Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

“Ibqgħu ħeġġu lil xulxin kull jum”

“Ibqgħu ħeġġu lil xulxin kull jum”

“Jekk għandkom xi kelma taʼ inkuraġġiment għan-​nies, għiduha.”—ATTI 13:15.

GĦANJIET: 121, 45

1, 2. Għala hu importanti li ninkuraġġixxu lil oħrajn?

CRISTINA, li għandha 18-​il sena, tgħid: “Il-​ġenituri tiegħi kważi qatt ma jinkuraġġuni, imma jikkritikawni wisq. U kliemhom jistaʼ jweġġaʼ ħafna. Jgħidu li m’iniex matura, li qatt mhu se nitgħallem, u li jien ħoxna. Allura, spiss nibki u nippreferi li ma nkellimhomx. Inħossni ma niswa għal xejn.” [1] (Ara n-​nota fl-​aħħar.) Il-​ħajja tistaʼ tkun diffiċli ferm meta oħrajn ma jinkuraġġuniex!

2 Min-​naħa l-​oħra, aħseb kemm nistgħu ngħinu lil oħrajn meta ninkuraġġuhom. Rubén jgħid: “Għal ħafna snin iġġilidt kontra sentimenti taʼ li ma niswa għal xejn. Iżda darba, kont qed nipprietka flimkien m’anzjan li rrealizza li kelli ġurnata ħażina. Hu semagħni b’simpatija hekk kif bdejt ngħidlu kif inħossni. Imbagħad fakkarni fit-​tajjeb li kont qed nagħmel. Fakkarni wkoll fi kliem Ġesù—li kull wieħed minna jiswa iktar minn ħafna għasafar tal-​bejt. Spiss niftakar din l-​iskrittura u għadha tmissli qalbi. Il-​kliem tal-​anzjan għamel differenza enormi.”—Mattew 10:31.

3. (a) X’qal l-​appostlu Pawlu dwar li ninkuraġġixxu lil oħrajn? (b) X’se nikkunsidraw f’dan l-​artiklu?

3 Il-​Bibbja tgħid li hemm bżonn ninkuraġġixxu lil xulxin regolarment. L-​appostlu Pawlu kiteb lill-​Kristjani Ebrej: “Attenti, ħuti, li ma tmurx tiżviluppa f’xi ħadd minnkom qalb mill-​agħar li tkun nieqsa mill-​fidi u titbiegħdu mill-​Alla l-​ħaj; imma ibqgħu ħeġġu lil xulxin kull jum.” Pawlu spjega għaliex: “Li ma jmurx xi ħadd minnkom jitwebbes bil-​qawwa qarrieqa tad-​dnub.” (Ebrej 3:12, 13) Aħseb kemm ħassejtek aħjar meta xi ħadd inkuraġġiek. Allura, x’raġunijiet għandna biex ninkuraġġixxu lil oħrajn? X’nistgħu nitgħallmu mill-​mod kif Ġeħova, Ġesù, u Pawlu inkuraġġew lil oħrajn? U b’liema modi nistgħu ninkuraġġixxu lil xulxin? Ejja niddiskutu dawn il-​mistoqsijiet.

ILKOLL GĦANDNA BŻONN NIĠU INKURAĠĠITI

4. (a) Min għandu bżonn jiġi inkuraġġit? (b) Għala l-​biċċa l-​kbira tan-​nies illum ma jinkuraġġux lil oħrajn?

