Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-​ISTUDJU 21

Ġeħova Se Jagħtik is-​Saħħa

Ġeħova Se Jagħtik is-​Saħħa

“Meta nkun dgħajjef, inkun setgħan.”—2 KOR. 12:10.

GĦANJA 73 Għinna nxandru bil-​qlubija

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1-2. Liema provi qegħdin jiffaċċjaw ħafna aħwa?

L-​APPOSTLU PAWLU ħeġġeġ lil Timotju biex ikompli jagħmel dak kollu li jistaʼ għal Alla. (2 Tim. 4:5) Ilkoll kemm aħna nieħdu dan il-​parir bis-​serjetà u nagħmlu l-​almu tagħna fix-​xogħol taʼ Ġeħova. Imma xi kultant, dan mhux faċli. Ħafna minn ħutna għandhom bżonn il-​kuraġġ biex jippritkaw. (2 Tim. 4:2) Pereżempju, aħseb f’ħutna li jgħixu f’postijiet fejn ix-​xogħol tagħna ma jistax isir. Minkejja li jafu li jistgħu jispiċċaw il-​ħabs, huma xorta jibqgħu jippritkaw!

2 Il-​qaddejja taʼ Ġeħova jiffaċċjaw ħafna problemi li jistgħu jiskuraġġuhom. Pereżempju, ħafna jaħdmu iebes biex ilaħħqu mal-​ħajja. Huma jkunu jixtiequ jagħmlu iktar għal Ġeħova, imma fl-​aħħar tal-​ġimgħa jħossuhom għajjenin. Oħrajn minħabba l-​mard, ix-​xjuħija, jew għax ma jistgħux joħorġu mid-​dar, ma jistgħux jagħmlu ħafna għal Ġeħova. U oħrajn dejjem iħossuhom li ma jiswew għal xejn. Oħt jisimha Mary * tgħid: “Meta nkun skuraġġita, tant ikolli niġġieled mas-​sentimenti tiegħi li wara nħossni għajjiena. Imbagħad inħossni ħażin għax ma nkunx użajt il-​ħin u l-​enerġija tiegħi biex naqdi lil Ġeħova.”

3. F’dan l-​artiklu x’se nikkunsidraw?

3 Huma x’inhuma l-​problemi li għandna, Ġeħova jistaʼ jagħtina s-​saħħa biex inkomplu naqduh bl-​aħjar mod li nistgħu. Imma qabel nikkunsidraw kif Ġeħova jistaʼ jgħinna, ejja naraw kif għen lil Pawlu u lil Timotju jkomplu jaqduh minkejja l-​problemi li kellhom.

ĠEĦOVA JAGĦTINA S-​SAĦĦA BIEX INKOMPLU NIPPRITKAW

4. Pawlu liema provi ffaċċja?

4 Pawlu ffaċċja ħafna provi. Hu kellu bżonn l-​għajnuna taʼ Ġeħova meta l-​għedewwa tiegħu sawtuh, tefgħuh fil-​ħabs, u anki provaw joqtluh. (2 Kor. 11:23-​25) Pawlu ammetta li hu kellu jiġġieled kontra emozzjonijiet negattivi. (Rum. 7:18, 19, 24) U hu kellu wkoll problema f’saħħtu li kienet bħal “xewka fil-​laħam,” u xtaq li Alla jfejqu minnha.—2 Kor. 12:7, 8.

