Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

BIJOGRAFIJA

Ibbenefikajt milli nagħmilha maʼ wħud għaqlin

Ibbenefikajt milli nagħmilha maʼ wħud għaqlin

NIFTAKAR għodwa kiesħa ħafna snin ilu fi Brookings, South Dakota, l-​Istati Uniti tal-​Amerika. Stajt inħoss li kien ġej temp inġazzat. Kont qiegħed ġo maħżen kiesaħ f’razzett maʼ grupp żgħir taʼ nies, u kollha konna qed nirtogħdu bil-​bard. Konna maġenb kontejner kbir mimli ilma, u l-​ilma kien kiesaħ! Ħa ngħidilkom ftit dwar ħajti ħalli tkunu tistgħu tifhmu għala konna hemmhekk.

IL-​FAMILJA TIEGĦI

Iz-​ziju Alfred u missieri

Twelidt fis-​7 taʼ Marzu 1936. Il-​ġenituri tiegħi kellhom erbat itfal, u jien kont l-​iżgħar wieħed. Konna ngħixu ġo razzett fil-​Lvant taʼ South Dakota. Il-​biedja kienet parti importanti mill-​ħajja tal-​familja tagħna, imma ma kinitx l-​iktar ħaġa importanti. Ommi u missieri tgħammdu bħala Xhieda taʼ Ġeħova fl-​1934. Huma kienu ddedikaw ħajjithom lil Ġeħova, allura li jagħmlu r-​rieda tiegħu kien l-​iktar importanti għalihom. Missieri, Clarence, u iktar tard zijuwi Alfred, qeda bħala qaddej tal-​kongregazzjoni (issa msejjaħ koordinatur tal-​ġemgħa tal-​anzjani) fil-​kongregazzjoni żgħira tagħna f’Conde, South Dakota.

Il-​familja tiegħi kienet tmur għal-​laqgħat tagħna u minn dar għal dar regolarment biex tgħid lil oħrajn dwar it-​tama meraviljuża tal-​Bibbja għall-​futur. L-​eżempju u t-​taħriġ li tawna l-​ġenituri għenuna nħobbu lil Ġeħova. Jien u oħti, Dorothy, sirna pubblikaturi tas-​Saltna meta kellna sitt snin. Fl-​1943, inktibt fl-​Iskola tal-​Ministeru Teokratiku, li kienet għadha kif bdiet.

Naqdi bħala pijunier fl-1952

Il-​konvenzjonijiet u l-​assembleat kienu parti importanti minn ħajjitna. Niftakar konvenzjoni fl-​1949 f’Sioux Falls, South Dakota. Ħuna Grant Suiter ta t-​taħdita bit-​tema “Hu iktar tard milli taħseb!” Hu enfasizza l-​bżonn biex kull Kristjan dedikat juża ħajtu biex jipprietka l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla. Wara dan, iddedikajt ħajti lil Ġeħova. Tgħammidt fl-​assemblea tas-​circuit taʼ wara, fi Brookings, fit-​12 taʼ Novembru 1949. Hu għalhekk li kont f’dak il-​maħżen kiesaħ ħafna, bħalma semmejt diġà. Erbgħa minna konna qed nistennew biex nitgħammdu f’kontejner kbir tal-​azzar.

Imbagħad iddeċidejt li ridt naqdi bħala pijunier. Bdejt fl-​1 taʼ Jannar 1952, meta kelli 15-​il sena. Il-​Bibbja tgħid: “Min qed jimxi maʼ l-​għorrief se jsir għaref,” u kien hemm ħafna nies għorrief f’familti li appoġġjaw id-​deċiżjoni tiegħi biex inkun pijunier. (Proverbji 13:20) Ħafna drabi kont immur nipprietka maʼ zijuwi Julius, li kellu 60 sena. Għalkemm kien ikbar minni sew, konna nieħdu pjaċir flimkien fil-​ministeru. Tgħallimt ħafna minnu u mill-​esperjenza li kellu. Dorothy ma damitx ma saret pijuniera wkoll.

