Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Tħallix imħabbtek tibred

Tħallix imħabbtek tibred

“Minħabba li jiżdied il-​ħażen tibred l-​imħabba tal-​biċċa l-​kbira min-​nies.”—MATTEW 24:12.

GĦANJIET: 60, 135

1, 2. (a) Il-​kliem taʼ Ġesù li nsibu f’​Mattew 24:12 għal min applika l-​ewwel? (b) Il-​ktieb tal-​Atti kif juri li l-​biċċa l-​kbira mill-​Kristjani tal-​bidu baqaʼ jkollhom imħabba b’saħħitha? (Ara l-​ewwel stampa.)

META Ġesù kien fuq l-​art, hu spjega kif in-​nies kellhom jidentifikaw “il-​konklużjoni tas-​sistema.” Fost affarijiet oħra, hu bassar: “Tibred l-​imħabba tal-​biċċa l-​kbira min-​nies.” (Mattew 24:3, 12) Il-​Lhud fl-​ewwel seklu sostnew li kienu l-​poplu t’Alla iżda ħallew l-​imħabba tagħhom għal Alla tibred.

2 Madankollu, il-​biċċa l-​kbira mill-​Kristjani f’dak iż-​żmien kellhom attitudni differenti. Huma kienu qed ixandru biż-​żelu “l-​aħbar tajba dwar il-​Kristu” u juru mħabba lejn Alla, lejn sħabhom fit-​twemmin, u saħansitra lejn dawk li kienu għadhom ma jafux dwar il-​verità. Dawn il-​Kristjani baqaʼ jkollhom imħabba b’saħħitha għal Alla. (Atti 2:44-​47; 5:42) Iżda b’dispjaċir, kien hemm xi Kristjani tal-​bidu li tabilħaqq ħallew l-​imħabba tibred. Dan kif nafuh?

3. X’setaʼ ġiegħel l-​imħabba taʼ xi Kristjani tibred?

3 Ġesù qal lill-​Kristjani tal-​bidu li kienu jgħixu f’Efesu: “Int tlaqt l-​imħabba li kellek fil-​bidu.” (Rivelazzjoni 2:4) Setaʼ ġara li l-​Kristjani t’Efesu kienu qed jiġu influwenzati min-​nies taʼ madwarhom li kien moħħhom l-​iktar f’li jogħġbu lilhom infushom. (Efesin 2:2, 3) Efesu kienet belt sinjura fejn in-​nies kien ħsiebhom fil-​kumditajiet u l-​lussu iktar minn kull ħaġa oħra. Ħafna wħud f’Efesu kienu wkoll immorali ħafna u ma wrewx rispett għal-​liġijiet t’Alla. Huma kien jimpurtahom iżjed f’li jiddevertu milli juru mħabba bla egoiżmu lejn Alla u lejn oħrajn.

4. (a) Kif birdet l-​imħabba fi żmienna? (b) F’liema tliet oqsma għandna nżommu mħabbitna b’saħħitha?

4 Kliem Ġesù dwar li l-​imħabba tibred japplika għal żmienna wkoll. Illum in-​nies għandhom inqas u inqas imħabba għal Alla. Miljuni taʼ nies ifittxu organizzazzjonijiet umani minflok lil Alla biex isolvu l-​problemi fid-​dinja. L-​imħabba tagħhom tkompli tibred. Anke l-​imħabba tal-​qaddejja taʼ Ġeħova tistaʼ tibred, bħalma ġara fil-​kongregazzjoni f’Efesu tal-​qedem. Allura, ejja niddiskutu tliet oqsma fejn għandna nżommu mħabbitna b’saħħitha: (1) imħabba għal Ġeħova, (2) imħabba għall-​verità tal-​Bibbja, u (3) imħabba għal ħutna.

IMĦABBA GĦAL ĠEĦOVA

5. Għala għandna nħobbu lil Alla?

5 Lil min għandna nħobbu l-​iktar? Ġesù qal: “‘Ħobb lil Ġeħova Alla tiegħek b’qalbek kollha u b’ruħek kollha u b’moħħok kollu.’ Dan hu l-​akbar u l-​ewwel kmandament.” (Mattew 22:37, 38) Imħabbitna għal Alla tgħinna nobdu l-​kmandamenti tiegħu, nissaportu, u nobogħdu dak li hu ħażin. (Aqra Salm 97:10.) Imma Satana u d-​dinja tiegħu jipprovaw idgħajfu u jeqirdu l-​imħabba li għandna għal Alla.

