Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-​ISTUDJU 18

Tħalli Xejn Ifixklek Milli Timxi Wara Ġesù!

Tħalli Xejn Ifixklek Milli Timxi Wara Ġesù!

“Hieni min ma jitfixkilx minħabba fija.”—MT. 11:6.

GĦANJA 54 “Din hi t-​triq”

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1. Meta għedt il-​veritajiet tal-​Bibbja lil oħrajn xi ħsibt li se jiġri?

TIFTAKAR meta sirt taf bil-​verità kemm kienu jidhru ċari għalik il-​veritajiet tal-​Bibbja? Forsi ħsibt li kulħadd se jkun irid jitgħallem dak li qed titgħallem int. Int kont ċert li l-​messaġġ tal-​Bibbja se jgħinhom fil-​ħajja tagħhom u jagħtihom tama mill-​isbaħ għall-​futur. (Salm 119:105) Għalhekk, bdejt tgħid lil tal-​familja u lill-​ħbieb tiegħek dak kollu li bdejt titgħallem. Imma x’ġara? L-​affarijiet ma marrux kif ħsibt inti għax ħafna m’aċċettawx dak li għedtilhom.

2-3. Il-​maġġorparti tan-​nies fi żmien Ġesù kif aġixxew minħabba dak li qal u għamel?

2 M’għandniex għalfejn nistagħġbu jekk oħrajn ma jaċċettawx il-​messaġġ tagħna. Anke lil Ġesù, ħafna nies xorta m’aċċettawhx minkejja li bl-​għajnuna t’Alla għamel ħafna mirakli. Pereżempju, meta Ġesù qajjem lil Lazzru mill-​mewt dawk taʼ kontrih m’emmnuhx. Barra minn hekk, il-​mexxejja Lhud m’emmnux li kien il-​Messija u riedu joqtlu lilu u lil Lazzru!—Ġw. 11:47, 48, 53; 12:9-​11.

3 Ġesù kien jaf li ħafna nies ma kinux se jaċċettaw li hu kien il-​Messija. (Ġw. 5:39-​44) Tant li hu qal lid-​dixxipli taʼ Ġwanni l-​Battista: “Hieni min ma jitfixkilx minħabba fija.” (Mt. 11:2, 3, 6) Ħafna għala m’aċċettawx lil Ġesù?

4. X’se nikkunsidraw f’dan l-​artiklu?

4 F’dan l-​artiklu u taʼ warajh se naraw erbaʼ raġunijiet għala n-​nies fi żmien Ġesù m’aċċettawhx. Se naraw ukoll għala ħafna nies illum ma jaċċettawx il-​messaġġ tagħna. U l-​iktar ħaġa importanti li se nitgħallmu hi kif nistgħu nsaħħu l-​fidi tagħna f’Ġesù biex xejn ma jwaqqafna milli nkunu d-​dixxipli tiegħu.

(1) IL-​PASSAT TAʼ ĠESÙ

Ħafna tfixklu minħabba l-passat taʼ Ġesù. Dan kif jista’ jfixkel lil xi wħud illum? (Ara paragrafu 5) *

5. Għala jistaʼ jkun li xi wħud ħasbu li Ġesù mhux il-​Messija?

5 Ħafna tfixklu minħabba l-​passat taʼ Ġesù. Għalkemm huma aċċettaw li Ġesù kien għalliem tajjeb u li għamel il-​mirakli, għalihom kien sempliċiment tifel taʼ mastrudaxxa. Barra minn hekk, hu kien minn Nazaret, belt li għal ħafna ma kinitx importanti. Anke Natanjel, li mbagħad sar dixxiplu taʼ Ġesù, għall-​ewwel qal: “Tistaʼ xi ħaġa tajba toħroġ minn Nazaret?” (Ġw. 1:46) Natanjel jaf ma kienx iħobb il-​belt fejn Ġesù trabba jew forsi kellu f’moħħu l-​profezija taʼ Mikea 5:2 li kienet tgħid li l-​Messija kellu jitwieled f’Betlem u mhux f’Nazaret.