INDOKRATURI LI JŻURU L-​KONGREGAZZJONIJIET GĦENUNI

Meta kont żgħir, il-​ġenituri tiegħi stiednu ħafna indokraturi li jżuru l-​kongregazzjonijiet u n-​nisa tagħhom biex joqogħdu magħna. Koppja minnhom, Jesse u Lynn Cantwell, għenuni ħafna. Huma ħadu interess fija u inkuraġġewni. Meta kienu qed jaqdu f’kongregazzjonijiet viċin, ġieli stidnuni biex noħroġ magħhom fil-​ministeru. Vera kont nieħu pjaċir magħhom! Ridt inkun medhi fix-​xogħol taʼ Ġeħova bħalma kienu huma u nkun pijunier.

L-​indokratur li jżur il-​kongregazzjonijiet li ġie warajh kien Bud Miller. Meta hu u martu, Joan, żaru l-​kongregazzjoni tagħna, jien kelli 18-​il sena. Dak iż-​żmien kelli nidher quddiem id-​draft board, kumitat li jiddeċiedi min għandu jidħol fil-​militar. Huma riduni nagħmel xi xogħol li ħassejt li jmur kontra l-​kmand taʼ Ġesù taʼ li nkunu newtrali fil-​politika. Imma jien ridt nipprietka l-​aħbar tajba tas-​Saltna. (Ġwanni 15:19) Allura tlabt li niġi kkunsidrat bħala ministru tar-​reliġjon.

Fraħt ħafna meta Ħuna Miller qalli li kien se jiġi miegħi għal-​laqgħa mal-​kumitat. Hu ma kienx bniedem mistħi, u n-​nies ma kinux ibeżżgħuh. Hu kien ukoll jaf l-​Iskrittura sew. Il-​fatt li kien miegħi inkuraġġieni ħafna! Lejn tmiem is-​sajf tal-​1954, b’riżultat taʼ din il-​laqgħa, il-​kumitat aċċetta t-​talba tiegħi biex niġi kkunsidrat bħala ministru. Issa ma kellix xi jżommni milli nagħmel iktar għal Ġeħova.

Bħala Betelit ġdid, maʼ trakk tar-razzett

Ftit wara dan, ġejt mistieden naqdi f’Betel, li dak iż-​żmien kienet tissejjaħ Watchtower Farm, fil-​Gżira taʼ Staten, New York. Qdejt hemm għal madwar tliet snin. Kelli ħafna esperjenzi sbieħ għax iltqajt maʼ ħafna aħwa għaqlin u ħdimt magħhom.

IS-​SERVIZZ F’BETEL

Ħdejn id-WBBR maʼ Ħuna Franz

Il-​Watchtower Farm fil-​Gżira taʼ Staten kellu wkoll l-​istazzjon tar-​radju WBBR. Dan kien jitmexxa mix-​Xhieda taʼ Ġeħova mill-​1924 sal-​1957. Mill-​familja Betel ġew inkarigati bejn 15 sa 20 membru biss fir-​razzett. Ħafna minna kienu żgħar u bi ftit li xejn esperjenza. Imma ħu ikbar li kien midluk, Eldon Woodworth, ħadem magħna. Hu kien bħal missier għalina u għallimna ħafna affarijiet. Xi drabi meta kien ikollna diffikultajiet bejnietna, Ħuna Woodworth kien jgħid, “Dak li għamel Alla żgur li hu tal-​għaġeb meta tqis in-​nies li jrid jaħdem bihom.”

Harry Peterson kien żeluż fix-xogħol tal-ippritkar

Ħuna Frederick W. Franz ukoll kien magħna u għenna. Hu kien għaqli u kien jaf il-​Bibbja sew. Kien jieħu interess f’kull wieħed minna. Il-​kok tagħna kien Harry Peterson. Kien eħfef għalina li nużaw dan il-​kunjom milli l-​kunjom proprju, Papargyropoulos. Hu wkoll kien wieħed mill-​midlukin u kien iħobb jipprietka. Ħuna Peterson għamel xogħlu sew f’Betel imma qatt ma ttraskura l-​ministeru tal-​għalqa. Kien iqassam mijiet taʼ rivisti kull xahar. Kien ukoll jaf il-​Bibbja sew u wieġeb ħafna mill-​mistoqsijiet tagħna.

