajiet tajbin li kienu jogħġbu lil Ġeħova. U meta straħ fuq Ġeħova, hu għamel ħafna affarijiet tajbin. Iżda ħa xi deċiżjonijiet ħżiena wkoll. Pereżempju, irranġa biex ibnu jiżżewweġ lil bint is-​sultan mill-​agħar, Aħab. Iktar tard, Ġeħosafat ingħaqad m’Aħab fil-​ġlied kontra s-​Sirjani, għalkemm il-​profeta Mikaja wissieh biex ma jagħmilx dan. Fil-​battalja, is-​Sirjani attakkaw lil Ġeħosafat u pprovaw joqtluh. (2 Kronaki 18:1-​32) Meta mar lura Ġerusalemm, il-​profeta Ġeħu staqsieh: “Għandha l-​għajnuna tingħata lil dawk mill-​agħar, u għandek int tħobb lil dawk li jobogħdu lil Ġeħova?”—Aqra t-​2 Kronaki 19:1-​3.

8 Tgħallem Ġeħosafat minn dak li ġralu u mit-​twissija tal-​profeta? B’dispjaċir, le. Għalkemm kien għadu jħobb lil Ġeħova u ried jogħġbu, Ġeħosafat reġaʼ sar ħabib maʼ raġel li ma riedx iqim lil Ġeħova. Dan ir-​raġel kien is-​Sultan Aħażija, iben Aħab. Ġeħosafat u Aħażija bnew bastimenti flimkien. Imma l-​bastimenti tfarrku qabel ma saħansitra setgħu jużawhom.—2 Kronaki 20:35-​37.

9. X’jistaʼ jiġri jekk nagħżlu l-​ħbieb il-​ħżiena?

9 X’nistgħu nitgħallmu minn dak li ġralu Ġeħosafat? Ġeħosafat għamel dak li hu tajjeb u “fittex lil Ġeħova b’qalbu kollha.” (2 Kronaki 22:9) Madankollu għażel li jqattaʼ l-​ħin maʼ nies li ma kinux iħobbu lil Ġeħova, u dan wassal għal problemi serji f’ħajtu. Fil-​fatt, kważi nqatel. Ftakar fil-​proverbju mill-​Bibbja: “Min qed jimxi maʼ l-​għorrief se jsir għaref, imma min qed jagħmilha maʼ l-​istupidi se jaħbatlu ħażin.” (Proverbji 13:20) Aħna rridu ngħidu lil oħrajn dwar Ġeħova. Xorta waħda, ikun perikoluż li ssir ħabib tal-​qalb maʼ nies li ma jaqduhx.

Temmen int li Alla se jieħu ħsieb il-​bżonn li għandek għall-​imħabba u l-​kumpanija?

10. (a) Jekk irridu niżżewġu, x’nistgħu nitgħallmu minn Ġeħosafat? (b) X’għandna niftakru?

10 Jekk pereżempju nixtiequ niżżewġu, x’nistgħu nitgħallmu minn Ġeħosafat? Forsi jibda jkollna sentimenti romantiċi għal xi ħadd li ma jħobbx lil Ġeħova. Forsi naħsbu li m’aħna se nsibu lil ħadd biex niżżewġu fost in-​nies t’Alla. Jew inkella wħud minn qrabatna forsi joqogħdu jgħidulna li hemm bżonn niżżewġu qabel ma jkun tard wisq. Huwa veru li Ġeħova ħalaqna bil-​bżonn li nħobbu u li nkunu maħbubin. Madankollu, jekk ma nistgħux insibu l-​persuna adattata għalina biex niżżewġu, x’għandna nagħmlu? Xi ħaġa li tistaʼ tgħinna hi li nimmeditaw fuq dak li ġara lil Ġeħosafat. Ġeneralment, hu kien jitlob lil Ġeħova għal gwida. (2 Kronaki 18:4-​6) Iżda meta sar ħabib m’Aħab, li ma kienx iħobb lil Ġeħova, Ġeħosafat injora t-​twissija taʼ Ġeħova. Ġeħosafat kien imissu ftakar li “għajnejn Ġeħova jiġru ’l hemm u ’l hawn maʼ l-​art kollha biex juri s-​saħħa tiegħu għan-​nom taʼ dawk li qalbhom hi sħiħa lejh.” (2 Kronaki 16:9) Aħna wkoll għandna niftakru li Ġeħova jrid jgħinna. Hu jifhem is-​sitwazzjoni tagħna u jħobbna. Temmen int li Alla se jieħu ħsieb il-​bżonn li għandek għall-​imħabba u l-​kumpanija? Kun ċert li xi darba hekk se jagħmel!