X’għen lil Pawlu jkompli jaqdi lil Alla? (Ara paragrafi 5-​6) *

5. Pawlu xi rnexxielu jagħmel minkejja l-​problemi li ffaċċja?

5 Ġeħova ta s-​saħħa lil Pawlu biex minkejja l-​problemi li kellu, ikompli jaqdih. Aħseb ftit dwar dak li rnexxielu jagħmel Pawlu. Pereżempju, meta hu kien arrestat ġo dar f’Ruma, hu pprietka lil ħafna nies inkluż lill-​uffiċjali tal-​gvern. (Atti 28:17; Flp. 4:21, 22) Hu pprietka wkoll lil ħafna mill-​Gwardja Pretorjana, u ta xhieda wkoll lil dawk li kienu jmorru jżuruh. (Atti 28:30, 31; Flp. 1:13) Matul dak iż-​żmien, Ġeħova uża lil Pawlu biex jikteb ittri li għenu lill-​Kristjani veri fil-​passat u qed jgħinu lilna llum. Barra minn hekk, l-​eżempju taʼ Pawlu saħħaħ lil ħafna aħwa fil-​kongregazzjoni taʼ Ruma, u b’hekk dawn kellhom “iktar u iktar kuraġġ biex jitkellmu l-​kelma t’Alla bla biżaʼ.” (Flp. 1:14) Għalkemm Pawlu ma setax jagħmel daqs kemm xtaq, hu għamel dak li setaʼ, u dan “irriżulta fl-​avanz taʼ l-​aħbar tajba.”—Flp. 1:12.

6. Skont it-​2 Korintin 12:9, 10, x’għen lil Pawlu biex ikompli jaqdi lil Alla?

6 Pawlu rrealizza li għamel dak li għamel grazzi għall-​għajnuna li tah Ġeħova. Hu qal li l-​qawwa t’Alla “tintgħamel perfetta fid-​dgħufija.” (Aqra t-​2 Korintin 12:9, 10.) Permezz tal-​ispirtu qaddis, Ġeħova ta s-​saħħa lil Pawlu biex ikompli jaqdih minkejja l-​persekuzzjoni, il-​ħabs, u provi oħrajn li ffaċċja.

X’għen lil Timotju jkompli jaqdi lil Alla? (Ara paragrafu 7) *

7. Xi problemi ffaċċja Timotju li setgħu għamluhielu diffiċli biex ikompli jaqdi lil Ġeħova?

7 Timotju, li kien jgħin lil Pawlu, ukoll kellu jistrieħ fuq Ġeħova biex iwettaq ix-​xogħol tiegħu. Huma vvjaġġaw flimkien biex jagħmlu x-​xogħol bħala missjunarji. Barra minn hekk, Pawlu bagħat lil Timotju biex iżur lill-​kongregazzjonijiet. (1 Kor. 4:17) Timotju jistaʼ jkun li ma ħassux kapaċi u jaf għalhekk Pawlu qallu: “Tħalli lil ħadd qatt imaqdar żgħożitek.” (1 Tim. 4:12) Barra minn hekk, Timotju wkoll kellu xewka fil-​laħam għax kien jimrad spiss. (1 Tim. 5:23) Imma hu kien jaf li Ġeħova se jagħtih is-​saħħa biex ikompli jipprietka u jgħin lill-​aħwa.—2 Tim. 1:7.

ĠEĦOVA JAGĦTINA S-​SAĦĦA BIEX NIBQGĦU LEALI MINKEJJA L-​PROBLEMI

8. Ġeħova kif isaħħaħ lill-​qaddejja tiegħu llum?

8 Illum, Ġeħova jagħti lill-​qaddejja tiegħu “l-​qawwa iktar min-​normal” biex huma jkomplu jaqduh lealment. (2 Kor. 4:7) Ejja nikkunsidraw erbaʼ affarijiet li tana Ġeħova biex jgħinna nibqgħu leali lejh, li huma t-​talb, il-​Bibbja, l-​aħwa, u l-​ippritkar.