TGĦALLIMT MINN AĦWA NISA GĦAQLIN

Fir-​razzett taʼ Betel, konna nippreparaw frott u ħaxix u npoġġuhom fil-​vażetti. Kull sena konna nimlew madwar 45,000 vażett b’ħaxix u frott għall-​familja taʼ Betel. Ħdimt maʼ Etta Huth, oħt vera għaqlija. Hi kienet tagħmel ir-​riċetti li konna nużaw biex nippreparaw il-​frott u l-​ħaxix. Aħwa nisa tal-​lokal ġew jaħdmu magħna, u Etta kienet tgħin biex torganizza xogħolhom. Għalkemm Etta kienet taf tagħmlu sew il-​proċess tal-​ikel fil-​vażetti, hi dejjem irrispettat lill-​aħwa rġiel li kienu indokraturi tar-​razzett. Hi kienet t’eżempju tajjeb għalina lkoll.

Maʼ Angela u Etta Huth

Angela Romano kienet waħda miż-​żgħażagħ li ġew jgħinu fir-​razzett. Etta kienet għenitha meta ġiet fil-​verità. Jien u Angie żżewwiġna f’April tal-​1958, u gawdejna 58 sena naqdu lil Ġeħova flimkien. Matul is-​snin, il-​lealtà taʼ Angie lejn Ġeħova saħħet iż-​żwieġ tagħna. Hi mara bil-​għaqal, u nistaʼ nistrieħ fuqha għalkollox, ikunu xi jkunu d-​diffikultajiet li jkollna.

INKARIGU MISSJUNARJU U X-​XOGĦOL TAL-​IVVJAĠĠAR

Meta l-​aħwa biegħu l-​bini tad-​WBBR fil-​Gżira taʼ Staten fl-​1957, jien qdejt fil-​Betel taʼ Brooklyn għal żmien qasir. Imbagħad jien u Angie żżewwiġna, allura tlaqt mill-​Betel. Għal tliet snin, qdejna bħala pijunieri fil-​Gżira taʼ Staten. Għal xi żmien, ħdimt ukoll għall-​proprjetarji ġodda tal-​istazzjon tar-​radju, li kien jissejjaħ WPOW.

Jien u Angie żammejna ħajjitna sempliċi ħalli nkunu nistgħu mmorru naqdu kull fejn ikun hemm il-​bżonn. B’hekk, fl-​1961 aċċettajna stedina biex naqdu bħala pijunieri speċjali f’Falls City, Nebraska. Imma ftit wara li wasalna hemm, ġejna mistidnin immorru South Lansing, New York, għal xahar biex nattendu l-​Iskola tal-​Ministeru tas-​Saltna. Ħadna pjaċir bit-​taħriġ li rċivejna, u ħsibna li wara l-​iskola konna se mmorru lura Nebraska. Allura kienet taʼ sorpriża kbira għalina meta rċivejna inkarigu ġdid. Konna se naqdu bħala missjunarji l-​Kambodja! F’dan il-​pajjiż sabiħ fix-​Xlokk tal-​Asja rajna, smajna, u doqna affarijiet li kienu ġodda għalina. Vera xtaqna naqsmu l-​aħbar tajba dwar is-​Saltna man-​nies t’hemmhekk.

Maʼ Angela fl-1975, qabel intervista fuq it-televixin

Imma mbagħad is-​sitwazzjoni politika nbidlet fil-​Kambodja, u kellna mmorru l-​Vjetnam t’Isfel. Wara sentejn imradt sew, u b’dispjaċir, kellna mmorru lura l-​Istati Uniti tal-​Amerika. Kelli bżonn ftit żmien biex nirkupra. Meta għaddieli, erġajna bdejna naqdu bħala pijunieri.

