Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

BIJOGRAFIJA

Għalkemm trux, ma żammejtx lura milli ngħallem lil oħrajn

Għalkemm trux, ma żammejtx lura milli ngħallem lil oħrajn

Jien tgħammidt fl-​1941, meta kelli 12-​il sena. Imma kien biss fl-​1946 li verament fhimt il-​verità tal-​Bibbja. Għala? Ħa ngħidilkom l-​istorja tiegħi.

MADWAR is-​sena 1910, il-​ġenituri tiegħi telqu minn Tbilisi, il-​Ġeorġja, u marru joqogħdu l-​Kanada. Huma għexu ġo dar żgħira bir-​razzett magħha ħdejn Pelly, Saskatchewan, fil-​Punent tal-​Kanada. Jien twelidt fl-​1928, l-​iżgħar wieħed minn sitt itfal. Missieri miet sitt xhur qabel ma twelidt jien, u ommi mietet meta kont għadni żgħir ħafna. Ftit wara dan, oħti l-​kbira, Lucy, mietet taʼ 17-​il sena. Allura, zijuwi Nick ħa ħsieb lili u lil ħuti.

Darba waħda, meta kont għadni kif tlaqt nimxi, familti rawni niġbed denb wieħed miż-​żwiemel tagħna. Huma kienu mwerwrin li ż-​żiemel setaʼ jagħtini daqqa taʼ żewġ, allura bdew jgħajtu miegħi biex nieqaf. Però, kont dahri lejhom, u ma smajtx l-​għajjat tagħhom. B’ferħ, ma weġġajtx. Imma din kienet il-​ġurnata li familti indunat li kont trux.

Ħabib tal-​familja qal li setaʼ jkun aħjar għalija li mmur fi skola taʼ tfal neqsin mis-​smigħ. Allura z-​ziju Nick bagħatni fi skola għal dawk neqsin mis-​smigħ f’Saskatoon, Saskatchewan. Din l-​iskola kienet ’il bogħod ħafna mill-​familja tiegħi, u peress li kelli biss ħames snin, kont beżgħan. Stajt inżurhom fil-​vaganzi u fis-​sajf biss. Eventwalment, tgħallimt il-​lingwa tas-​sinjali u ħadt gost nilgħab maʼ tfal oħra.

NITGĦALLEM IL-​VERITÀ TAL-​BIBBJA

Fl-​1939, Marion, oħti ikbar minni, iżżewġet lil Bill Danylchuck. Huma bdew jieħdu ħsieb lili u lil oħti Frances u kienu l-​ewwel mill-​familja tiegħi li bdew jistudjaw max-​Xhieda taʼ Ġeħova. Matul il-​vaganzi tas-​sajf, huma għamlu l-​aħjar li setgħu biex jaqsmu miegħi dak li kienu qed jitgħallmu mill-​Bibbja. Ma kienx faċli għalina li nikkomunikaw għax ma kinux jafu l-​lingwa tas-​sinjali. Imma xorta setgħu jaraw li kont qed ngħożż dak li kont qed nitgħallem dwar Ġeħova. Jien fhimt li dak li kienu qed jagħmlu żgur li kellu x’jaqsam maʼ li tgħid il-​Bibbja, allura kont immur magħhom waqt li jippritkaw. Ftit wara ridt nitgħammed, u fil-​5 taʼ Settembru 1941, Bill għammidni f’tank tal-​azzar mimli ilma tal-​bir. L-​ilma kien inġazzat!

Maʼ grupp neqsin mis-smigħ f’konvenzjoni fi Cleveland, Ohio, fl-1946

Fis-​sajf tal-​1946, meta mort lura d-​dar, attendejna konvenzjoni fi Cleveland, Ohio, l-​Istati Uniti tal-​Amerika. Fl-​ewwel ġurnata, ħuti l-​bniet kitbuli n-​noti ħalli nkun nistaʼ nsegwi l-​programm. Imma fit-​tieni ġurnata, kont eċċitat ħafna meta sirt naf li fil-​konvenzjoni kien hemm grupp taʼ nies neqsin mis-​smigħ b’interpretu tal-​lingwa tas-​sinjali. Sa fl-​aħħar stajt ingawdi l-​programm, u kienet ħaġa mill-​isbaħ li issa stajt nifhem b’mod ċar dak li tgħallem il-​Bibbja!