6. In-​nies fi żmien Ġesù x’kellhom jagħmlu biex ikunu jafu li Ġesù kien il-​Messija?

6 L-​Iskrittura x’tgħid? Il-​profeta Isaija bassar li l-​għedewwa taʼ Ġesù ma kinux se jagħtu kas “id-​dettalji taʼ nislu,” jiġifieri, il-​linja li kien ġej minnha l-​Messija. (Is. 53:8) Kien hemm ħafna dettalji li ġew imbassrin. Kieku studjaw l-​Iskrittura sew, kienu se jifhmu li Ġesù kellu jitwieled f’Betlem u jiġi mil-​linja tas-​Sultan David. (Lq. 2:4-​7) Ġesù kien twieled fil-​post li bassret il-​profezija taʼ Mikea 5:2. Allura, x’kienet il-​problema? In-​nies kienu jaslu għall-​konklużjoni mingħajr ma kien ikollhom il-​fatti kollha, u għalhekk tfixklu.

7. Illum il-​ġurnata għala ħafna nies ma jaċċettawx il-​messaġġ tax-​Xhieda taʼ Ġeħova?

7 Qegħdin naraw l-​istess problema llum? Iva. Ħafna min-​nies taʼ Ġeħova llum mhumiex sinjuri jew nies importanti. Għalhekk, ħafna nies jaħsbu li aħna nies “komuni u taʼ ftit skola.” (Atti 4:13) Xi nies jaħsbu li x-​Xhieda taʼ Ġeħova m’għandhomx jgħallmu l-​Bibbja għax ma marrux skejjel reliġjużi. Oħrajn jgħidu li r-​reliġjon tax-​Xhieda taʼ Ġeħova hija “reliġjon Amerikana.” Imma l-​verità hi li 1 minn kull 7 mix-​Xhieda taʼ Ġeħova jgħix fl-​Istati Uniti. U terġaʼ oħrajn jgħidu li x-​Xhieda taʼ Ġeħova ma jemmnux f’Ġesù. Maż-​żmien, xi wħud qalu li aħna “Komunisti,” “spiji Amerikani,” u “estremisti.” Ħafna nies minħabba li jisimgħu dawn l-​affarijiet u ma jkunux jafu l-​fatti kollha jitfixklu.

8. Skont Atti 17:11, in-​nies x’għandhom jagħmlu biex ikunu jafu min huma l-​qaddejja t’Alla?

8 Persuna kif tistaʼ tevita li titfixkel? In-​nies iridu jeżaminaw il-​fatti kollha. Luqa li kiteb l-​Evanġelju kien determinat li jagħmel hekk. Hu ħadem iebes biex ifittex “kollox mill-​bidu b’eżattezza.” Hu ried li l-​qarrejja jkunu jafu “bis-​sħiħ iċ-​ċertezza taʼ l-​affarijiet” li kienu semgħu dwar Ġesù. (Lq. 1:1-​4) Il-​Lhud f’Berea għamlu bħal Luqa. Meta semgħu l-​aħbar tajba dwar Ġesù għall-​ewwel darba huma fittxew fl-​Iskrittura Ebrajka biex ikunu ċerti minn dak li semgħu. (Aqra Atti 17:11.) Bl-​istess mod, in-​nies illum iridu jeżaminaw il-​fatti. Huma għandhom iqabblu dak li jgħallmu x-​Xhieda taʼ Ġeħova maʼ dak li tgħid il-​Bibbja. Iridu jistudjaw ukoll dak li għamlu x-​Xhieda taʼ Ġeħova matul is-​snin. Jekk isiru jafu l-​fatti kollha mhu se jħallu xejn ifixkilhom.

(2) ĠESÙ M’GĦAMILX MIRAKLI BIEX JAGĦTI PROVA LI HU L-​MESSIJA

Ħafna tfixklu minħabba li Ġesù m’għamilx il-mirakli li riduh jagħmel. Dan kif jista’ jfixkel lil xi wħud illum? (Ara paragrafi 9-​10) *

9. X’ġara meta Ġesù m’aċċettax li jagħtihom sinjal mis-​sema?

9 Għal xi nies dak li għallem Ġesù ma kienx biżżejjed. Huma riedu iktar minn hekk, biex jemmnu li hu kien il-​Messija “talbuh jurihom sinjal mis-​sema.” (Mt. 16:1) Jistaʼ jkun li talbuh biex jagħmel dan minħabba dak li qraw f’​Danjel 7:13, 14. Però, kien għadu mhux il-​waqt taʼ Ġeħova biex iwettaq din il-​profezija. Dak li għallem Ġesù kellu jkun biżżejjed għalihom biex jindunaw li hu kien il-​Messija. Imma meta Ġesù m’għamilx dak li talbuh huma m’aċċettawhx.—Mt. 16:4.