Ġeħova jsaħħaħna permezz tat-talb (Ara paragrafu 9)

9. It-​talb kif jistaʼ jgħinna?

9 Nissaħħu permezz tat-​talb. Kif naraw f’​Efesin 6:18, Pawlu jinkuraġġina biex nitolbu lil Alla “f’kull okkażjoni.” Alla se jwieġeb it-​talb tagħna billi jgħinna. Jonnie, li jgħix fil-​Bolivja, ħass l-​għajnuna taʼ Ġeħova meta kien qed jiffaċċja ħafna problemi. Il-​mara u l-​ġenituri tiegħu mardu serjament fl-​istess żmien. Kien diffiċli ħafna għal Jonnie biex jieħu ħsiebhom it-​tlieta li huma. Ommu mietet, u missieru u l-​mara tiegħu damu ħafna biex fiequ mill-​marda li kellhom. Meta jiftakar f’dak iż-​żmien, Jonnie jgħid, “Meta kont inħossni inkwetat ħafna, kont nitlob lil Ġeħova u ngħidlu kif kont qed inħossni.” U dan għenni ħafna. Ġeħova ta s-​saħħa lil Jonnie biex jibqaʼ jissaporti. Ronald, anzjan fil-​Bolivja, sar jaf li ommu għandha kanċer. Hi mietet fi żmien xahar. X’għen lil Ronald matul dan iż-​żmien diffiċli? Hu jgħid: “Meta nitlob lil Ġeħova ngħidlu dak kollu li nkun qed inħoss. Jien naf li hu l-​iktar persuna li tistaʼ tifhimni.” Kultant forsi nħossuna li ma nkunux nistgħu nissaportu l-​problemi li jkollna u ma nkunux nafu x’se nitolbu. Imma Ġeħova jgħidilna biex nitolbuh, anki jekk ma nkunux nafu kif se npoġġu l-​kliem.—Rum. 8:26, 27.

Ġeħova jsaħħaħna permezz tal-Bibbja (Ara paragrafu 10)

10. Kif naraw f’​Ebrej 4:12, għala huwa importanti li naqraw il-​Bibbja u nimmeditaw fuqha?

10 Nissaħħu permezz tal-​Bibbja. Pawlu kien jaqra l-​Iskrittura biex iħossu b’saħħtu u inkuraġġit, u aħna rridu nagħmlu l-​istess. (Rum. 15:4) Meta naqraw il-​Bibbja u nimmeditaw fuqha, Ġeħova jistaʼ juża l-​ispirtu tiegħu biex jgħinna nifhmu kif dak li qrajna jistaʼ japplika għas-​sitwazzjoni tagħna. (Aqra Ebrej 4:12.) Ronald, li semmejna qabel jgħid: “Jiena vera kuntent li għamiltha mira li naqra l-​Bibbja kull filgħaxija. Immeditajt ħafna fuq il-​kwalitajiet taʼ Ġeħova u kif hu ħa ħsieb lill-​qaddejja tiegħu. Dan saħħaħni ħafna.”

11. Il-​Bibbja kif għenet lil oħt li mitilha r-​raġel?

11 Meta nimmeditaw fuq il-​Kelma t’Alla se jgħinna biex niffaċċjaw il-​problemi tagħna b’attitudni pożittiva. Ejja naraw kif il-​Bibbja għenet lil oħt li mitilha r-​raġel. Anzjan issuġġerielha li taqra l-​ktieb taʼ Ġob għax minnu tistaʼ titgħallem ħafna lezzjonijiet. Meta qratu, l-​ewwel ħaġa li għamlet kienet li kkritikat lil Ġob għall-​mod kif ħaseb. Hi rraġunat li Ġob kien qed jaħseb biss dwar il-​problemi tiegħu. Imma mbagħad indunat li l-​attitudni tagħha kienet bħal taʼ Ġob. Dan għenha biex tbiddel il-​mod kif kienet qed taħsibha u għenha wkoll biex tkampa mal-​uġigħ minħabba li tilfet ir-​raġel.

Ġeħova jsaħħaħna permezz tal-aħwa (Ara paragrafu 12)

12. Ġeħova kif juża lill-​aħwa biex isaħħaħna?

