Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ngħinu “lir-​residenti barranin” ‘jaqdu lil Ġeħova bl-​hena’

Ngħinu “lir-​residenti barranin” ‘jaqdu lil Ġeħova bl-​hena’

“Ġeħova qed iħares lir-​residenti barranin.”—SALM 146:9.

GĦANJIET: 84, 73

1, 2. (a) Xi aħwa rġiel u nisa xi sfidi għandhom? (b) X’mistoqsijiet iqumu?

“META bdiet il-​gwerra ċivili fil-​Burundi, jien u l-​familja konna f’assemblea,” jgħid ħu jismu Lije. “Rajna nies jiġru u jisparaw. Jien, il-​ġenituri tiegħi, u l-​10 ħuti l-​oħra ħrabna biex insalvaw, b’dak li kellna fuqna biss. Xi wħud minn familti fl-​aħħar waslu f’kamp tar-​refuġjati fil-​Malawi, vjaġġ taʼ iktar minn 1,600 kilometru. Il-​bqija tferrixna.”

2 Madwar id-​dinja, hemm iktar minn 65 miljun refuġjat li ġew imġegħlin jitilqu minn djarhom minħabba gwerer jew persekuzzjoni. Dan hu l-​ogħla numru taʼ refuġjati li qatt ġie dokumentat. * (Ara n-​nota taʼ taħt.) Eluf minn dawn ir-​refuġjati huma Xhieda taʼ Ġeħova. Ħafna tilfu l-​maħbubin tagħhom u kważi kull ħaġa li kellhom. Xi sfidi oħra kellhom? Kif nistgħu ngħinu lil ħutna rġiel u nisa jaqdu lil Ġeħova u jibqgħu ferħanin meta jgħaddu minn provi bħal dawn? (Salm 100:2) U x’inhu l-​aħjar mod kif nippritkaw lil refuġjati li għadhom ma sarux jafu lil Ġeħova?

IL-​ĦAJJA TAʼ REFUĠJAT

3. Ġesù u ħafna mid-​dixxipli tiegħu kif saru refuġjati?

3 Ġesù u l-​ġenituri tiegħu saru refuġjati fl-​Eġittu wara li l-​anġlu taʼ Ġeħova avża lil Ġużeppi li s-​Sultan Erodi ried joqtol lil Ġesù. Huma baqgħu hemm sakemm Erodi miet. (Mattew 2:13, 14, 19-​21) Ħafna snin wara, id-​dixxipli taʼ Ġesù ‘xterdu mar-​reġjuni tal-​Lhudija u tas-​Samarija’ minħabba l-​persekuzzjoni. (Atti 8:1) Ġesù kien jaf li ħafna mis-​segwaċi tiegħu kienu se jiġu sforzati jitilqu minn djarhom. Hu qal: “Meta jippersegwitawkom f’belt, aħarbu f’oħra.” (Mattew 10:23) Hi x’inhi r-​raġuni, li jkollok taħrab mid-​dar qatt mhu faċli.

4, 5. Liema huma xi perikli meta r-​refuġjati (a) ikunu qed jaħarbu? (b) ikunu qed jgħixu f’kamp?

4 Meta r-​refuġjati jkunu qed jaħarbu minn darhom jew ikunu qed jgħixu f’kamp tar-​refuġjati, huma jiffaċċjaw diversi perikli. “Qattajna ġimgħat nimxu u għaddejna minn ħdejn mijiet taʼ iġsma mejta,” jgħid Gad, ħu Lije. “Kelli biss 12-​il sena. Saqajja tant intefħu li għedt lil familti biex ikomplu mexjin mingħajri. Missieri—li ma kienx lest iħallini naqaʼ f’idejn ir-​ribelli—refagħni u ġarrni.” Irnexxielna nibqgħu ħajjin ġurnata b’ġurnata, waqt li tlabna lil Ġeħova u fdajna fih. Kultant kilna biss il-​mangoes, frott li konna naqtgħu aħna u mexjin.”—Filippin 4:12, 13.