10. Ġesù kif wettaq dak li pprofetizza Isaija dwar il-​Messija?

10 L-​Iskrittura x’tgħid? Dwar il-​Messija l-​profeta Isaija kiteb: “Ma jgħajjatx jew jgħolli leħnu, u ma jsemmax leħnu fit-​triq.” (Is. 42:1, 2) Meta wettaq il-​ministeru tiegħu Ġesù qatt ma ġibed l-​attenzjoni lejh. Ġesù ma beniex tempji kbar, ma libisx ilbies speċjali, u ma riedx li n-​nies jgħajtulu b’xi titlu. Anke meta ħajtu kienet fil-​periklu, hu m’aċċettax li jagħmel miraklu quddiem is-​Sultan Erodi. (Lq. 23:8-​11) Ġesù għamel diversi mirakli imma l-​ippritkar kien l-​iktar ħaġa importanti għalih. U għalhekk li qal lid-​dixxipli tiegħu: “Għal dan intbgħatt.”—Lq. 4:43.

11. X’ideat żbaljati għandhom in-​nies dwarna?

11 Qegħdin naraw l-​istess problema llum? Iva. Illum ħafna nies jimpressjonaw ruħhom b’katidrali kbar li jkun fihom ħafna affarijiet li jiswew il-​flus, mexxejja reliġjużi li għandhom titli importanti, u b’ħafna festi li mhumiex ibbażati fuq l-​Iskrittura. Imma n-​nies li jattendu l-​laqgħat tagħhom x’qed jitgħallmu dwar Alla u l-​iskop tiegħu? Dawk li jattendu l-​laqgħat tagħna qed jitgħallmu xi jrid Ġeħova minna. Is-​Swali tas-​Saltna tagħna huma sempliċi u nodfa. Dawk li jmexxu ma jilbsux ilbies speċjali, u m’għandhomx titli li jagħmluhom jidhru importanti. U dak li nemmnu u ngħallmu huwa bbażat mill-​Bibbja. Minkejja dan ħafna nies ma jaċċettawx il-​messaġġ tagħna għax jaħsbu li l-​mod kif inqimu lil Alla hu sempliċi u għax dak li ngħallmu ma jdoqqx għal widnejhom.

12. Kif jgħid Ebrej 11:1, 6, il-​fidi tagħna fuq xiex għandha tkun ibbażata?

12 Kif nistgħu nevitaw li nitfixklu? L-​appostlu Pawlu qal lill-​Kristjani li kienu qed jgħixu f’Ruma: “Il-​fidi tiġi minn dak li nstemaʼ. Mill-​banda l-​oħra, dak li nstemaʼ hu permezz tal-​kelma dwar Kristu.” (Rum. 10:17) Għalhekk, aħna nsaħħu l-​fidi tagħna billi nistudjaw il-​Bibbja u mhux billi niċċelebraw festi kbar u sbieħ li l-​Bibbja tgħid li huma ħżiena. Il-​fidi tagħna għandha tkun ibbażata fuq għarfien eżatt, għax ‘mingħajr fidi impossibbli li nogħġbu sew lil Alla.’ (Aqra Ebrej 11:1, 6.) Mela m’għandniex bżonn naraw sinjali kbar mis-​sema biex nemmnu li għandna l-​verità. Jekk nistudjaw il-​Bibbja sew, se nsaħħu l-​fidi tagħna u nkunu konvinti li għandna l-​verità.

(3) ĠESÙ MA SEGWIEX IT-​TRADIZZJONIJIET TAL-​LHUD

Ħafna tfixklu minħabba li Ġesù m’aċċettax it-tradizzjonijiet tagħhom. Dan kif jista’ jfixkel lil xi wħud illum? (Ara paragrafu 13) *

13. Ħafna nies għala ħaduha kontra Ġesù?