NGĦALLEM IL-​VERITÀ

F’dak iż-​żmien, kienet għadha kemm spiċċat it-​Tieni Gwerra Dinjija, u n-​nies riedu juru li kienu leali lejn il-​pajjiż tagħhom. Imma kif ġejt lura mill-​konvenzjoni u rġajt mort l-​iskola, kont determinat li nibqaʼ leali lejn Ġeħova. Allura, waqaft nipparteċipa fit-​tislim tal-​bandiera, fl-​innu nazzjonali, u fil-​festi. Waqaft ukoll immur il-​knisja mal-​kumplament taʼ sħabi tal-​iskola. Dawk li kienu jieħdu ħsieb l-​iskola ma ħadux gost, u pprovaw jaqbdu miegħi u gidbuli biex iġegħluni nbiddel fehmti. Sħabi tal-​iskola nnotaw x’kien qed jiġri, u minħabba f’hekk kelli ħafna opportunitajiet biex nagħtihom xhieda. Xi wħud minn sħabi tal-​iskola, inkluż Larry Androsoff, Norman Dittrick, u Emil Schneider, eventwalment aċċettaw il-​verità, u għadhom qed jaqdu lil Ġeħova.

Meta żort bliet oħrajn, dejjem għamilt sforz speċjali biex nagħti xhieda lil dawk neqsin mis-​smigħ. Pereżempju, f’Montreal mort f’post fejn kienu jiltaqgħu n-​nies neqsin mis-​smigħ. Hemmhekk, tajt xhieda lil Eddie Tager, żagħżugħ li kien membru taʼ gang. Sa ma miet is-​sena l-​oħra, hu qeda fil-​kongregazzjoni tal-​lingwa tas-​sinjali f’Laval, Quebec. Iltqajt ukoll maʼ żagħżugħ jismu Juan Ardanez. Bħall-​Bereani tal-​qedem, hu għamel riċerki biex ikun ċert li dak li kien qed jitgħallem kien ibbażat mill-​Bibbja. (Atti 17:10, 11) Hu wkoll daħal fil-​verità, u qeda bħala anzjan f’Ottawa, Ontario, sa ma miet.

Għoti taʼ xhieda fit-toroq fil-bidu tas-snin 50

Fl-​1950, mort ngħix Vancouver. Għalkemm inħobb nipprietka lil dawk neqsin mis-​smigħ, qatt mhu se ninsa esperjenza li kelli maʼ mara li tismaʼ jisimha Chris Spicer, li tajtha xhieda fit-​triq. Hi aċċettat li tibda tirċievi r-​rivisti u riditni niltaqaʼ mar-​raġel tagħha, Gary. Mort id-​dar tagħhom, u kellna konversazzjoni twila billi ktibna n-​noti lil xulxin. Dan kien l-​uniku kuntatt li kellna sakemm ftit tas-​snin wara, b’sorpriża għalija, ġew jilqgħuni f’konvenzjoni f’Toronto, Ontario. Gary kien se jitgħammed dakinhar stess. Din l-​esperjenza fakkritni kemm hu importanti li nibqaʼ nipprietka, għax qatt ma nistgħu nkunu nafu fejn jew meta l-​verità se trabbi l-​għeruq.

Iktar tard, erġajt mort ngħix Saskatoon. Hemmhekk iltqajt maʼ mara li talbitni nistudja l-​Bibbja mal-​bniet tewmin tagħha, Jean u Joan Rothenberger, li kienu neqsin mis-​smigħ. Dawn kienu studenti fl-​istess skola li kont nattendi jien. Ma damux ma bdew jgħidu lil sħabhom tal-​klassi dwar dak li kienu qed jitgħallmu. Eventwalment, ħamsa mill-​klassi tagħhom saru Xhieda taʼ Ġeħova. Waħda minnhom kienet Eunice Colin. L-​ewwel darba li ltqajt maʼ Eunice kien fl-​aħħar sena tiegħi fl-​iskola għal dawk neqsin mis-​smigħ. F’dak iż-​żmien, hi tatni ħelwa u staqsietni jekk nistgħux inkunu ħbieb. Iktar tard, saret parti importanti ħafna minn ħajti. Hi saret marti!

Maʼ Eunice fl-1960 u fl-1989

Meta omm Eunice saret taf li kienet qed tistudja l-​Bibbja, hi talbet lis-​surmast biex jikkonvinċi lil Eunice tieqaf. Għalkemm ipprova u saħansitra ħadilha l-​kotba tal-​istudju, Eunice kienet determinata li tibqaʼ leali lejn Ġeħova. Meta riedet titgħammed, il-​ġenituri qalulha, “Sir waħda mix-​Xhieda taʼ Ġeħova, u jkollok titlaq minn darna!” Allura meta kellha 17-​il sena, Eunice telqet mid-​dar u marret toqgħod maʼ familja tax-​Xhieda. Hi kompliet l-​istudju tagħha u iktar tard tgħammdet. Meta żżewwiġna fl-​1960, il-​ġenituri tagħha ma ġewx it-​tieġ tagħna. Minkejja dan, hekk kif għaddew is-​snin, kellhom iktar rispett lejna minħabba t-​twemmin tagħna u l-​mod kif rabbejna lil uliedna.

