ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 20
Kompli Pprietka u Taqtax Qalbek
“Iżraʼ ż-żerriegħa tiegħek . . . u tħallix idek tistrieħ.”—EKK. 11:6.
GĦANJA 70 Fittxu lil min jistħoqqlu
ĦARSA BIL-QUDDIEM *
1. Ġesù x’eżempju ħallielhom id-dixxipli tiegħu, u huma x’għamlu? (Ara l-istampa tal-qoxra.)
META Ġesù kien fuq l-art hu baqaʼ jipprietka lin-nies u baqaʼ jittama li huma se jisimgħu minnu. Ġesù ried li d-dixxipli tiegħu jagħmlu bħalu. (Ġw. 4:35, 36) Meta huma kienu miegħu ppritkaw b’żelu. (Lq. 10:1, 5-11, 17) Però, meta Ġesù ġie arrestat u maqtul id-dixxipli tiegħu ħassewhom skuraġġiti. (Ġw. 16:32) Imma wara li Ġesù ġie rxoxtat, hu inkuraġġiehom biex ikomplu jippritkaw. U wara li telaʼ s-sema, huma tant ippritkaw b’żelu li l-għedewwa tagħhom qalu: “Ara, imlejtu lil Ġerusalemm bit-tagħlim tagħkom.”—Atti 5:28.
2. Ġeħova kif bierek ix-xogħol tal-ippritkar?
2 Ġesù ggwida lill-Kristjani tal-bidu waqt l-ippritkar, u Ġeħova kompla jgħinhom. Għalhekk, ħafna nies aċċettaw il-messaġġ tagħhom. Pereżempju, f’Pentekoste tas-sena 33, madwar 3,000 ruħ tgħammdu. (Atti 2:41) U d-dixxipli komplew jiżdiedu. (Atti 6:7) Minkejja dan, Ġesù bassar li fl-aħħar jiem ħafna nies kienu se jaċċettaw l-aħbar tajba.—Ġw. 14:12; Atti 1:8.
3-4. F’xi pajjiżi għala l-ministeru mhux faċli, u x’se nikkunsidraw f’dan l-artiklu?
3 Ilkoll kemm aħna nipprovaw nibqgħu nippritkaw bil-ferħ. F’xi pajjiżi dan faċli. Għala? Għax tant hemm nies li
jixtiequ jistudjaw il-Bibbja li xi wħud ikollhom jistennew sakemm xi ħadd ikun jistaʼ jagħmlilhom l-istudju! Imma f’pajjiżi oħrajn, il-pubblikaturi ma jsibuhx daqshekk faċli x-xogħol tal-ippritkar. In-nies ma tantx ikunu d-dar, u dawk li jsibu fid-djar ma jurux interess.4 Jekk tgħix f’pajjiż fejn l-ippritkar mhux faċli, is-suġġerimenti f’dan l-artiklu jistgħu jgħinuk biex ma taqtax qalbek. Se nikkunsidraw x’għamlu xi wħud biex jiltaqgħu maʼ iktar nies fil-ministeru. U se nikkunsidraw ukoll kif nistgħu nibqgħu pożittivi minkejja li n-nies ma jkunux iridu jisimgħu l-messaġġ tagħna.
TAQTAX QALBEK JEKK MA SSIBX LIN-NIES
5. Ħafna pubblikaturi liema sfidi jiffaċċjaw?
5 Qed isir iktar diffiċli biex il-pubblikaturi jsibu lin-nies fid-dar tagħhom. F’xi territorji hemm appartamenti li jkollhom ħafna sigurtà. Dawn l-appartamenti jaf ikollhom lil xi ħadd għassa u ma jħallu lil ħadd jidħol mingħajr permess. F’territorji oħrajn, mhux diffiċli biex jippritkaw minn bieb għal bieb, imma ħafna drabi ma jsibux nies id-dar. U xi kongregazzjonijiet għandhom territorji fl-imwarrab, fejn ma tantx jgħixu nies. U ġieli wara li jkunu ilhom jivvjaġġaw xorta ma jsibuhomx id-dar! Jekk nippritkaw f’territorji bħal dawn, m’għandniex naqtgħu qalbna. Xi rridu nagħmlu biex negħlbu dawn l-isfidi u nkellmu lil iktar nies?