13 Fi żmien Ġesù, id-​dixxipli taʼ Ġwanni l-​Battista kienu sorpriżi għax id-​dixxipli taʼ Ġesù ma kinux isumu. Ġesù spjega li ma kellhomx għalfejn isumu meta hu kien għadu ħaj. (Mt. 9:14-​17) Minkejja dan, il-​Fariżej u oħrajn li kienu kontra Ġesù ħaduha kontrih għax ma mexiex mat-​tradizzjonijiet tagħhom. Huma kienu rrabjati għal Ġesù meta fejjaq lin-​nies fis-​Sabat. (Mk. 3:1-​6; Ġw. 9:16) Mill-​banda l-​oħra, huma kienu kburin li jżommu mas-​Sabat, però ma kinitx problema għalihom li jagħmlu n-​negozju fit-​tempju. U huma ħaduha bi kbira meta Ġesù rrabja magħhom u keċċiehom mit-​tempju. (Mt. 21:12, 13, 15) Meta Ġesù kien qed jgħallem fis-​sinagoga ġewwa Nazaret u semma l-​eżempji taʼ wħud Iżraelin tal-​passat biex juri n-​nuqqas taʼ fidi u l-​egoiżmu tagħhom, irrabjaw ħafna. (Lq. 4:16, 25-​30) Ħafna nies tfixklu għax Ġesù m’għamilx dak li huma ħasbu li kellu jagħmel.—Mt. 11:16-​19.

14. Ġesù għala ma qabilx mat-​tradizzjonijiet taʼ nies li kienu jmorru kontra l-​Iskrittura?

14 L-​Iskrittura x’tgħid? Permezz tal-​profeta Isaija, Ġeħova qal: “Dan il-​poplu resaq qrib b’fommu, u gglorifikani biss b’xofftejh, u biegħed qalbu minni, u jitgħallem il-​kmandi tal-​bnedmin u jqishom bħala l-​biżaʼ minni.” (Is. 29:13) Ġesù kellu raġun ma jaqbilx mat-​tradizzjonijiet li għamlu huma għax kienu kontra dak li tgħid il-​Bibbja. Dawk li ħasbu li l-​liġijiet u t-​tradizzjonijiet li għamlu kienu iktar importanti mill-​Iskrittura ħaduha kontra Ġeħova u l-​Messija li hu bagħat.

15. Illum għala ħafna nies ma jaqblux max-​Xhieda taʼ Ġeħova?

15 Qegħdin naraw l-​istess problema llum? Iva. Ħafna nies illum jiħduha kontra x-​Xhieda taʼ Ġeħova għax dawn ma jiċċelebrawx festi li mhumiex ibbażati fuq il-​Kelma t’Alla, bħall-​birthdays u l-​Milied. Oħrajn jirrabjaw meta x-​Xhieda taʼ Ġeħova ma jiċċelebrawx festi nazzjonali jew għax ma jsegwux id-​drawwiet tagħhom li mhumiex Skritturali waqt il-​funerali. Dawn jitfixklu għax huma jaħsbu li qed iqimu lil Alla b’mod tajjeb. Imma ma jistgħux jogħġbu lil Alla jekk jiċċelebraw it-​tradizzjonijiet tal-​bnedmin minflok jimxu maʼ dak li tgħid il-​Bibbja.—Mk. 7:7-​9.

16. Skont il-​versi taʼ Salm 119, xi rridu nagħmlu u x’għandna nevitaw?

16 Kif nistgħu nevitaw li nitfixklu? Billi jkollna mħabba kbira għal-​liġijiet taʼ Ġeħova u l-​prinċipji tiegħu. (Aqra Salm 119:97, 113, 163-​165.) Jekk inħobbu lil Ġeħova mhux se niċċelebraw festi jew nieħdu sehem fit-​tradizzjonijiet li ma jogħġbuhx. Mhu se nħallu xejn ikun iktar importanti mill-​imħabba tagħna għal Ġeħova.

(4) ĠESÙ MA NDAĦALX FIL-​POLITIKA

Ħafna tfixklu minħabba li Ġesù ma ndaħalx fil-politika. Dan kif jista’ jfixkel lil xi wħud illum? (Ara paragrafu 17) *

17. In-​nies fi żmien Ġesù x’ħasbu li se jagħmel il-​Messija?

17 Xi nies fi żmien Ġesù riedu li jinbidel il-​gvern. Huma ħasbu li l-​Messija se jeħlishom mill-​ħakma Rumana. Imma meta riedu jagħmlu lil Ġesù sultan hu m’aċċettax. (Ġw. 6:14, 15) Il-​qassisin u oħrajn bdew jibżgħu li Ġesù kien se jipprova jibdel il-​gvern u għalhekk ir-​Rumani kienu se jirrabjaw u jiħdulhom il-​poter li kienu tawhom. Minħabba li kienu inkwetati fuq dawn l-​affarijiet, ħafna Lhud tfixklu.

