Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

“Tħobbni int iktar minn dawn?”

“Tħobbni int iktar minn dawn?”

“Xmun bin Ġwanni, tħobbni int iktar minn dawn?”—ĠWANNI 21:15.

GĦANJIET: 128, 45

1, 2. Wara li għadda lejl jistad, x’lezzjoni tgħallem Pietru?

SEBGĦA mid-​dixxipli taʼ Ġesù għaddew il-​lejl jistadu fil-​Baħar tal-​Galilija. Imma lanqas ħuta waħda ma kienu qabdu. Issa kien sebaħ, u Ġesù rxoxtat kien fuq ix-​xatt, iħares lejhom. Imbagħad qalilhom: “‘Itfgħu x-​xibka fuq in-​naħa tal-​lemin tad-​dgħajsa u ssibu xi ftit.’ Imbagħad huma tefgħuha, imma issa ma setgħux itellgħuha minħabba l-​kwantità taʼ ħut.”—Ġwanni 21:1-​6.

2 Ġesù ta ħobż u ħut bħala kolazzjon lid-​dixxipli tiegħu. Imbagħad dar lejn Xmun Pietru u staqsieh: “Xmun bin Ġwanni, tħobbni int iktar minn dawn?” Ġesù kien jaf li Pietru kien iħobb jistad. Jistaʼ jkun li Ġesù kien qed jistaqsi lil Pietru jekk kienx iħobb lilu u l-​affarijiet li għallem iktar min-​negozju tas-​sajd. Pietru wieġeb lil Ġesù: “Mulej, taf li għandi affezzjoni lejk.” (Ġwanni 21:15) Minn dakinhar ’il quddiem, Pietru ta prova taʼ dak li qal. Hu wera mħabbtu għal Kristu billi żamm ruħu okkupat fix-​xogħol tal-​ippritkar, u sar membru importanti tal-​kongregazzjoni Kristjana.

3. Il-​Kristjani għal xiex iridu joqogħdu attenti?

3 X’nistgħu nitgħallmu mill-​kliem taʼ Ġesù lil Pietru? Jeħtieġ li noqogħdu attenti biex ma nħallux l-​imħabba tagħna għal Kristu tiddgħajjef. Ġesù kien jaf li l-​ħajja f’din is-​sistema kienet se tkun mimlija stress u li konna se niffaċċjaw ansjetajiet u sfidi. Fit-​tixbiha tiegħu taʼ dak li jiżraʼ, Ġesù qal li xi nies kienu se jaċċettaw “il-​kelma tas-​saltna” u għall-​ewwel ikunu żelużi. Iżda iktar tard, “l-​ansjetà taʼ din is-​sistema u l-​qawwa qarrieqa tar-​rikkezzi” kienu se “joħonqu l-​kelma,” u dawk in-​nies kienu se jitilfu ż-​żelu tagħhom. (Mattew 13:19-​22; Marku 4:19) Jekk ma noqogħdux attenti, l-​ansjetajiet taʼ kuljum tal-​ħajja jistgħu jfixklu s-​servizz tagħna lil Ġeħova. Allura Ġesù wissa lid-​dixxipli tiegħu: “Oqogħdu attenti għalikom infuskom li qlubkom qatt ma jitqalu b’ikel u xorb żejjed u ansjetajiet tal-​ħajja.”—Luqa 21:34.

4. X’se jgħinna nkunu nafu jekk l-​imħabba tagħna għal Kristu hix b’saħħitha? (Ara l-​ewwel stampa.)

4 Bħal Pietru, aħna nistgħu nuru li nħobbu lil Kristu billi npoġġu x-​xogħol tal-​ippritkar l-​ewwel post f’ħajjitna. Kif nistgħu nagħmlu ċert li nkomplu nagħmlu dan? Nistgħu nistaqsu lilna nfusna: ‘Xi nħobb l-​iktar fil-​ħajja? X’jagħmilni ferħan, li naqdi lil Ġeħova jew li nieħu sehem f’attivitajiet oħrajn?’ Bħala għajnuna biex inwieġbu dan, ejja neżaminaw tliet oqsma tal-​ħajja li jistgħu jdgħajfu l-​imħabba tagħna għal Kristu. Dawn huma x-​xogħol sekulari, ir-​rikreazzjoni, u l-​affarijiet materjali.