12 Nissaħħu permezz tal-​aħwa. Mod ieħor kif Ġeħova jsaħħaħ lill-​qaddejja tiegħu hu permezz tal-​aħwa. Pawlu kiteb li hu xtaq jinkuraġġixxi lill-​aħwa u huma jinkuraġġixxu lilu. (Rum. 1:11, 12) Mary, li diġà semmejna, tieħu pjaċir tkun mal-​aħwa. Hi tgħid: “Ġeħova uża lil aħwa li lanqas biss kienu jafu bil-​problemi tiegħi. Huma inkuraġġewni ħafna b’dak li qaluli u anki b’xi kartolina. Dan kien dak li kelli bżonn. Kienu t’għajnuna wkoll l-​aħwa nisa li għaddew minn problemi simili għal tiegħi u tgħallimt ħafna minn dak li għamlu huma. U l-​anzjani dejjem iġegħluni nħossni maħbuba fil-​kongregazzjoni.”

13. Kif nistgħu ninkuraġġixxu lil xulxin fil-​laqgħat?

13 Wieħed mill-​aħjar postijiet fejn nistgħu ninkuraġġixxu lil xulxin huwa fil-​laqgħat. Meta tmur il-​laqgħat, inti tistaʼ tinkuraġġixxi lil ħutek billi tgħidilhom li tħobbhom u tapprezza dak kollu li jagħmlu. Pereżempju, darba waħda qabel il-​laqgħa, anzjan jismu Peter qal lil oħt li r-​raġel mhux tal-​istess twemmin: “Vera tinkuraġġini meta narak hawnhekk b’sitt itfal u mhux hekk biss, imma jkunu preparati biex jikkummentaw.” Dak il-​ħin għajnejha mtlewlha bid-​dmugħ u qaltlu: “Għadek ma tafx kemm kelli bżonn nismaʼ dan il-​kliem.”

Ġeħova jsaħħaħna permezz tal-ippritkar (Ara paragrafu 14)

14. Ix-​xogħol tal-​ippritkar kif jistaʼ jgħinna?

14 Nissaħħu permezz tal-​ippritkar. Meta nippritkaw lin-​nies aħna nħossuna aħjar anki jekk ma jisimgħux il-​messaġġ tagħna. (Prov. 11:25) Oħt jisimha Stacy indunat kemm l-​ippritkar jistaʼ jgħinha. Meta xi ħadd fil-​familja tagħha ġie maqtugħ mis-​sħubija kienet tħossha vera mdejqa u kienet dejjem tistaqsi lilha nfisha, ‘Stajt nagħmel iktar biex ngħin?’ Kien diffiċli għaliha biex ma taħsibx dwar din il-​problema. X’għenha biex tħossha aħjar? L-​ippritkar! Meta kienet tipprietka, hi kienet taħseb dwar dak li għandhom bżonn in-​nies fit-​territorju tagħha. Hi tgħid: “Matul dak iż-​żmien Ġeħova tani studenta tal-​Bibbja li għamlet progress malajr. Dan vera inkuraġġieni. L-​iktar ħaġa t’għajnuna li sibt kien l-​ippritkar.”

15. X’tgħallimt minn dak li qalet Mary?

15 Minħabba ċ-​ċirkustanzi, xi wħud jaf iħossuhom li mhux qed jagħmlu biżżejjed fil-​ministeru. Jekk tħossok hekk, tinsiex li Ġeħova jkun kuntent meta inti tagħmel l-​aħjar li tistaʼ. Erġaʼ kkunsidra l-​eżempju taʼ Mary. Meta marret tipprietka f’post fejn in-​nies jitkellmu b’lingwa differenti, ma tantx ħassitha utli. Hi tgħid, “Għal xi żmien kulma stajt nagħmel kien li nagħti kumment sempliċi, naqra xi vers tal-​Bibbja, jew inħalli xi fuljett fil-​ministeru.” Meta qabblet ruħha maʼ oħrajn li kienu jafu l-​lingwa, hi kienet tħossha li mhix tajba biżżejjed. Però, ma baqgħetx taħsibha b’dan il-​mod. Hi rrealizzat li Ġeħova xorta jistaʼ jużaha, anki jekk ma tafx il-​lingwa sew. Hi tgħid, “Il-​messaġġ tal-​Bibbja hu sempliċi u dan jistaʼ jbiddel il-​ħajja tan-​nies.”