ĠEĦOVA ĦA ĦSIEBI

Ibni Nicholas u martu Deborah jaqdu fil-Betel taʼ Londra

Bħala ġenituri neqsin mis-​smigħ, kienet sfida għalina li nrabbu sebaʼ subien li ma kellhomx problema taʼ smigħ. Imma għamilna ċert li jitgħallmu l-​lingwa tas-​sinjali sabiex inkunu nistgħu nikkomunikaw sew u ngħallmuhom il-​verità. Aħwa rġiel u nisa fil-​kongregazzjoni għenuna ħafna. Pereżempju, ġenitur kitbilna nota biex jgħidilna li wieħed mis-​subien tagħna kien qed jgħid kliem ħażin fis-​Sala tas-​Saltna. Irnexxielna nieħdu ħsieb din il-​kwistjoni mal-​ewwel. Erbgħa mis-​subien tiegħi—James, Jerry, Nicholas, u Steven—huma anzjani u jaqdu lil Ġeħova lealment man-​nisa u l-​familji tagħhom. Ukoll, Nicholas u martu Deborah jgħinu fit-​traduzzjoni tal-​lingwa tas-​sinjali fil-​fergħa tal-​Brittanja, u Steven u martu Shannan huma parti mit-​tim tat-​traduzzjoni tal-​lingwa tas-​sinjali fil-​fergħa tal-​Istati Uniti.

Uliedi James, Jerry, u Steven u n-​nisa tagħhom jappoġġjaw ix-​xogħol tax-​xandir bil-​lingwa tas-​sinjali b’diversi modi

B’dispjaċir, xahar qabel l-​40 anniversarju tat-​tieġ tagħna, Eunice mietet bil-​kanċer. Matul dak iż-​żmien diffiċli, il-​fidi tagħha fl-​irxoxt għenitha tibqaʼ soda. Inħares ’il quddiem għal dik il-​ġurnata meta nerġaʼ naraha.

Faye u James, Jerry u Evelyn, Shannan u Steven

Fi Frar tal-​2012, waqajt u ksirt ġenbi. Irrealizzajt li kien se jkolli bżonn l-​għajnuna, allura mort noqgħod maʼ wieħed mis-​subien tiegħi u martu. Aħna issa nagħmlu parti mill-​Kongregazzjoni tal-​Lingwa tas-​Sinjali taʼ Calgary, fejn qed inkompli naqdi bħala anzjan. Fil-​fatt, din hi l-​ewwel darba li qiegħed f’kongregazzjoni tal-​lingwa tas-​sinjali! Allura, kif żammejt ir-​relazzjoni tiegħi maʼ Ġeħova b’saħħitha dawn is-​snin kollha li kont f’kongregazzjoni tal-​lingwa Ingliża? Ġeħova għenni. Hu żamm il-​wegħda tiegħu li jieħu ħsieb it-​tfal bla missier. (Salm 10:14) Jien grat għal dawk kollha li kienu lesti jiktbu noti, jitgħallmu l-​lingwa tas-​sinjali, u jgħinu biex ifissruli dak li jingħad bl-​aħjar mod li setgħu.

Taʼ 79 sena, attendejt l-iskola tal-pijunieri bil-lingwa tas-sinjali

Kien hemm drabi meta ma stajtx nifhem x’inhu jintqal jew ħassejt li ħadd ma setaʼ jifhem kif jgħin lil dawk neqsin mis-​smigħ. Fi drabi bħal dawn, meta ħassejtni frustrat u ridt inċedi, kont naħseb fil-​kliem taʼ Pietru lil Ġesù: “Mulej, għand min tridna mmorru? Int għandek il-​kliem tal-​ħajja taʼ dejjem.” (Ġwanni 6:66-​68) Bħal ħafna aħwa oħra neqsin mis-​smigħ li kienu ilhom fil-​verità għal ħafna żmien, tgħallimt inkun paċenzjuż. Tgħallimt nafda f’Ġeħova u fl-​organizzazzjoni tiegħu, u dan irriżulta f’ħafna benefiċċji. Issa hemm ħafna mill-​pubblikazzjonijiet tagħna bil-​lingwa tiegħi, u jien ferħan li nistaʼ nattendi laqgħat u konvenzjonijiet bil-​Lingwa tas-​Sinjali Amerikana. Verament kelli ħajja ferħana u taʼ sodisfazzjon f’li naqdi lil Ġeħova, l-​Alla l-​kbir tagħna.