6. X’jiġri meta n-​nies jitilfu mħabbithom għal Alla?

6 Id-​dinja għandha ħarsa mċajpra tal-​imħabba. Minflok ma jħobbu lil Alla, ħafna nies “iħobbu lilhom infushom.” (2 Timotju 3:2) Huma jiffokaw fuq “ix-​xewqa tal-​laħam u x-​xewqa taʼ l-​għajnejn u l-​iffanfrar bil-​mezzi tal-​ħajja.” (1 Ġwanni 2:16) L-​appostlu Pawlu wissa dwar x’jistaʼ jiġri jekk nogħġbu lilna nfusna l-​ewwel. Hu qal: “Li tkun moħħok fil-​laħam ifisser mewt.” Għala? Għaliex min jagħmel dan attwalment isir l-​għadu t’Alla. (Rumani 8:6, 7) Nies li ħajjithom kollha jiffokaw fuq li jagħmlu l-​flus jew li jissodisfaw xewqat sesswali jispiċċaw diżappuntati għall-​aħħar.—1 Korintin 6:18; 1 Timotju 6:9, 10.

7. Liema ideat perikolużi jistgħu jaffettwaw lill-​Kristjani llum?

7 Ħafna atei, anjostiċi, u evoluzzjonisti jipprovaw jikkonvinċu oħrajn biex ma jħobbux lil Alla jew saħansitra biex ma jemmnux li jeżisti. Huma jagħtuk x’tifhem li biex temmen f’Ħallieq trid bilfors tkun iblah jew bla skola. Flimkien maʼ dan, ħafna nies għandhom iżjed rispett lejn xjenzjati li huma tad-​demm u l-​laħam milli lejn il-​Ħallieq. (Rumani 1:25) Anke Kristjan jistaʼ jiġi affettwat b’dawn l-​ideat. Ir-​relazzjoni tagħna maʼ Ġeħova tistaʼ tiddgħajjef, u mħabbitna tistaʼ tibred.—Ebrej 3:12.

8. (a) Liema ċirkustanzi jistgħu jiskuraġġixxu lin-​nies taʼ Ġeħova? (b) Kif jistaʼ jfarraġna Salm 136?

8 La aħna qed ngħixu fis-​sistema mill-​agħar taʼ Satana, hemm ħafna raġunijiet għal xiex kultant inħossuna skuraġġiti. (1 Ġwanni 5:19) Imma jekk inħallu lilna nfusna nsiru skuraġġiti żżejjed, il-​fidi tagħna tistaʼ tiddgħajjef u mħabbitna għal Alla tistaʼ tibred. Pereżempju, aħna nistgħu niffaċċjaw problemi minħabba età avanzata, saħħa batuta, jew problemi finanzjarji. Jew nistgħu nħossuna mnikktin għax ma nistgħux nagħmlu ċerti affarijiet tajjeb daqskemm nixtiequ. Nistgħu nkunu diżappuntati minħabba li xi affarijiet fil-​ħajja ma ġrawx kif xtaqna. Minkejja l-​isfidi li niffaċċjaw, qatt m’għandna nħossuna li Ġeħova telaqna waħedna. Aħseb fil-​kliem taʼ faraġ li nsibu f’​Salm 136:23: “Meta konna f’qagħda baxxa ftakar fina: għax il-​qalb tajba bl-​imħabba tiegħu hi għal dejjem.” Aħna nistgħu nserrħu moħħna li Ġeħova jismaʼ “t-​talb bil-​ħrara” tagħna għall-​għajnuna u se jwieġbu.—Salm 116:1; 136:24-​26.

9. X’kien li ta lil Pawlu s-​saħħa biex jibqaʼ jkollu mħabba b’saħħitha għal Alla?

9 L-​appostlu Pawlu kien qaddej t’Alla li ħaseb fil-​fond dwar kif Ġeħova appoġġjah, u dan għenu jibqaʼ sod. Hu kiteb: “Ġeħova hu dak li jgħinni; m’iniex se nibżaʼ. X’jistaʼ jagħmilli l-​bniedem?” (Ebrej 13:6) Il-​fiduċja f’Ġeħova li kellu Pawlu għenitu jkampa mal-​isfidi tal-​ħajja. Meta kellu ċirkustanzi diffiċli, ma tilifx il-​fiduċja tiegħu f’Ġeħova. Anke meta kien il-​ħabs, hu għen lil sħabu Kristjani billi kiteb ittri taʼ inkuraġġiment lill-​kongregazzjonijiet. (Efesin 4:1; Filippin 1:7; Filemon 1) Kienu x’kienu l-​problemi li ffaċċja Pawlu, hu baqaʼ jkollu mħabba b’saħħitha għal Ġeħova. Hu straħ fuq “l-​Alla taʼ kull faraġ, li jfarraġna fit-​tribulazzjoni kollha tagħna.” (2 Korintin 1:3, 4) Kif nistgħu nimitaw lil Pawlu?