ŻOMM IX-​XOGĦOL SEKULARI F’POSTU

5. X’responsabbiltà għandhom il-​kapijiet tal-​familja?

5 Għal Pietru, is-​sajd ma kienx sempliċement xi ħaġa li kien jieħu pjaċir jagħmel. Kien ix-​xogħol biex imantni lil familtu. Illum, ukoll, Ġeħova ta lill-​kapijiet tal-​familja r-​responsabbiltà biex jipprovdu għal familthom. (1 Timotju 5:8) Huma jkollhom jaħdmu iebes biex jagħmlu dan. Madankollu, f’dawn l-​aħħar jiem, ix-​xogħol sekulari jistaʼ jġib miegħu ħafna ansjetà.

6. Għala x-​xogħol sekulari jistaʼ jkun stressanti?

6 Spiss hemm iżjed nies li għandhom bżonn xogħol milli hemm xogħol għalihom. Minħabba f’hekk, in-​nies jikkompetu biex isibu xogħol. Ħafna jħossu li jkollhom jaħdmu iżjed sigħat, spiss b’inqas paga. Il-​kumpaniji qed jipprovaw jipproduċu iktar affarijiet b’inqas ħaddiema minn qatt qabel. Allura, il-​ħaddiema għandhom mnejn isiru stressati, għajjenin mejta, u saħansitra jimirdu. Ħafna jinkwetaw li se jitilfu l-​impjieg tagħhom jekk ma jagħmlux kulma jitlobhom l-​imgħallem.

Il-​Kristjani huma iktar leali lejn Ġeħova milli lejn kwalunkwe persuna oħra

7, 8. (a) Lejn min aħna l-​iktar leali? (b) Liema lezzjoni siewja tgħallem wieħed ħu mit-​Tajlandja dwar ix-​xogħol tiegħu?

7 Bħala Kristjani, aħna iktar leali lejn Ġeħova milli lejn kwalunkwe persuna oħra, inkluż min iħaddimna. (Luqa 10:27) Ix-​xogħol sekulari tagħna huwa mezz li bih nipprovdu l-​bżonnijiet bażiċi tagħna u jgħinna fil-​ministeru tagħna. Imma jekk ma noqogħdux attenti, ir-​responsabbiltajiet tagħna fuq ix-​xogħol jistgħu jfixklu l-​qima tagħna. Aħna nistgħu nitgħallmu mill-​esperjenza taʼ ħu fit-​Tajlandja. Hu qal: “Kien xogħol interessanti ħafna li nsewwi l-​kompjuters, imma kien jirrikjedi sigħat twal taʼ xogħol. B’hekk, ma kien baqagħli kważi l-​ebda ħin għal affarijiet spiritwali. Fl-​aħħar irrealizzajt li biex inpoġġi l-​interessi tas-​Saltna l-​ewwel, kelli bżonn inbiddel it-​tip taʼ xogħol li kont nagħmel.” X’għamel dan il-​ħu?

8 “Wara li kont ili nippjana kważi sena,” hu spjega, “iddeċidejt li nibda nbigħ il-​ġelat fit-​toroq. Għall-​ewwel, batejt finanzjarjament u skuraġġejt ruħi. Meta kont niltaqaʼ maʼ sħabi li kont naħdem magħhom qabel, kienu jidħqu bija u jistaqsuni għala kont naħseb li l-​bejgħ tal-​ġelati kien aħjar milli naħdem fil-​kompjuters f’ambjent bl-​arja kundizzjonata. Dort lejn Ġeħova u tlabtu jgħinni nkampa u nilħaq il-​mira tiegħi li jkolli iktar ħin għal attivitajiet spiritwali. L-​affarijiet malajr bdew mexjin ’il quddiem. Sirt naf iktar xi jħobbu l-​klijenti tiegħi u sirt iktar tas-​sengħa f’li nagħmel il-​ġelat. Wara ftit, bdejt inbigħ il-​ġelat kollu kuljum. Ngħidlek is-​sew, kont aħjar finanzjarjament milli meta kont naħdem fil-​kompjuters. Dan għamilni iktar ferħan għax m’għandix dak l-​istress u l-​inkwiet li kelli fix-​xogħol taʼ qabel. U l-​iktar importanti hu li issa nħossni eqreb taʼ Ġeħova.”—Aqra Mattew 5:3, 6.

Insib ix-​xogħol tiegħi iktar eċċitanti mis-​servizz tiegħi lil Alla?