5 Il-​biċċa l-​kbira tal-​familja taʼ Lije qattgħu ħafna snin fil-​kampijiet tar-​refuġjati tal-​Ġnus Magħquda. Imma anki hemm kien hemm il-​perikli. Lije, li issa hu indokratur li jżur il-​kongregazzjonijiet, jispjega: “Ħafna nies ma kellhomx xogħol. Huma kienu jgħidu fuq in-​nies, jixorbu, jilagħbu għall-​flus, jisirqu, u kienu immorali.” Sabiex jipproteġu lilhom infushom mill-​influwenzi ħżiena, ix-​Xhieda kellhom bżonn jibqgħu medhijin fix-​xogħol tal-​kongregazzjoni. (Ebrej 6:11, 12; 10:24, 25) Huma użaw ħinhom b’għaqal ħalli jkunu jistgħu jibqgħu sodi fil-​verità, u ħafna bdew jagħmlu x-​xogħol taʼ pijunier. Huma żammew f’moħħhom li ż-​żmien li kellhom fil-​kamp tar-​refuġjati eventwalment kien se jispiċċa, bħalma spiċċa ż-​żmien tal-​Iżraelin fid-​deżert. Dan għenhom iżommu attitudni pożittiva.—2 Korintin 4:18.

URI MĦABBA LEJN IR-​REFUĠJATI

6, 7. (a) “L-​imħabba t’Alla” kif timmotivana naġixxu maʼ ħutna fil-​bżonn? (b) Agħti eżempju.

6 “L-​imħabba t’Alla” timmotivana nuru mħabba lejn ħutna, speċjalment meta jiffaċċjaw diffikultajiet. (Aqra l-​1 Ġwanni 3:17, 18.) Pereżempju, meta l-​Kristjani tal-​bidu fil-​Lhudija kellhom bżonn l-​ikel minħabba li kien waqaʼ l-​ġuħ, il-​kongregazzjoni organizzatilhom l-​għajnuna. (Atti 11:28, 29) Ukoll, l-​appostlu Pawlu u Pietru inkuraġġew lill-​Kristjani biex juru l-​ospitalità maʼ xulxin. (Rumani 12:13; 1 Pietru 4:9) Ladarba l-​Kristjani huma inkuraġġiti juru qalb tajba lejn aħwa li jżuru minn postijiet oħra, aħna ċertament għandna nuru qalb tajba lejn ħutna li jinsabu f’periklu jew li ġew persegwitati minħabba l-​fidi tagħhom! * (Ara n-​nota taʼ taħt.)—Aqra Proverbji 3:27.

7 Dan l-​aħħar, eluf taʼ Xhieda taʼ Ġeħova ġew sforzati jitilqu minn djarhom minħabba gwerer u persekuzzjoni fil-​Lvant tal-​Ukrajna. B’dispjaċir xi wħud minnhom inqatlu. Imma ħafna mill-​aħwa li ħarbu ġew milqugħin fid-​djar tal-​aħwa f’partijiet oħra tal-​Ukrajna u r-​Russja. Fiż-​żewġ pajjiżi, l-​aħwa baqgħu newtrali, ma kinux “parti mid-​dinja,” u b’żelu komplew jippritkaw “l-​aħbar tajba tal-​kelma.”—Ġwanni 15:19; Atti 8:4.

GĦIN LIR-​REFUĠJATI JSAĦĦU L-​FIDI TAGĦHOM

8, 9. (a) Xi sfidi jistaʼ jkollhom ir-​refuġjati f’pajjiż ġdid? (b) Għala għandhom bżonn l-​għajnuna tagħna mogħtija b’paċenzja?