Tinvolvix ruħek maʼ xi ħadd li ma jaqdix lil Ġeħova (Ara paragrafu 10)

TĦALLIX LIL QALBEK TITKABBAR

11, 12. (a) X’għamel Ħeżekija li kixef x’kien hemm f’qalbu? (b) Ġeħova għala ħafer lil Ħeżekija?

11 X’lezzjoni nitgħallmu minn Ħeżekija? Ġeħova għenu jara x’kellu f’qalbu verament. (Aqra t-​2 Kronaki 32:31.) Meta Ħeżekija marad sew, Alla qallu li kien se jħossu aħjar u tah sinjal biex jaċċertah. Ġeħova ġiegħel id-​dell fit-​taraġ jimxi lura għaxar tarġiet. Iktar tard, jidher li l-​prinċpijiet taʼ Babilonja riedu jitkixxfu iżjed dwar dan is-​sinjal, u bagħtu xi rġiel għand Ħeżekija biex jistaqsu dwaru. (2 Slaten 20:8-​13; 2 Kronaki 32:24) Ġeħova ma qalx lil Ħeżekija kif jittratta magħhom. Il-​Bibbja tgħid li Ġeħova “telqu” waħdu biex jara x’kien se jagħmel. Ħeżekija wera lill-​irġiel minn Babilonja t-​teżori kollha li kellu. Dan kixef x’kien hemm f’qalb Ħeżekija. B’liema mod?

12 B’dispjaċir, Ħeżekija tkabbar. B’hekk, “ma raddx skond il-​ġid li sarlu.” Il-​Bibbja ma tgħidx għaliex inbidlet l-​attitudni tiegħu. Forsi kien minħabba r-​rebħa tiegħu fuq l-​Assirjani jew għax Ġeħova kien fejqu. Jew forsi għax kien sar sinjur u magħruf. Għalkemm Ħeżekija kien qeda lil Ġeħova b’qalb sħiħa, għal xi żmien sar kburi u Ġeħova ma ħax pjaċir. Iżda iktar tard, “Ħeżekija umilja ruħu,” u Alla ħafirlu.—2 Kronaki 32:25-​27; Salm 138:6.

Il-​mod kif nirreaġixxu meta oħrajn ifaħħruna jistaʼ jikxef x’hemm f’qalbna

13, 14. (a) Liema sitwazzjoni tistaʼ tikxef x’hemm f’qalbna? (b) Kif għandna nirreaġixxu meta oħrajn ifaħħruna?

13 X’nistgħu nitgħallmu minn Ħeżekija u l-​iżball li għamel? Ftakar li Ħeżekija aġixxa bi kburija ftit wara li Ġeħova għenu jegħleb lill-​Assirjani u fejqu mill-​marda tiegħu. Allura, meta jiġrulna affarijiet tajbin jew meta oħrajn ifaħħruna, x’se nagħmlu? Il-​mod kif nirreaġixxu jistaʼ jikxef x’hemm f’qalbna. Pereżempju, ħu għandu mnejn ħadem iebes biex jipprepara u jagħti taħdita lil udjenza kbira. Ħafna jfaħħruh għal dak li għamel. Kif se jirreaġixxi għat-​tifħir?

14 Aħna għandna dejjem niftakru f’dak li qal Ġesù: “Meta tkunu għamiltu kulma ġejtu mqabbdin tagħmlu, għidu, ‘Aħna lsiera li m’aħna tajbin għal xejn. Għamilna dak li kellna nagħmlu.’” (Luqa 17:10) Ftakar li meta Ħeżekija sar kburi, hu m’apprezzax kif Ġeħova kien għenu. Allura meta oħrajn ifaħħruna għal xi taħdita li tajna, x’se jgħinna nibqgħu umli? Aħna nistgħu nimmeditaw fuq dak li Ġeħova għamel għalina. U nistgħu nitkellmu dwaru u dwar kif għenna. Wara kollox, hu kien li tana l-​Bibbja u l-​ispirtu qaddis tiegħu biex inkunu kapaċi nagħtu t-​taħdita.

ĦALLI LIL ĠEĦOVA JIGGWIDAK META TIEĦU DEĊIŻJONIJIET

15, 16. X’għamel Ġosija li wassal għal mewtu?