Uri mħabba lejn Ġeħova (Ara paragrafu 10)

10. Kif nistgħu nżommu l-​imħabba tagħna għal Ġeħova b’saħħitha?

10 Pawlu spjega mod wieħed kif nistgħu nżommu l-​imħabba tagħna għal Alla b’saħħitha meta kiteb: “Itolbu bla waqfien.” Iktar tard kiteb ukoll: “Ipperseveraw fit-​talb.” (1 Tessalonikin 5:17; Rumani 12:12) It-​talb għala jressaqna eqreb lejn Alla? Meta nitolbu, aħna nikkomunikaw maʼ Ġeħova. Dan jagħmilha possibbli għalina li jkollna relazzjoni tajba miegħu. (Salm 86:3) Meta ngħidu l-​iktar ħsibijiet u sentimenti profondi tagħna lil Missierna tas-​sema, aħna nersqu eqreb lejh. (Salm 65:2) Ukoll, l-​imħabba tagħna għal Ġeħova tikber hekk kif naraw kif iwieġeb talbna. Aħna fiduċjużi li “Ġeħova hu qrib dawk kollha li jsejħulu.” (Salm 145:18) Il-​fiduċja tagħna fl-​imħabba u l-​appoġġ taʼ Ġeħova se tgħinna nkampaw maʼ kwalunkwe problema li nistgħu niffaċċjaw issa u fil-​futur.

IMĦABBA GĦALL-​VERITÀ TAL-​BIBBJA

11, 12. Kif nistgħu nżidu l-​imħabba tagħna għall-​verità tal-​Bibbja?

11 Bħala Kristjani, aħna nħobbu l-​verità. Huwa fil-​Kelma t’Alla li aħna nsibu l-​verità. Ġesù qal lil Missieru: “Kelmtek hi l-​verità.” (Ġwanni 17:17) Sabiex inħobbu l-​verità tal-​Bibbja għandna nkunu nafu x’hemm fil-​Bibbja. (Kolossin 1:10) Imma jinvolvi iktar minn hekk. Innota kif il-​kittieb taʼ Salm 119 jgħinna nifhmu x’għandna bżonn nagħmlu. (Aqra Salm 119:97-​100.) Matul il-​ġurnata, ikollna bżonn nimmeditaw, jew naħsbu fil-​fond, dwar dak li naqraw fil-​Bibbja. Hekk kif nimmeditaw fuq il-​benefiċċju taʼ li napplikaw il-​verità Biblika f’ħajjitna stess, aħna se nħobbuha iktar u iktar.

12 Is-​salmista qal ukoll: “Kemm hu ħelu għall-​palat tiegħi dak li għedt int, iktar ħelu mill-​għasel għal fommi!” (Salm 119:103) Il-​pubblikazzjonijiet ibbażati fuq il-​Bibbja li tipprepara l-​organizzazzjoni t’Alla huma bħal ikel delizzjuż. Meta nieklu ikel li jogħġobna, inkunu rridu nieħdu l-​ħin biex nieħdu pjaċir bih. B’mod simili, aħna rridu nieħdu l-​ħin tagħna biex nistudjaw. Imbagħad tassew li se nieħdu pjaċir bil-​“kliem pjaċevoli” tal-​verità, u se jkun eħfef biex niftakru dak li naqraw u nużawh biex ngħinu lil oħrajn.—Ekkleżjasti 12:10.

13. X’għen lil Ġeremija jħobb il-​kliem t’Alla u dan kif affettwah?

13 Il-​profeta Ġeremija kien iħobb il-​kliem t’Alla. Hu qal: “Kliemek ġie għandi, u jien kiltu; u kelmtek saret għalija l-​ferħ u l-​hena taʼ qalbi; għax ismek issejjaħ fuqi, O Ġeħova, Alla taʼ l-​armati.” (Ġeremija 15:16) Ġeremija ħaseb fil-​fond dwar il-​kliem prezzjuż t’Alla, u kien iħobbu. Hu apprezza li setaʼ jirrappreżenta lil Ġeħova u jxandar il-​messaġġ tiegħu. Jekk inħobbu l-​verità tal-​Bibbja, se nirrealizzaw xi privileġġ speċjali għandna li nkunu Xhieda taʼ Ġeħova u li nippritkaw dwar is-​Saltna f’dawn l-​aħħar jiem.