8 Xi refuġjati jiġu mġiegħla jgħixu f’parti oħra taʼ pajjiżhom stess. Madankollu, ħafna oħrajn ikollhom imorru f’pajjiż ġdid li mhumiex familjari miegħu. Veru, forsi l-​gvernijiet jagħtuhom xi ikel, ħwejjeġ, u post fejn jgħixu, però xorta hemm l-​isfidi. Pereżempju, l-​ikel jistaʼ jkun differenti ħafna minn dak li huma mdorrijin bih. Xi refuġjati li jiġu minn pajjiżi sħan jistgħu ma jkunux jafu kif għandhom jilbsu għal temp kiesaħ. Oħrajn forsi jkollhom jitgħallmu kif jużaw xi apparat modern għall-​ewwel darba.

9 Xi gvernijiet għandhom programmi biex jgħinu lir-​refuġjati jaġġustaw għall-​ħajja f’pajjiż ġdid. Imma ġeneralment, wara ftit xhur ir-​refuġjati huma mistennija jieħdu ħsieb tagħhom infushom. Dan jistaʼ jkun diffiċli ħafna. Immaġina l-​affarijiet li huma mistennija jitgħallmu f’daqqa: lingwa ġdida, drawwiet ġodda, u liġijiet ġodda dwar affarijiet bħal li jħallsu l-​kontijiet u t-​taxxi, l-​attendenza tal-​iskola, u anki d-​dixxiplina tat-​tfal! Tistaʼ bil-​paċenzja u r-​rispett tgħin lil dawn l-​aħwa rġiel u nisa li għandhom sfidi bħal dawn?—Filippin 2:3, 4.

10. Kif nistgħu nsaħħu l-​fidi tar-​refuġjati meta jaslu? (Ara l-​ewwel stampa.)

10 Kultant l-​awtoritajiet jagħmluha diffiċli għal ħutna li huma refuġjati biex jikkuntattjaw il-​kongregazzjoni lokali. Xi organizzazzjonijiet tal-​gvern jheddu li mhux se jibqgħu jgħinu lil ħutna. Jistgħu jgħidulhom li mhux se jħalluhom jgħixu fil-​pajjiż jekk jirrifjutaw xogħol li ma jippermettilhomx jattendu l-​laqgħat. Minħabba li jibżgħu u ma jkunux jafu x’se jaqbdu jagħmlu, xi wħud aċċettaw dawn ix-​xogħlijiet. Mela huwa urġenti li niltaqgħu maʼ ħutna r-​refuġjati malajr kemm jistaʼ jkun xħin jaslu. Hemm bżonn jaraw li aħna jinteressana minnhom. Il-​fatt li nkunu kkonċernati dwarhom u nagħtuhom għajnuna prattika jistaʼ jsaħħilhom il-​fidi.—Proverbji 12:25; 17:17.

AGĦTI GĦAJNUNA PRATTIKA LIR-​REFUĠJATI

11. (a) Għall-​ewwel, ir-​refuġjati xi jkollhom bżonn? (b) Ir-​refuġjati kif jistgħu juru gratitudni?

11 Għall-​ewwel, forsi jkun hemm bżonn li nagħtu ikel, ħwejjeġ, u affarijiet bażiċi oħra lil ħutna. * (Ara n-​nota taʼ taħt.) Anki rigali żgħar, bħal li nagħtu ingravata lil ħu, jistgħu jfissru ħafna. Ovvjament, ir-​refuġjati ma jkunux iridu jippretendu żżejjed, imma jridu juru li huma grati għal dak li oħrajn jagħmlu magħhom. B’hekk, l-​aħwa li jkunu qed jaqsmu m’oħrajn se jħossuhom ferħanin. Madankollu, hu importanti li eventwalment ir-​refuġjati jipprovaw jieħdu ħsieb il-​bżonnijiet tagħhom stess. Dan se jgħinhom jibqaʼ jkollhom rispett lejhom infushom u jkollhom relazzjoni tajba maʼ ħuthom. (2 Tessalonikin 3:7-​10) Xorta waħda, ir-​refuġjati għandhom bżonnha l-​għajnuna tagħna.