16. X’jistaʼ jgħin lil dawk li ma jistgħux joħorġu jippritkaw?

16 Ġeħova jaf li xi wħud minna jixtiequ jippritkaw imma ma jistgħux joħorġu mid-​dar. Imma hu jistaʼ jgħinna biex nippritkaw lil dawk li jieħdu ħsiebna, jew lin-​nurses u t-​tobba. Jekk noqogħdu nqabblu dak li qed nagħmlu issa maʼ dak li konna nagħmlu nistgħu nħossuna skuraġġiti. Imma jekk nifhmu kif Ġeħova qed jgħinna issa se jkollna s-​saħħa biex niffaċċjaw il-​provi bil-​ferħ.

17. Skont Ekkleżjasti 11:6, għala għandna nkomplu nagħmlu l-​almu tagħna fl-​ippritkar anki meta ma narawx riżultati mill-​ewwel?

17 Aħna ma nafux liema żerriegħa li niżirgħu se taqbad u tibda tikber. (Aqra Ekkleżjasti 11:6.) Pereżempju Barbara, oħt li għandha fuq it-​80, tipprietka bit-​telefown u bl-​ittri. F’waħda mill-​ittri li bagħtet għamlet ukoll It-​Torri tal-​Għassa tal-​1 taʼ Marzu tal-​2014, li kien fih l-​artiklu “X’għamel Alla għalik?” Hi ma kinitx taf li bagħtet l-​ittra lil koppja li ma kinux baqgħu jaqdu lil Ġeħova. Huma qraw ir-​rivista għal darba wara l-​oħra u r-​raġel ħass li Ġeħova kien qed ikellmu. Il-​koppja bdew jattendu l-​laqgħat u wara iktar minn 27 sena reġgħu bdew jaqdu lil Ġeħova. Immaġina kemm ħassitha inkuraġġita Barbara b’dak li rnexxielha twettaq bl-​ittra li bagħtet!

Ġeħova jsaħħaħna permezz (1) tat-​talb, (2) tal-​Bibbja, (3) tal-​aħwa, u (4) tal-​ippritkar (Ara paragrafi 9-​10, 12, 14)

18. Xi rridu nagħmlu biex Ġeħova jagħtina s-​saħħa?

18 Ġeħova jagħtina ħafna affarijiet biex isaħħaħna, bħal pereżempju t-​talb, il-​Bibbja, l-​aħwa, u l-​ippritkar. Meta nieħdu vantaġġ minn dawn l-​affarijiet, nuru lil Ġeħova li aħna nafdaw fih u nixtiequ li hu jgħinna. Għalhekk, għandna dejjem nafdaw f’Missierna tas-​sema li jieħu pjaċir “juri s-​saħħa tiegħu għan-​nom taʼ dawk li qalbhom hi sħiħa lejh.”—2 Kron. 16:9.

GĦANJA 61 Irsistu, intom ix-​Xhieda!

^ par. 5 Aħna qed ngħixu fi żminijiet diffiċli, imma Ġeħova se jagħtina s-​saħħa biex nissaportu. F’dan l-​artiklu se naraw kif Ġeħova għen lil Pawlu u lil Timotju biex ikomplu jaqduh minkejja l-​problemi li kellhom. Se niddiskutu wkoll erbaʼ affarijiet li tana Ġeħova biex b’hekk inkomplu naqduh.

^ par. 2 L-​isem ġie mibdul.

^ par. 53 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Waqt li qiegħed arrestat f’Ruma, Pawlu jikteb ittri lill-​kongregazzjonijiet u jipprietka l-​messaġġ tal-​aħbar tajba lil dawk li jżuruh.

^ par. 55 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Timotju jinkuraġġixxi lill-​aħwa waqt li jżur lill-​kongregazzjonijiet.