Uri mħabba għall-verità tal-Bibbja (Ara paragrafu 14)

14. X’nistgħu nagħmlu iżjed biex inżidu mħabbitna għall-​verità tal-​Bibbja?

14 X’hemm iżjed li se jgħinna nkabbru iktar imħabbitna għall-​verità tal-​Bibbja? Jeħtieġ li nkunu regolari għal-​laqgħat tal-​kongregazzjoni tagħna, fejn niġu mgħallmin minn Ġeħova. L-​istudju tal-​Bibbja taʼ kull ġimgħa permezz tat-​Torri tal-​Għassa hu wieħed mill-​modi prinċipali li bih niġu mgħallmin. Jekk aħna rridu nibbenefikaw bis-​sħiħ minn din il-​laqgħa, għandna bżonn nippreparaw minn qabel. Pereżempju, nistgħu nfittxu kull vers ċitat mill-​Bibbja. Illum, ħafna jistgħu jaqraw jew iniżżlu faċilment It-​Torri tal-​Għassa b’mod elettroniku għax hu disponibbli b’ħafna lingwi fuq il-​websajt jw.org u fl-​app tal-​JW Library. Xi formati elettroniċi jippermettulna nsibu l-​iskritturi ċitati malajr. Hu x’inhu l-​mod kif nagħżlu li nistudjaw kull artiklu, meta naqraw l-​iskritturi sew u naħsbu fil-​fond dwarhom, l-​imħabba tagħna għall-​verità tal-​Bibbja tikber.—Aqra Salm 1:2.

IMĦABBA GĦAL ĦUTNA

15, 16. (a) Skont Ġwanni 13:34, 35, liema kmand tana Ġesù? (b) L-​imħabba tagħna għal Alla u għall-​Bibbja kif inhi relatata mal-​imħabba tagħna għal ħutna?

15 Fl-​aħħar lejl tiegħu fuq l-​art, Ġesù qal lid-​dixxipli tiegħu: “Qed nagħtikom kmandament ġdid, li tħobbu lil xulxin; bħalma ħabbejtkom jien, ħobbu intom ukoll lil xulxin. B’dan ikun jaf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jekk ikollkom l-​imħabba bejnietkom.”—Ġwanni 13:34, 35.

16 L-​imħabba għal ħutna hi relatata maʼ li nħobbu lil Ġeħova. Jekk ma nħobbux lil Alla, ma nistgħux inħobbu lil ħutna. U jekk ma nħobbux lil ħutna, ma nistgħux inħobbu lil Alla. L-​appostlu Ġwanni kiteb: “Min ma jħobbx lil ħuh, li jarah, ma jistax ikun li jħobb lil Alla, li ma jarahx.” (1 Ġwanni 4:20) L-​imħabba għal Ġeħova u ħutna hi relatata wkoll mal-​imħabba tagħna għall-​Bibbja. Għala? Għaliex jekk inħobbu dak li nitgħallmu mill-​Bibbja, se nkunu rridu nobdu l-​kmandamenti li nsibu fiha biex inħobbu lil Alla u lil ħutna.—1 Pietru 1:22; 1 Ġwanni 4:21.

Uri mħabba lejn ħutek (Ara paragrafu 17)

17. B’liema modi nistgħu nuru mħabba?

17 Aqra l-​1 Tessalonikin 4:9, 10. Liema huma xi modi prattiċi li bihom nistgħu nuru mħabba lejn dawk fil-​kongregazzjoni tagħna? Ħu jew oħt anzjana għandha mnejn ikollha bżonn l-​għajnuna biex tiġi l-​laqgħat tal-​kongregazzjoni u tmur lura d-​dar. Armla jistaʼ jkun li jkollha bżonn l-​għajnuna biex issewwi xi ħaġa fid-​dar. (Ġakbu 1:27) Aħwa rġiel u nisa li huma skuraġġiti, dipressi, jew li jkunu qed jiffaċċjaw xi problemi oħra għandhom bżonn l-​attenzjoni, l-​inkuraġġiment, u l-​faraġ tagħna. (Proverbji 12:25; Kolossin 4:11) Aħna nuru li nħobbu lil “min jiġi minna fil-​fidi” b’dak li ngħidu u nagħmlu.—Galatin 6:10.

18. X’se jgħinna nirranġaw xi nuqqas taʼ ftehim maʼ ħutna?

18 Il-​Bibbja qalet li “fl-​aħħar jiem” taʼ din is-​sistema mill-​agħar, ħafna nies kienu se jkunu egoisti u rgħiba. (2 Timotju 3:1, 2) Bħala Kristjani, għandna bżonn naħdmu iebes biex inkomplu nikbru fl-​imħabba tagħna għal Ġeħova, għall-​Kelma tiegħu, u għal xulxin. Ladarba aħna imperfetti, kultant għandu mnejn ma naqblux maʼ ħutna f’affarijiet żgħar. Imma għax inħobbu lil xulxin, aħna nipprovaw nirranġaw xi differenzi b’qalb tajba u malajr kemm jistaʼ jkun. (Efesin 4:32; Kolossin 3:14) Ħalli qatt ma nħallu mħabbitna tibred! Minflok, ejja nkomplu jkollna mħabba profonda għal Ġeħova, għall-​Kelma tiegħu, u għal ħutna.