Kif nistgħu ngħinu lil ħutna rġiel u nisa li huma refuġjati? (Ara paragrafi 11-13)

12, 13. (a) Kif nistgħu noffru għajnuna prattika lir-​refuġjati? (b) Agħti eżempju.

12 M’għandniex bżonn ħafna flus biex ngħinu lir-​refuġjati. L-​iktar li għandhom bżonn hu l-​ħin u l-​imħabba tagħna. Pereżempju, tistaʼ turihom kif jużaw tal-​linja jew kif jixtru ikel sustanzjuż li mhuwiex għali. Tistaʼ turihom ukoll minn fejn jistgħu jsibu għodod jew apparati biex jaqilgħu xi ħaġa tal-​flus b’mod regolari. Iktar importanti minn hekk, tistaʼ tgħinhom isiru parti mill-​kongregazzjoni l-​ġdida tagħhom. Jekk inhu possibbli, offrilhom li tgħaddi għalihom għal-​laqgħat. Tistaʼ wkoll tispjegalhom l-​aħjar mod taʼ kif jagħtu xhieda lin-​nies fit-​territorju u taħdem magħhom fil-​ministeru.

13 Meta erbaʼ refuġjati żgħażagħ waslu f’kongregazzjoni, diversi anzjani tawhom għajnuna prattika. Huma għallmuhom kif isuqu karozza, kif jittajpjaw ittra, u kif japplikaw għax-​xogħol. Urewhom ukoll kif iqassmu ħinhom ħalli jkunu jistgħu jpoġġu s-​servizz taʼ Ġeħova l-​ewwel. (Galatin 6:10) Wara ftit, l-​erbgħa li huma bdew jaqdu bħala pijunieri. Grazzi għall-​għajnuna tal-​anzjani u l-​isforzi tagħhom stess biex jagħmlu miri fis-​servizz taʼ Ġeħova, huma mxew ’il quddiem bħala Kristjani u evitaw li jsiru parti mid-​dinja taʼ Satana.

14. (a) Liema tentazzjoni jridu jirreżistu r-​refuġjati? (b) Agħti eżempju.

14 Bħal kull Kristjan ieħor, ir-​refuġjati jridu jirreżistu t-​tentazzjoni u l-​pressjoni taʼ li jpoġġu affarijiet materjali qabel ir-​relazzjoni tagħhom maʼ Ġeħova. * (Ara n-​nota taʼ taħt.) Lije, li ssemma qabel, u ħutu subien u bniet jiftakru l-​lezzjonijiet importanti dwar il-​fidi li missierhom għallimhom waqt li kienu qed jaħarbu. Huma jgħidu: “Ħaġa wara l-​oħra, hu rema dak li ma kellniex bżonn mill-​affarijiet li ġarrejna magħna. Fl-​aħħar hu żamm il-​basket vojt ’il fuq u bi tbissima qal: ‘Qed taraw? Dan hu kulma għandkom bżonn!’”—Aqra l-​1 Timotju 6:8.

ĦU ĦSIEB L-​IKTAR BŻONNIJIET IMPORTANTI TAR-​REFUĠJATI

15, 16. (a) Kif nistgħu nsaħħu l-​fidi taʼ ħutna? (b) Kif nistgħu ngħinuhom emozzjonalment?

