Isem Bibliku fuq ġarra antika
Fl-2012, xi arkeoloġi sabu biċċiet żgħar taʼ ġarra tal-fuħħar li għandhom 3,000 sena. Ir-riċerkaturi kienu eċċitati ħafna. Għala? Mhux minħabba l-biċċiet tal-ġarra imma minħabba l-kitba li kellhom fuqhom.
Meta l-arkeoloġi fl-aħħar għaqqdu l-biċċiet kollha, huma setgħu jaqraw il-kitba Kangħanija taʼ fuq il-ġarra. Din kienet tgħid: “Eshba’al Ben Beda,” li tfisser “Esbagħal, bin Beda.” Din hi l-ewwel darba li l-arkeoloġi sabu dan l-isem miktub fuq oġġett antik.
Raġel ieħor li kien jismu Esbagħal jissemma fil-Bibbja. Hu kien wieħed minn ulied is-Sultan Sawl. (1 Kronaki 8:33; 9:39) Il-professur Yosef Garfinkel, li kien wieħed minn dawk li sabu l-ġarra, qal: “Hu interessanti li tinnota li l-isem Esbagħal jidher fil-Bibbja, u issa anki fir-rekord arkeoloġiku, biss matul ir-renju tas-Sultan David.” Xi wħud jaħsbu li dan l-isem kien użat biss matul dan il-perijodu taʼ żmien speċifiku. Dan hu eżempju ieħor taʼ kif l-arkeoloġija tappoġġja l-Bibbja!
Fil-Bibbja, iben Sawl, Esbagħal, jissejjaħ ukoll Is-boset. (2 Samwel 2:10) Għala “bagħal” ġiet mibdula għal “boset”? Riċerkaturi jispjegaw li l-kittieb tat-Tieni Samwel setaʼ evita li juża l-isem Esbagħal għax kien ifakkar lill-Iżraelin f’Bagħal, l-alla tat-tempesti li kienu jqimu l-Kangħanin. Madankollu, fil-ktieb tal-Ewwel Kronaki fil-Bibbja, xorta għadna nistgħu nsibu l-isem Esbagħal.