F’Marzu tal-​1965 bdejna naqdu lill-​kongregazzjonijiet fix-​xogħol tal-​ivvjaġġar. Għal 33 sena, jien u Angie ħadna pjaċir fix-​xogħol tas-​circuit u tad-​distrett kif ukoll ngħinu f’konvenzjonijiet. Kont nieħu pjaċir nagħmel dan ix-​xogħol għax il-​konvenzjonijiet dejjem kienu żmien eċċitanti għalija. Għal xi snin żorna kongregazzjonijiet fil-​Belt taʼ New York u madwarha, u ħafna mill-​konvenzjonijiet kienu fil-​Yankee Stadium.

ERĠAJNA LURA L-​BETEL U L-​ISKEJJEL TEOKRATIĊI

Jien u Angie rċivejna ħafna inkarigi ġodda u diffiċli matul is-​snin. Fl-​1995, ġejt mitlub ngħallem l-​Iskola tat-​Taħriġ Ministerjali. Tliet snin wara, ġejna mistidnin naqdu f’Betel. Wara 40 sena, kont ferħan li rġajt lura Betel, fejn kont bdejt is-​servizz full-​time speċjali tiegħi. Għal xi żmien, ħdimt fid-​Dipartiment tas-​Servizz u bħala għalliem taʼ ħafna mill-​iskejjel. Fl-​2007, il-​Ġemgħa li Tiggverna fformat id-​Dipartiment tal-​Iskejjel Teokratiċi biex jieħu ħsieb l-​iskejjel kollha li kienu jiġu mgħallmin f’Betel, u għal xi snin jien kont l-​indokratur.

F’dawn l-​aħħar snin, saru ħafna bidliet fl-​iskejjel fil-​Betel. L-​Iskola għall-​Anzjani tal-​Kongregazzjoni bdiet fl-​2008. U fis-​sentejn taʼ wara, iktar minn 12,000 anzjan ġew mgħallmin fil-​Betel taʼ Patterson u Brooklyn. Din l-​iskola issa qed tkompli f’ħafna postijiet oħra. Fl-​2010, l-​isem tal-​Iskola tat-​Taħriġ Ministerjali ġie mibdul għall-​Iskola tal-​Bibbja Għal Aħwa Rġiel Mhux Miżżewġin, u ġiet ifformata skola ġdida, li tissejjaħ l-​Iskola tal-​Bibbja Għal Koppji Kristjani.

F’Settembru tal-​2014, dawn iż-​żewġ skejjel ingħaqdu u saru l-​Iskola għall-​Evanġelizzaturi tas-​Saltna. L-​istudenti issa setgħu jkunu koppji miżżewġin, aħwa rġiel single, jew aħwa nisa single. Ħafna madwar id-​dinja kienu ferħanin se jtiru meta semgħu li din l-​iskola kienet se ssir f’pajjiżhom ukoll. Hu eċċitanti meta tara li hemm iktar aħwa li se jkollhom l-​opportunità jattendu dawn l-​iskejjel. U jien grat ferm li ltqajt maʼ ħafna li għamlu bidliet f’ħajjithom biex ikunu jistgħu jirċievu dan it-​taħriġ.

Meta naħseb dwar ħajti minn qabel ma tgħammidt f’dak il-​maħżen kiesaħ s’issa, nirringrazzja lil Ġeħova għan-​nies għaqlin li ltqajt magħhom. Huma għenuni nsir nafu u naqdih aħjar. Xi wħud kienu iżgħar minni u oħrajn ikbar. U ħafna kienu ġejjin minn kulturi li kienu differenti minn tiegħi. Imma mill-​attitudnijiet u l-​azzjonijiet tagħhom rajt li ħabbew lil Ġeħova bil-​kbir. Jien vera grat li għandi ħafna ħbieb għaqlin li nistaʼ nitgħallem minnhom fost in-​nies taʼ Ġeħova.

Nieħu gost niltaqaʼ maʼ studenti minn madwar id-dinja