15 Ir-​refuġjati m’għandhomx bżonn biss ikel u ħwejjeġ. Huma għandhom bżonn ukoll appoġġ emozzjonali u inkuraġġiment mill-​Bibbja. (Mattew 4:4) L-​anzjani jistgħu jgħinu billi jipprovdu letteratura bil-​lingwa tar-​refuġjati u billi jgħinuhom jikkuntattjaw aħwa li jitkellmu bil-​lingwa tagħhom. Dan hu importanti ferm għaliex ħafna refuġjati ġew sforzati jħallu warajhom kull ħaġa li kienu familjari magħha. Huma qed jimmissjaw il-​familja, il-​komunità, u l-​kongregazzjoni. Hemm bżonn iħossu l-​imħabba u l-​mogħdrija taʼ Ġeħova fost il-​Kristjani sħabhom. Jekk ma jħossux dan, ir-​refuġjati għandhom mnejn ifittxu l-​għajnuna mingħand oħrajn li huma mill-​istess pajjiż tagħhom però li ma jaqdux lil Ġeħova. (1 Korintin 15:33) Meta ngħinuhom iħossuhom parti mill-​kongregazzjoni, se nkunu qed naħdmu flimkien maʼ Ġeħova biex nipproteġu “lir-​residenti barranin.”—Salm 146:9.

16 Ġesù u familtu ma setgħux imorru lura d-​dar sakemm dawk li ppersegwitawhom kienu għadhom qed imexxu l-​pajjiż. Għal raġunijiet simili, illum ir-​refuġjati forsi ma jkunux jistgħu jmorru lura fi djarhom. Madankollu, oħrajn abbli lanqas biss iridu jmorru lura. Lije jgħid li ħafna ġenituri li raw lil membri tal-​familja tagħhom jiġu rrejpjati u maqtulin f’pajjiżhom ma jridux jerġgħu jieħdu lil uliedhom lura hemm. Sabiex ngħinu lil ħutna, irridu nħossu għal xulxin, nuru affezzjoni lejn l-​aħwa, nagħdru b’tenerezza, u nkunu umli. (1 Pietru 3:8) Il-​persekuzzjoni ġiegħlet lil xi refuġjati jevitaw li jassoċjaw m’oħrajn, u għandhom mnejn jistħu jitkellmu dwar in-​niket li għaddew minnu, speċjalment quddiem uliedhom. Staqsi lilek innifsek, ‘Jekk nesperjenza wġigħ bħal dan, kif nixtieq li niġi ttrattat?’—Mattew 7:12.

META NIPPRITKAW LIL REFUĠJATI LI MHUMIEX XHIEDA

17. L-​ippritkar tagħna kif iġib serħan lir-​refuġjati?

17 Illum, ħafna mir-​refuġjati jiġu minn pajjiżi fejn ix-​xogħol tal-​ippritkar hu pprojbit. Grazzi għal Xhieda żelużi, eluf taʼ refuġjati qed jisimgħu “l-​kelma tas-​saltna” għall-​ewwel darba. (Mattew 13:19, 23) Ħafna li huma “mgħobbijin” qed isibu faraġ u serħan fil-​laqgħat tagħna u ma jdumux ma jgħidu: “Alla tassew qiegħed fostkom.”—Mattew 11:28-​30; 1 Korintin 14:25.

18, 19. Kif nistgħu nkunu għaqlin meta nippritkaw lir-​refuġjati?

18 Hemm bżonn inkunu għaqlin u “attenti” meta nippritkaw lir-​refuġjati. (Mattew 10:16; Proverbji 22:3) Ismaʼ bil-​paċenzja waqt li r-​refuġjati jkunu qed jitkellmu, imma titkellimx dwar il-​politika. Għandna nsegwu d-​direzzjoni li nirċievu mill-​uffiċċju tal-​fergħa kif ukoll mill-​awtoritajiet biex b’hekk ma nitfgħux lilna nfusna jew lil oħrajn f’riskju. Peress li r-​refuġjati jiġu minn reliġjonijiet u kulturi differenti, jeħtieġ li nitgħallmu dwar is-​sentimenti u opinjonijiet tagħhom u nirrispettawhom. Pereżempju, nies minn ċerti pajjiżi għandhom opinjonijiet sodi dwar kif mara għandha tilbes. Għalhekk, meta nkunu qed nippritkaw lil dawn in-​nies, nagħmlu tajjeb li nilbsu b’mod li mhux se joffendihom.