6. L-ippritkar kif inhu simili għax-xogħol tas-sajd?
6 Ġesù qabbel ix-xogħol tal-ippritkar max-xogħol tas-sajd. (Mk. 1:17) Xi sajjieda jaf jagħmlu ġranet jistadu u ma jaqbdux ħut. Imma dawn is-sajjieda ma jaqtgħux qalbhom. Minflok, huma jbiddlu l-ħin, il-post, u l-mod kif jistadu. Aħna nistgħu nagħmlu xi ħaġa simili fil-ministeru. Ejja nikkunsidraw x’nistgħu nagħmlu.
7. Kif jistaʼ jkun taʼ benefiċċju jekk nippritkaw f’ħinijiet differenti?
7 Ipprova mur f’ħinijiet differenti. Se jkollna iktar ċans insibu lin-nies meta mmorru fil-ħin li huma jkunu qegħdin id-dar tagħhom. Wara kollox, f’xi ħin jew ieħor kulħadd imur id-dar! Ħafna aħwa jippritkaw waranofsinhar jew filgħaxija għax isibu iktar nies. Barra minn hekk, dak il-ħin in-nies ma jkunux daqshekk imħabbtin u jkunu lesti iktar li jitkellmu. Jew tistaʼ tipprova tagħmel bħalma għamel ħu anzjan li jismu David. Hu qal li wara li jkun ipprietka għal madwar sagħtejn, jerġaʼ jmur jagħmel lil dawk li ma sabx id-dar. Meta jerġgħu jmorru hu jibqaʼ mistagħġeb kemm isib nies id-dar. *
8. Kif nistgħu napplikaw Ekkleżjasti 11:6 għall-ministeru?
8 Qatt m’għandna naqtgħu qalbna. L-iskrittura taʼ dan l-artiklu hekk tgħallimna. (Aqra Ekkleżjasti 11:6.) David li ssemma ftit qabel ma qatax qalbu. Darba minnhom, hu sab lil xi ħadd id-dar wara li kien ilu jipprova ħafna drabi. Ir-raġel kien interessat f’dak li tgħid il-Bibbja u qal, “Ili tmien snin ngħix hawn, imma qatt ma ġew ix-Xhieda taʼ Ġeħova jħabbtuli l-bieb.” David jgħid, “Jien irrealizzajt li meta fl-aħħar issib lil xi ħadd id-dar, huma spiss jisimgħu l-messaġġ tagħna.”
9. Xi aħwa x’għamlu biex isibu lin-nies u jitkellmu magħhom?
9 Ipprova pprietka f’postijiet oħrajn. Xi pubblikaturi, minħabba li ma kinux isibu n-nies id-dar, biddlu l-post fejn jippritkaw. Pereżempju, permezz tal-istreet work u t-trolleys qed jitkellmu maʼ dawk in-nies li jgħixu f’appartamenti kbar fejn qabel ma setgħux jitkellmu magħhom. Dan ippermettielhom jitkellmu maʼ dawk in-nies li jgħixu f’dawk l-appartamenti. Barra minn hekk, ħafna pubblikaturi sabu li n-nies jippreferu jitkellmu jew jaċċettaw il-letteratura meta jkunu qegħdin fil-ġonna, fuq il-monti, jew fejn ikun hemm ħafna ħwienet. Floiran, li hu indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet fil-Bolivja, jgħid: “Aħna mmorru fuq il-monti u fil-ħwienet bejn is–1:00 u t–3:00 taʼ waranofsinhar meta ma jkunx hemm ħafna nies. Spiss ikollna konversazzjonijiet tajbin u ġieli anki bdejna studju tal-Bibbja.”