9. Kif nistgħu nkomplu jkollna ħarsa bilanċjata lejn ix-​xogħol sekulari?

9 Ġeħova japprezza meta naħdmu iebes. Ix-​xogħol iebes huwa premjanti. (Proverbji 12:14) Imma rridu nagħmlu ċert li x-​xogħol sekulari tagħna ma jsirx iżjed importanti għalina mis-​servizz tagħna lil Ġeħova. Dwar il-​bżonnijiet materjali bażiċi tagħna, Ġesù qal: “Mela, ibqgħu fittxu l-​ewwel is-​saltna u s-​sewwa tiegħu, u dawn l-​affarijiet l-​oħrajn kollha se jiżdidulkom.” (Mattew 6:33) Imma kif inkunu nafu jekk għandniex ħarsa bilanċjata lejn ix-​xogħol sekulari? Aħna nistgħu nistaqsu lilna nfusna, ‘Insib ix-​xogħol tiegħi interessanti u eċċitanti filwaqt li nqis is-​servizz tiegħi lil Alla bħala ordinarju jew saħansitra taʼ dwejjaq?ʼ Li naħsbu dwar din il-​mistoqsija jistaʼ jgħinna naraw ċar dak li aħna verament inħobbu.

10. X’lezzjoni siewja għallem Ġesù?

10 Ġesù għallimna x’għandu jiġi l-​ewwel f’ħajjitna. Darba, hu mar id-​dar taʼ żewġ aħwa, Marija u Marta. Fil-​pront, Marta bdiet tħejjilu ikla, imma Marija qagħdet bilqiegħda ħdejn Ġesù tisimgħu jgħallem. Marta gergret li Marija ma kinitx qed tgħinha. Ġesù qal lil Marta: “Marija għażlet l-​aħjar sehem, u mhux se jittiħdilha.” (Luqa 10:38-​42) Hawn, Ġesù għallem lezzjoni siewja. Sabiex nevitaw li niġu aljenati mill-​bżonnijiet tagħna stess u biex nagħtu prova taʼ mħabbitna lil Kristu, aħna għandna nagħżlu “l-​aħjar sehem.” Dan ifisser li r-​relazzjoni tagħna maʼ Ġeħova għandha dejjem tkun l-​iktar ħaġa importanti f’ħajjitna.

KIF INQISU R-​RIKREAZZJONI U D-​DIVERTIMENT

11. Il-​Bibbja x’tgħid dwar il-​mistrieħ u r-​rilassament?

11 Ħajjitna hija mimlija ħafna, allura kultant ikollna bżonn nistrieħu u nirrilassaw. Fil-​Bibbja naqraw: “Għall-​bniedem m’hemm xejn aħjar milli jiekol u jixrob u jgawdi affarijiet tajbin minħabba x-​xogħol iebes tiegħu.” (Ekkleżjasti 2:24) Ġesù kien jaf kemm kien importanti li d-​dixxipli tiegħu jistrieħu. Pereżempju, wara li kienu qed jaħdmu bla heda fix-​xogħol tal-​ippritkar, Ġesù qalilhom: “Ejjew waħedkom f’post imwarrab u strieħu ftit.”—Marku 6:31, 32.

12. Għala għandna bżonn noqogħdu attenti dwar ir-​rikreazzjoni u d-​divertiment? Agħti eżempju.

12 Ir-​rikreazzjoni u d-​divertiment jistgħu jgħinuna nistrieħu u nirrilassaw. Imma għandna noqogħdu attenti li l-​pjaċir li nieħdu ma jsirx l-​iktar ħaġa importanti f’ħajjitna. Fl-​ewwel seklu, ħafna kellhom din l-​attitudni: “Ħa nieklu u nixorbu, għax għada mmutu.” (1 Korintin 15:32) Din l-​istess attitudni hija komuni llum ukoll. Pereżempju, raġel żagħżugħ fl-​Ewropa tal-​Punent beda jattendi laqgħat Kristjani. Imma tant kien iħobb id-​divertiment li waqaf jassoċja max-​Xhieda taʼ Ġeħova. Iżda, iktar tard irrealizza li minħabba li ffoka fuq id-​divertiment inqalgħulu ħafna problemi. Għal darb’oħra beda jistudja l-​Bibbja u maż-​żmien setaʼ jibda jipprietka l-​aħbar tajba. Wara l-​magħmudija tiegħu qal: “L-​uniku dispjaċir li għandi hu li tlift ħafna żmien qabel ma rrealizzajt illi li naqdi lil Ġeħova jġib bil-​wisq iżjed ferħ milli niġri wara d-​divertiment li toffri din id-​dinja.”