15 Fl-​aħħar, x’nistgħu nitgħallmu minn Ġosija? Għalkemm Ġosija kien sultan tajjeb, hu għamel żball li wasslu għall-​mewt. (Aqra t-​2 Kronaki 35:20-​22.) X’ġara? Ġosija qalaʼ gwerra maʼ Neko, is-​sultan tal-​Eġittu, avolja ma kienx hemm raġuni biex jagħmel dan. Fil-​fatt, Neko stess qal lil Ġosija li ma riedx jiġġieled kontrih. Il-​Bibbja tgħid li kliem Neko kien “minn fomm Alla.” Iżda Ġosija mar għall-​gwerra u nqatel. Allura għala ġġieled kontra Neko? Il-​Bibbja ma tgħidx.

16 Ġosija kien imissu stħarreġ jekk dak li kien qal Neko kienx verament minn Ġeħova. Kif? Hu setaʼ staqsa lil Ġeremija, wieħed mill-​profeti taʼ Ġeħova. (2 Kronaki 35:23, 25) Ukoll, Ġosija messu kkunsidra l-​fatti. Neko kien sejjer Karkemis biex jiġġieled kontra ġens ieħor, mhux kontra Ġerusalemm. U Neko ma pprovax jinsulenta lil Ġeħova jew lin-​nies tiegħu. Ġosija ma ħasibx sew dwar dawn l-​affarijiet qabel iddeċieda. X’inhi l-​lezzjoni għalina? Meta jkollna problema u nkunu rridu nieħdu deċiżjoni, l-​ewwel għandna nikkunsidraw dak li Ġeħova għandu mnejn iridna nagħmlu.

17. Meta jkollna l-​problemi, kif nistgħu nevitaw li nagħmlu żball bħal dak li għamel Ġosija?

17 Meta jkollna nieħdu deċiżjoni, l-​ewwel ikollna bżonn naħsbu dwar liema prinċipji Bibliċi jistgħu jgħinuna u kif nistgħu napplikawhom. F’xi każi, għandu mnejn inkunu rridu nagħmlu iktar riċerka fil-​pubblikazzjonijiet tagħna jew anke nistaqsu anzjan għal parir. Hu jistaʼ jgħinna naħsbu fi prinċipji Bibliċi oħra. Immaġina din is-​sitwazzjoni: Oħt hija miżżewġa lil xi ħadd li mhux Xhud. Hi tippjana li tmur fuq il-​ministeru f’ġurnata partikulari. (Atti 4:20) Imma dakinhar, żewġha ma jridhiex tmur tipprietka. Jgħidilha li dan l-​aħħar ma tantx qattgħu ħin flimkien u li kien jixtieq li joħorġu ftit. Allura l-​oħt tikkunsidra xi versi mill-​Bibbja li jistgħu jgħinuha tieħu deċiżjoni għaqlija. Hi taf li għandha tobdi lil Alla u li Ġesù kkmandana nagħmlu dixxipli. (Mattew 28:19, 20; Atti 5:29) Iżda tiftakar ukoll li l-​mara miżżewġa għandha tkun sottomessa lejn ir-​raġel tagħha u li l-​qaddejja t’Alla għandhom ikunu raġunevoli. (Efesin 5:22-​24; Filippin 4:5) Qiegħed żewġha jipprova jwaqqafha milli tipprietka, jew sempliċement irid iqattaʼ l-​ħin magħha f’dik il-​ġurnata? Bħala qaddejja taʼ Ġeħova, irridu nieħdu deċiżjonijiet li huma raġunevoli u li jogħġbuh.

ĦA JIBQAʼ JKOLLOK QALB SĦIĦA U KUN FERĦAN

18. X’tistaʼ titgħallem milli timmedita fuq l-​eżempji taʼ dawn l-​erbaʼ slaten taʼ Ġuda?

18 Kultant, aħna wkoll għandna mnejn nagħmlu xi wieħed mill-​iżbalji li dawn l-​erbaʼ slaten taʼ Ġuda għamlu. Forsi (1) nistgħu nistrieħu fuq il-​fehma tagħna stess, (2) nistgħu nagħżlu l-​ħbieb il-​ħżiena, (3) jistaʼ jkollna attitudni taʼ kburija, jew (4) nistgħu nieħdu deċiżjonijiet mingħajr ma l-​ewwel nikkunsidraw x’inhi r-​rieda t’Alla. Xorta waħda, m’għandniex għalfejn inħossuna li qatt ma nistgħu nogħġbu lil Ġeħova. Hu jara t-​tajjeb fina, l-​istess bħalma ra t-​tajjeb f’dawk l-​erbaʼ slaten. Ġeħova jara wkoll kemm inħobbuh u kemm irridu naqduh bis-​sħiħ. Allura pprovdielna eżempji li jgħinuna nevitaw li nagħmlu żbalji serji. Ejja nimmeditaw fuq dawn ir-​rakkonti Bibliċi u nkunu grati li Ġeħova pprovdihomlna!