10. Liema modi tistaʼ tuża biex twassal il-messaġġ lin-nies?
10 Ipprova modi differenti. Ejja ngħidu li pprovajt kemm-il darba biex issib lil xi ħadd id-dar. Int mort f’ħinijiet differenti, imma xorta ma sibt lil ħadd. Hemm xi modi oħra kif tistaʼ twassal il-messaġġ? Katarína tgħid, “Lil dawk li ma nsibx id-dar, jien niktbilhom ittra u ngħidilhom bil-messaġġ li xtaqt naqsam magħhom.” X’nitgħallmu minn din l-esperjenza? B’xi mod jew ieħor, ipprova ilħaq lil kulħadd fit-territorju tiegħek.
NIBQGĦU POŻITTIVI META N-NIES MA JKUNUX INTERESSATI
11. Għala xi nies mhumiex interessati fil-messaġġ tagħna?
11 Xi nies mhumiex interessati fil-messaġġ tagħna. Huma jaħsbu li m’għandhomx bżonn ikunu jafu dwar Alla jew il-Bibbja. Minħabba li jaraw ħafna tbatija fid-dinja, ma jemmnux f’Alla. U minħabba li jaraw l-ipokrisija tal-mexxejja reliġjużi li jgħidu li qed jimxu mal-Bibbja, ma jemmnux biha. Oħrajn huma aljenati minħabba x-xogħol, il-familja, u l-problemi personali tagħhom, u ma jaħsbux li l-Bibbja tistaʼ tkun taʼ għajnuna għalihom. Kif nistgħu nibqgħu ferħanin minkejja li dawn in-nies ma jinteressahomx il-messaġġ tagħna?
12. Il-kliem li nsibu f’Filippin 2:4 kif jgħinna fil-ministeru?
12 Uri interess personali. Ħafna li għall-ewwel m’aċċettawx il-messaġġ tagħna biddlu fehmthom meta raw li l-pubblikaturi wrew interess fihom. (Aqra Filippin 2:4.) Pereżempju David li semmejna qabel jgħid, “Jekk xi ħadd jgħidilna li mhux interessat, inneħħu l-Bibbja u l-letteratura u ngħidulu, ‘Nixtieq inkun naf għala tħossok hekk.’” In-nies jindunaw meta xi ħadd juri interess ġenwin fihom. X’aktarx li jinsew dak li nkunu għedna, imma jibqgħu jiftakru l-mod kif inkunu ttrattajniehom. Anki jekk xi ħadd ma jkunx irid jismaʼ l-messaġġ tagħna, bil-mod kif naġixxu nuruh li aħna jimpurtana minnu.
13. X’nistgħu nagħmlu biex il-messaġġ tagħna jkun interessanti għan-nies?
13 Aħna nuru interess personali meta naddattaw il-messaġġ tagħna għall-inkwilin. Pereżempju, qed ninnotaw xi ħaġa li turi li għandhom it-tfal? Il-ġenituri jaf ikunu interessati fil-pariri li hemm fil-Bibbja dwar kif irabbu t-tfal jew ikollhom il-familja kuntenta. Jew qed ninnotaw li mad-dar għandhom ħafna affarijiet taʼ sigurtà? Jekk iva, nistgħu nispjegawlhom kif il-kriminalità se tispiċċa darba għal dejjem. Kull darba li ssib lil xi ħadd li jieħu pjaċir jismaʼ, ipprova għinu jifhem li l-Bibbja tistaʼ tgħinu. Katarína, li semmejna qabel, tgħid, “Jien dejjem niftakar kemm il-Bibbja għenitni fil-ħajja tiegħi.” B’hekk, meta Katarína tkun qed titkellem man-nies, hi tkun konvinta minn dak li tkun qed tgħid, u n-nies jinnotawh dan.