13. (a) Agħti tixbiha li turi għala ħafna rikreazzjoni u divertiment mhuwiex tajjeb. (b) X’jistaʼ jgħinna jkollna ħarsa bilanċjata lejn ir-​rikreazzjoni u d-​divertiment?

13 Ir-​rikreazzjoni għandha tgħinna nirrilassaw u nerġgħu niksbu l-​enerġija. Allura kemm għandna nqattgħu ħin fir-​rikreazzjoni? Sabiex niġu megħjunin inwieġbu, nistgħu naħsbu dwarha b’dan il-​mod. Ħafna nies iħobbu jieklu l-​kejkijiet u l-​ħelu. Imma aħna nafu li jekk nikluhom il-​ħin kollu, is-​saħħa tagħna se tmur minn taħt. Jekk irridu nkunu f’saħħitna, aħna għandna nieklu dak li hu tajjeb għalina. Bl-​istess mod, jekk inqattgħu l-​biċċa l-​kbira mill-​ħin tagħna f’rikreazzjoni u divertiment, dan se jaffettwa r-​relazzjoni tagħna maʼ Ġeħova. X’se jgħinna nkunu nafu jekk għandniex ħarsa bilanċjata lejn ir-​rikreazzjoni? Xi ħaġa li nistgħu nagħmlu hi li nagħżlu ġimgħa u niktbu n-​numru taʼ sigħat li qattajna f’attivitajiet relatati mas-​servizz tagħna lil Ġeħova, bħal-​laqgħat Kristjani, ix-​xogħol tal-​ippritkar, u l-​istudju tal-​Bibbja. Imbagħad nistgħu nniżżlu n-​numru taʼ sigħat tal-​istess ġimgħa li qattajna f’rikreazzjoni, bħal sports, televixin, jew logħob elettroniku. Meta nqabblu ż-​żewġ numri, xi nsibu? Hemm bżonn nagħmlu bidla?—Aqra Efesin 5:15, 16.

14. X’jistaʼ jgħinna nagħżlu rikreazzjoni u divertiment tajjeb?

14 Ġeħova jippermettilna nagħżlu r-​rikreazzjoni tagħna, u l-​kapijiet tal-​familja wkoll jistgħu jagħżlu r-​rikreazzjoni għall-​familja tagħhom. Fil-​Bibbja, Ġeħova jagħtina prinċipji li juru kif jaħseb. Dawn il-​prinċipji jgħinuna nieħdu deċiżjonijiet tajbin. * (Ara n-​nota taʼ taħt.) Rikreazzjoni tajba hi “għotja t’Alla.” (Ekkleżjasti 3:12, 13) Veru, nies differenti jippreferu divertiment differenti. (Galatin 6:4, 5) Imma hu x’inhu d-​divertiment li nagħżlu, xorta rridu noqogħdu attenti. Ġesù qal: “Fejn hemm it-​teżor tiegħek, hemm tkun qalbek ukoll.” (Mattew 6:21) Imħabbitna għas-​Sultan tagħna, Ġesù, tqanqalna naħsbu, nitkellmu, u naġixxu b’mod li juri li s-​Saltna hija iktar importanti għalina minn kull ħaġa oħra.—Filippin 1:9, 10.

IL-​ĠLIEDA TAGĦNA KONTRA L-​MATERJALIŻMU

15, 16. (a) Il-​materjaliżmu kif jistaʼ jsir nasba għalina? (b) Ġesù liema parir għaqli ta dwar l-​affarijiet materjali?

15 Ħafna llum iħossu li għandu jkollhom ħwejjeġ tal-​aħħar moda, mowbajls u kompjuters l-​iktar reċenti, u nibqgħu sejrin. Huma jiġu affettwati bil-​materjaliżmu—stil taʼ ħajja fejn l-​affarijiet materjali u l-​flus huma iktar importanti minn kull ħaġa oħra. Bħala Kristjan, x’inhu l-​iktar importanti għalik? Staqsi lilek innifsek: ‘Inqattaʼ iktar ħin naħseb dwar l-​aħħar karozzi jew moda milli nipprepara għal-​laqgħat tal-​kongregazzjoni? Sirt għandi x’nagħmel tant fl-​attivitajiet taʼ kuljum li jkolli inqas ħin nitlob jew naqra l-​Bibbja?ʼ Jekk ma noqogħdux attenti, l-​imħabba għal affarijiet materjali tistaʼ ssir iktar importanti mill-​imħabba tagħna għal Kristu. Aħna għandna naħsbu dwar kliem Ġesù: “Għassu kontra kull xenqa b’għira.” (Luqa 12:15) Għala qal dan il-​kliem?

