Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Il-​ferħ taʼ li ngħixu ħajja sempliċi

Il-​ferħ taʼ li ngħixu ħajja sempliċi

DANIEL U MIRIAM iżżewġu f’Settembru tas-​sena 2000 u kellhom ħajja komda f’Barċellona, Spanja. Daniel jispjega: “L-​impjieg li kellna ppermettielna nieklu f’restoranti taʼ klassi, insiefru, u nilbsu ħwejjeġ tad-​ditta. Ukoll, ħadna sehem b’mod regulari fil-​ministeru tal-​għalqa.” Imma mbagħad ġara xi ħaġa.

Waqt konvenzjoni fl-​2006, Daniel semaʼ taħdita li kellha din il-​mistoqsija: “Qegħdin aħna nagħmlu kulma nistgħu biex ngħinu lil dawk li qed ‘jogħtru huma u sejrin għall-​qatla’ jaqbdu t-​triq għall-​ħajja taʼ dejjem?” (Proverbji 24:11) It-​taħdita spjegat li aħna għandna r-​responsabbiltà li nippritkaw il-​messaġġ tal-​Bibbja għax il-​ħajjiet tan-​nies jiddependu minnu. (Atti 20:26, 27) Daniel jiftakar: “Ħassejt li Ġeħova kien qed ikellem lili.” It-​taħdita semmiet ukoll li meta nagħmlu iktar fis-​servizz taʼ Ġeħova nkunu iżjed ferħanin. Daniel kien jaf li dan kien minnu għax setaʼ jara li Miriam, li kienet diġà bdiet taqdi bħala pijuniera, kienet ferħana ħafna.

Din it-​taħdita tant effettwat lil Daniel li ddeċieda li kien wasal iż-​żmien li jagħmel bidla kbira f’ħajtu. Hu beda jaħdem inqas sigħat, beda jaqdi bħala pijunier, u ħaseb dwar kemm kienu se jkunu ferħanin jekk hu u Miriam jaqdu fejn il-​bżonn taʼ predikaturi tas-​Saltna hu akbar.

L-​EWWEL ID-​DIFFIKULTAJIET—IMBAGĦAD AĦBAR EĊĊITANTI

F’Mejju 2007, Daniel u Miriam telqu l-​impjieg tagħhom u marru joqogħdu l-​Panama, pajjiż li kienu żaru qabel. It-​territorju tagħhom kien jikkonsisti f’diversi gżejjer tal-​Arċipelagu taʼ Bocas del Toro, fil-​Baħar Karibew. Il-​biċċa l-​kbira min-​nies li jgħixu hemm huma Ngabe. Daniel u Miriam ħasbu li setgħu joqogħdu l-​Panama għal madwar tmien xhur bil-​flus li kienu diġà faddlu.

Huma daru l-​gżejjer bid-​dgħajsa u r-​rota. Għadhom jiftakru l-​ewwel darba li saqu r-​roti tagħhom għal madwar 30 kilometru f’għoljiet weqfin u temp sħun ħafna. Daniel tant kien għajjien li kważi tah ħass ħażin. Madankollu, il-​familji Ngabe li ltaqgħu magħhom kienu ospitabbli ħafna, speċjalment wara li l-​koppja tgħallmu xi ftit espressjonijiet bil-​lingwa lokali. Ma damux ma kellhom 23 studju tal-​Bibbja.

X’ġara wara li nefqu dak kollu li kienu faddlu? Daniel jgħid: “Bid-​dmugħ f’għajnejna bdejna naħsbu biex nerġgħu lura Spanja. Konna mnikktin ferm li nħallu warajna l-​istudenti tagħna tal-​Bibbja.” Imma mbagħad, xahar wara, irċivew aħbar eċċitanti. Miriam tgħid: “Ġejna mistidnin biex naqdu bħala pijunieri speċjali. Kemm kien taʼ ferħ li stajna nibqgħu fl-​inkarigu tagħna!”

L-​AKBAR FERĦ TAGĦHOM

Minħabba bidliet fl-​organizzazzjoni, Daniel u Miriam kellhom jieqfu jaqdu bħala pijunieri speċjali fl-​2015. X’kienu se jagħmlu issa? Huma fdaw fil-​wegħda li tinsab f’​Salm 37:5: “Erħi triqtek f’idejn Ġeħova, strieħ fuqu, u hu jaġixxi.” Huma sabu impjieg biex ikunu jistgħu jkomplu jaqdu bħala pijunieri regulari, u llum jaqdu f’kongregazzjoni f’Veraguas, il-​Panama.

Daniel jgħid: “Qabel ma tlaqna minn Spanja, ma konniex ċerti jekk stajniex ngħixu ħajja sempliċi. Illum ċerti, u ma jonqosna xejn taʼ importanza kbira.” X’inhu l-​akbar ferħ tagħhom? Huma jgħidu: “Li ngħinu nies umli jitgħallmu dwar Ġeħova hu ferħ li ma jitqabbel maʼ xejn!”