14. Skont Proverbji 27:17, l-aħwa kif jistgħu jgħinu lil xulxin meta jippritkaw?
1 Kor. 4:17) Bħal Timotju, aħna nistgħu nitgħallmu minn aħwa tal-esperjenza. (Aqra Proverbji 27:17.) Ejja nikkunsidraw l-eżempju taʼ ħu pijunier jismu Shawn. Għal xi żmien, hu pprietka f’territorju mwarrab fejn in-nies kienu kuntenti bir-reliġjon tagħhom. Shawn kif baqaʼ jieħu pjaċir jipprietka? Hu jgħid, “Meta kien ikun possibbli dejjem kont naħdem maʼ xi ħadd ieħor. U minn dar għal oħra konna ngħinu lil xulxin biex intejbu l-mod kif nagħtu xhieda. Pereżempju, konna nitkellmu dwar dak li qalilna l-inkwilin u kif wiġibnieh aħna. Imbagħad, konna niddiskutu x’nistgħu ngħidu jekk xi ħadd ieħor jgħidilna l-istess.”
14 Aċċetta l-għajnuna t’oħrajn. L-appostlu Pawlu għallem lil Timotju kif jipprietka u jgħallem, u inkuraġġieh biex jagħmel l-istess m’oħrajn. (15. It-talb għala hu importanti ħafna?
15 Itlob lil Ġeħova għall-għajnuna. Kull darba li toħroġ tipprietka, itlob lil Ġeħova biex jgħinek. Aħna għandna bżonn l-għajnuna tal-ispirtu qaddis tiegħu f’dak kollu li nagħmlu. (Salm 127:1; Lq. 11:13) Meta titolbu, kun speċifiku. Pereżempju, itolbu biex jekk hemm xi ħadd li jixtieq isir jaf dwaru jgħinek issibu. Imbagħad, agħmel sforz u pprietka maʼ kull min tiltaqaʼ.
16. Għala hu importanti li nagħmlu studju personali biex inkunu effettivi fil-ministeru?
16 Saħħaħ il-fidi tiegħek permezz tal-istudju personali. Il-Bibbja tgħid: ‘Agħtu prova lilkom infuskom dwar x’inhi r-rieda tajba u aċċettabbli u perfetta t’Alla.’ (Rum. 12:2) Meta nistudjaw il-Bibbja, se nsiru nafu lil Alla aħjar. Imbagħad meta nitkellmu m’oħrajn dwaru, huma se jindunaw li aħna ċerti minn dak li nemmnu. Katarína tgħid, “Irrealizzajt li għandi bżonn insaħħaħ il-fidi tiegħi dwar xi tagħlim bażiku li hemm fil-Bibbja. Għalhekk, għamilt studju fil-fond biex insaħħaħ il-fidi tiegħi fil-Ħallieq, fil-Kelma t’Alla, u fl-organizzazzjoni li għandu Alla fuq l-art.” Dan l-istudju personali saħħaħ il-fidi tagħha u b’hekk bdiet tieħu iktar pjaċir fil-ministeru.
QATT M’GĦANDNA NAQTGĦU QALBNA FL-IPPRITKAR
17. Ġesù għala ma qatax qalbu fl-ippritkar?
17 Ġesù ma qatax qalbu u baqaʼ jipprietka minkejja li xi wħud ma ridux jisimgħu l-messaġġ tiegħu. Għala? Hu kien jaf li n-nies kellhom bżonn isiru jafu l-verità u ried jgħin lil kemm jistaʼ jkun nies. Kien jaf ukoll li għall-ewwel xi wħud ma kinux se jaċċettaw il-messaġġ tiegħu. Ejja nikkunsidraw x’ġara fil-familja tiegħu stess. Matul it-tliet snin u nofs li Ġesù għamel jipprietka, ħadd minn ħutu ma sar dixxiplu. (Ġw. 7:5) Imma wara li ġie rxoxtat, ħutu saru Kristjani.—Atti 1:14.