Mhux possibbli li nagħtu l-​aħjar tagħna lil Ġeħova u fl-​istess ħin inkunu ffokati fuq affarijiet materjali

16 Ġesù qal li “ħadd ma jistaʼ jkun ilsir taʼ żewġ sidien.” Żied jgħid: “Ma tistgħux tkunu lsiera t’Alla u tal-​flus.” Mhux possibbli li nagħtu l-​aħjar tagħna lil Ġeħova u fl-​istess ħin inkunu ffokati fuq affarijiet materjali. Ġesù spjega li jew se ‘nobogħdu lil wieħed u nħobbu lill-​ieħor’ jew ‘nintrabtu maʼ wieħed u nistmerru lill-​ieħor.’ (Mattew 6:24) Peress li imperfetti, għandna nkomplu niġġieldu kontra “x-​xewqat taʼ laħamna,” inkluż il-​materjaliżmu.—Efesin 2:3.

17. (a) Xi wħud għala jsibuha diffiċli li jkollhom attitudni bilanċjata dwar l-​affarijiet materjali? (b) X’jgħinna niġġieldu kontra l-​materjaliżmu?

17 Ħafna nies tant huma ffokati fuq ix-​xewqat u l-​pjaċiri tagħhom stess li jsibuha diffiċli jkollhom ħarsa bilanċjata tal-​affarijiet materjali. (Aqra l-​1 Korintin 2:14.) Minħabba li ma jkunux qed jaħsbu ċar, jistaʼ jkun diffiċli għalihom li jaraw id-​differenza bejn it-​tajjeb u l-​ħażin. (Ebrej 5:11-​14) Ix-​xewqa tagħhom għal affarijiet materjali tistaʼ ssir iktar u iktar b’saħħitha. U iktar ma jkollhom, iktar iridu. (Ekkleżjasti 5:10) Imma hemm xi ħaġa li nistgħu nagħmlu biex niġġieldu kontra dan il-​mod taʼ ħsieb. Il-​qari regolari tal-​Kelma t’Alla se jsaħħaħna biex inkunu nistgħu nirreżistu l-​materjaliżmu. (1 Pietru 2:2) Ġesù mmedita fuq l-​għerf taʼ Ġeħova, u dan għenu jirreżisti t-​tentazzjonijiet tax-​Xitan. (Mattew 4:8-​10) Illum, ukoll, jekk irridu nirreżistu l-​materjaliżmu, għandna bżonn inpoġġu fil-​prattika l-​għerf taʼ Ġeħova f’ħajjitna. Dan se juri lil Ġesù li nħobbuh iktar mill-​affarijiet materjali.

X’inhu l-​iktar importanti f’ħajtek? (Ara paragrafu 18)

18. X’int determinat li tagħmel?

18 Meta Ġesù staqsa lil Pietru, “Tħobbni int iktar minn dawn?” hu kien qed ifakkru fil-​bżonn li jpoġġi l-​affarijiet spiritwali l-​ewwel f’ħajtu. Hu interessanti li isem Pietru jfisser “Biċċa minn blata.” Il-​kwalitajiet tajbin taʼ Pietru jistgħu jitqabblu maʼ blata. (Atti 4:5-​20) Illum, aħna wkoll irridu li mħabbitna għal Kristu tkun soda. Allura nagħmlu ċert li x-​xogħol sekulari, ir-​rikreazzjoni, u l-​affarijiet materjali jkollhom il-​post xieraq f’ħajjitna. Imbagħad se jkun bħallikieku aħna, bħal Pietru, qed ngħidu: “Mulej, taf li għandi affezzjoni lejk.”

^ par. 14 Ara l-​artiklu “Tiswielek taʼ Ġid ir-​Rikreazzjoni Tiegħek?” fit-​Torri tal-​Għassa tal-​15 t’Ottubru 2011, paġni 9-12, paragrafi 6-15.