19 Aħna rridu ngħinu lin-​nies li qed isofru, anki lil dawk li ma jaqdux lil Ġeħova. Meta nagħmlu dan, se nkunu qed nimitaw l-​eżempju tas-​Samaritan fit-​tixbiha taʼ Ġesù. (Luqa 10:33-​37) L-​aħjar mod kif ngħinuhom hu billi ngħallmuhom dwar l-​aħbar tajba. Anzjan li għen lil ħafna refuġjati qal li hu importanti li ngħidulhom mill-​ewwel li aħna Xhieda taʼ Ġeħova. Għandna ngħidulhom li aħna qegħdin hemm primarjament biex ngħinuhom jifhmu t-​tama meraviljuża li toffri l-​Bibbja iktar milli biex nipprovdulhom għajnuna materjali.

RIŻULTATI TAʼ FERĦ

20, 21. (a) X’ġid joħroġ milli nuru mħabba ġenwina mar-​refuġjati? (b) X’se nitgħallmu fl-​artiklu li jmiss?

20 Meta nuru mħabba ġenwina mar-​“residenti barranin,” dan iġib riżultati tajbin. Meta r-​raġel taʼ oħt jisimha Alganesh miet, hi ħarbet mill-​Eritrea mas-​sitt itfal żgħar tagħha minħabba l-​persekuzzjoni. Huma kellhom jivvjaġġaw għal tmint ijiem biex jaqsmu d-​deżert. Fl-​aħħar, wara vjaġġ li ħalliehom għajjenin mejta, huma waslu s-​Sudan. “L-​aħwa hemmhekk ittrattawna bħal tal-​familja, ipprovdewlna ikel, ħwejjeġ, post għall-​kenn, u trasport,” tgħid hi. “Min kien se jkun lest li jilqaʼ lill-​istranġieri f’daru sempliċement għax jaqdu lill-​istess Alla? Ħadd ħlief ix-​Xhieda taʼ Ġeħova!”—Aqra Ġwanni 13:35.

21 Xi ngħidu dwar il-​ħafna tfal li jaslu mal-​ġenituri tagħhom? Fl-​artiklu li jmiss se nitgħallmu kif ilkoll kemm aħna nistgħu ngħinu lil dawn il-​familji jaqdu lil Ġeħova b’ferħ.

^ par. 2 F’dan l-​artiklu, il-​kelma “refuġjati” tirreferi għal nies li ġew imġiegħla jitilqu minn djarhom minħabba gwerer, persekuzzjoni, jew diżastri naturali. Jistaʼ jkun li ġew sforzati jgħixu f’pajjiż ieħor jew f’parti oħra taʼ pajjiżhom stess. Il-​Kummissarju Għoli tal-​Ġnus Magħquda għar-​Refuġjati (UNHCR) jgħid li wieħed minn kull 113-​il persuna madwar id-​dinja jiġi sforzat jitlaq minn daru.

^ par. 11 Wara li refuġjat jasal, l-​anzjani għandhom malajr kemm jistaʼ jkun isegwu d-​direzzjoni li tinsab fil-​ktieb Organizzati biex nagħmlu r-​rieda taʼ Ġeħova, kapitlu 8, paragrafu 30. Biex jikkuntattjaw kongregazzjoni fil-​pajjiż li kien jgħix fih ir-​refuġjat, l-​anzjani jistgħu jiktbu lill-​fergħa tagħhom stess permezz taʼ jw.org. Sadattant, huma jistgħu jsaqsu mistoqsijiet b’għaqal dwar il-​kongregazzjoni u l-​ministeru tar-​refuġjat biex isiru jafu l-​kundizzjoni spiritwali tiegħu.

^ par. 14 Ara l-​artikli “Ħadd ma jistaʼ jkun qaddej taʼ żewġ sidien” u “Kun mimli kuraġġ—Ġeħova hu dak li jgħinek!” fit-​Torri tal-​Għassa tal-15 t’April 2014, paġni 17-​26.