18. Għala għandna nibqgħu nippritkaw?
18 Aħna ma nafux min se jaċċetta l-messaġġ u jsir Xhud taʼ Ġeħova. Xi wħud idumu iktar minn oħrajn biex jaċċettaw il-verità. Anki dawk li ma jkunux iridu jisimgħu, meta jaraw kif inġibu ruħna u l-attitudni tagħna, jaf ikunu jridu jibdew “jigglorifikaw lil Alla.”—1 Pt. 2:12.
19. L-1 Korintin 3:6, 7, x’jgħallimna dwar il-ministeru?
19 Minkejja li nippritkaw u ngħallmu, aħna rridu niftakru li Alla jagħmel l-iktar parti importanti. (Aqra l-1 Korintin 3:.) Getahun, ħu li jaqdi fl-Etjopja, jgħid: “Għal iktar minn 20 sena, fejn kont ngħix kont l-uniku Xhud taʼ Ġeħova. Imma issa hemm 14-il pubblikatur. Tlettax minnhom tgħammdu, inkluż il-mara u t-tfal tiegħi. U fil-laqgħat inkunu madwar 32 ruħ.” Getahun huwa kuntent li baqaʼ jipprietka waqt li bil-paċenzja baqaʼ jistenna lil Ġeħova biex jiġbed lejh lil dawk taʼ qalb sinċiera!— 6, 7Ġw. 6:44.
20. Ix-xogħol tal-ippritkar kif qisu xogħol taʼ salvataġġ?
20 Għal Ġeħova, kulħadd hu prezzjuż. Hu tana l-privileġġ li naħdmu maʼ Ibnu biex niġbru n-nies minn kull nazzjon qabel jiġi t-tmiem taʼ din is-sistema. (Ħag. 2:7) Ix-xogħol tal-ippritkar nistgħu nqabbluh max-xogħol taʼ salvataġġ. Aħna qisna membri taʼ tim li qed ngħinu lin-nies isalvaw minn fuq vapur li qed jegħreq. Għalkemm jaf ma nilħqux insalvaw lil kulħadd, xogħolna hu importanti. Bl-istess mod, permezz tal-ippritkar aħna qegħdin insalvaw lin-nies mid-dinja ħażina taʼ Satana. Ġeħova jistaʼ juża lil kulħadd biex jgħin. Andreas, li jgħix fil-Bolivja, jgħid, “Jien naf li meta xi ħadd jitgħallem il-verità u jitgħammed hu minħabba li ħafna ħadmu flimkien u għenuh.” Mela, jalla nżommu attitudni pożittiva fil-ministeru. Jekk nagħmlu hekk, Ġeħova se jberikna u x-xogħol tal-ippritkar se jġibilna ħafna ferħ.
GĦANJA 66 Xandar l-aħbar tajba
^ par. 5 Kif nistgħu nibqgħu pożittivi fil-ministeru minkejja li ħafna ma nsibuhomx id-dar u oħrajn ma jkunux iridu jisimgħu l-messaġġ tagħna? Dan l-artiklu se jgħinna biex insibu modi kif nibqgħu nippritkaw bil-ferħ.
^ par. 7 Il-pubblikaturi għandhom iżommu f’moħħhom li meta jkunu qed jaħdmu t-territorju għandhom iżommu mal-liġijiet tal-protezzjoni tad-data.
^ par. 60 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Koppja qiegħda tipprietka fejn hu diffiċli jsibu n-nies id-dar. L-ewwel wieħed qiegħed fuq il-post tax-xogħol, it-tieni waħda qiegħda tagħmel vista għand it-tabib, u t-tielet waħda qed tagħmel ix-xirja. Billi reġgħu marru iktar tard filgħaxija, dak li kien qiegħed ix-xogħol sabuh id-dar. Billi ppritkaw bit-trolley, irnexxielhom jitkellmu mal-mara li kienet għand it-tabib. U permezz tat-telefown, irnexxielhom ikellmu lil dik il-mara li kienet qiegħda tagħmel ix-xirja.