18. Ħafna Lhud liema profeziji dwar il-​Messija injoraw?

18 L-​Iskrittura x’tgħid? Għalkemm ħafna profeziji bassru li l-​Messija kien se jkun Gwerrier, profeziji oħrajn bassru li l-​ewwel kellu jmut għad-​dnubiet tagħna. (Is. 53:9, 12) Il-​Lhud għala kellhom ideat żbaljati dwar il-​Messija? Għax huma ffokaw biss fuq profeziji li kienu juru li se jeħilsuhom mill-​problemi tagħhom.—Ġw. 6:26, 27.

19. Liema ideat żbaljati dwarna jfixklu lin-​nies?

19 Qegħdin naraw l-​istess problema llum? Iva. Ħafna nies illum jitfixklu minħabba li aħna ma niħdux sehem fil-​politika. Huma jaħsbu li aħna għandna nivvotaw. Imma kieku kellna nivvotaw biex nagħżlu mexxej inkunu qegħdin niċħdu lil Ġeħova. (1 Sam. 8:4-​7) In-​nies jaħsbu wkoll li għandna nibnu skejjel, sptarijiet, u nagħmlu karità biex ngħinu lill-​poplu. Imma minħabba li naħdmu iebes biex nippritkaw il-​messaġġ tas-​Saltna minflok ma nipprovaw insolvu l-​problemi tad-​dinja huma jitfixklu.

20. Skont dak li qal Ġesù f’​Mattew 7:21-​23, x’għandha tkun l-​iktar ħaġa importanti għalina?

20 Kif nistgħu nevitaw li nitfixklu? (Aqra Mattew 7:21-​23.) Il-​mira tagħna għandha tkun li nagħmlu x-​xogħol li kkmandana Ġesù. (Mt. 28:19, 20) Qatt m’għandna nħallu l-​politika jew l-​affarijiet li qed jiġru fid-​dinja jaljenawna. Aħna nħobbuhom lin-​nies u naħsbu dwar il-​problemi tagħhom, imma aħna nafu li l-​aħjar mod li nistgħu ngħinuhom hu billi ngħallmuhom dwar is-​Saltna u ngħinuhom jibnu ħbiberija maʼ Ġeħova.

21. X’għandna nkunu determinati li nagħmlu?

21 F’dan l-​artiklu semmejna erbaʼ affarijiet li fixklu lil ħafna nies fi żmien Ġesù u li jistgħu jġiegħlu lil xi wħud ma jaċċettawx il-​messaġġ tagħna llum. Imma dawn l-​erbaʼ affarijiet biss hemm li jistgħu jfixkluna? Le. Fl-​artiklu li jmiss se nikkunsidraw erbaʼ affarijiet oħra. Jalla ma nħallu xejn ifixkilna milli nkomplu nsaħħu l-​fidi tagħna!

GĦANJA 56 Għożż il-​verità

^ par. 5 Minkejja li Ġesù kien l-​aqwa għalliem li qatt eżista, ħafna nies li għexu fi żmienu m’aċċettawhx. Għala? F’dan l-​artiklu se nikkunsidraw erbaʼ raġunijiet. Se naraw ukoll għala ħafna nies illum jitfixklu minħabba dak li jgħidu u jagħmlu x-​Xhieda taʼ Ġeħova. U xi ħaġa oħra importanti li se naraw hi kif fidi soda f’Ġesù tgħinna biex ma nitfixklux.

^ par. 60 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Filippu qed jinkuraġġixxi lil Natanjel biex jiltaqaʼ maʼ Ġesù.

^ par. 62 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Ġesù jipprietka l-​aħbar tajba.

^ par. 64 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Ġesù jfejjaq raġel b’idu niexfa u dawk taʼ kontrih iħarsu lejh.

^ par. 66 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Ġesù jaħrab lejn il-​muntanja waħdu.