4 Ilkoll kemm aħna neħtieġu l-​inkuraġġiment. U l-​ġenituri speċjalment jeħtieġ li jinkuraġġixxu lil uliedhom. Għalliem jismu Timothy Evans jispjega li t-​tfal “għandhom bżonn l-​inkuraġġiment bħalma l-​pjanti għandhom bżonn l-​ilma.” Ikompli jgħid: “Bl-​inkuraġġiment, it-​tfal iħossuhom taʼ valur u apprezzati.” Iżda peress li qed ngħixu “fl-​aħħar jiem,” ħafna nies huma egoisti u ftit għandhom “imħabba naturali” għal xulxin. (2 Timotju 3:1-​5) Xi ġenituri ma jinkuraġġux lil uliedhom għax il-​ġenituri tagħhom stess qatt ma inkuraġġewhom. L-​adulti wkoll jeħtieġu lil min jinkuraġġihom, imma spiss dan ma jsirx. Pereżempju, ħafna jgergru li qatt ma jiġu mfaħħrin għal dak li jagħmlu fuq ix-​xogħol.

Faħħar lil oħrajn għal xi ħaġa tajba li għamlu

5. Kif nistgħu ninkuraġġixxu lil oħrajn?

5 Aħna nistgħu ninkuraġġixxu lil oħrajn billi nfaħħruhom għal xi ħaġa tajba li jkunu għamlu. Nistgħu ninkuraġġixxu lil oħrajn ukoll billi ngħidulhom li għandhom kwalitajiet tajbin u billi nfarrġuhom meta jkunu mdejqin jew skuraġġiti. (1 Tessalonikin 5:14) Peress li spiss inkunu maʼ ħutna, ikollna ħafna opportunitajiet biex ngħidu xi ħaġa taʼ inkuraġġiment. (Aqra Ekkleżjasti 4:9, 10.) Allura staqsi lilek innifsek: ‘Inħalli lil oħrajn ikunu jafu għala napprezzahom u nħobbhom? U nagħmel dan kull meta nistaʼ?ʼ Aħseb dwar dak li tgħid il-​Bibbja: “Kemm hi tajba kelma f’waqtha!”—Proverbji 15:23.

6. (a) Satana għala jrid jiskuraġġixxi l-​poplu t’Alla? (b) Agħti eżempju taʼ kif ipprova jagħmel dan.

6 Proverbji 24:10 jgħid: “Skuraġġejt ruħek fi żmien l-​hemm? Ma tantx se jkollok qawwa.” Satana jaf li jekk jiskuraġġina, ikun jistaʼ jdgħajfilna r-​relazzjoni tagħna maʼ Ġeħova. Hu pprova jiskuraġġixxi lil Ġob billi ġiegħlu jbati ħafna. Imma l-​pjan kiefer taʼ Satana falla. Ġob baqaʼ leali lejn Ġeħova. (Ġob 2:3; 22:3; 27:5) Aħna wkoll nistgħu niġġildulu lil Satana u nagħmlu ċert li ma jirnexxix. Jekk inkomplu ninkuraġġixxu lill-​familja tagħna u lil ħutna fil-​kongregazzjoni, inkunu nistgħu ngħinu lil xulxin biex inkunu ferħanin u nibqgħu qrib Ġeħova.

EŻEMPJI LI NISTGĦU NIMITAW

7, 8. (a) Ġeħova kif inkuraġġixxa lin-​nies? (b) Il-​ġenituri kif jistgħu jsegwu l-​eżempju taʼ Ġeħova? (Ara l-​ewwel stampa.)

7 Ġeħova jinkuraġġixxi lin-​nies. Is-​salmista kiteb: “Ġeħova hu qrib dawk li għandhom qalbhom maqsuma; u lil dawk bi spirtu miksur [jew skuraġġiti] isalvahom.” (Salm 34:18) Meta l-​profeta Ġeremija kien beżgħan u skuraġġit, Ġeħova wiegħdu li jgħinu. (Ġeremija 1:6-​10) Ġeħova bagħat anġlu biex isaħħaħ lix-​xwejjaħ profeta Danjel. Dan l-​anġlu sejjaħ lil Danjel “raġel maħbub ħafna.” (Danjel 10:8, 11, 18, 19) Tistaʼ int tinkuraġġixxi lil ħutek irġiel u nisa bl-​istess mod, inkluż lill-​pijunieri kif ukoll oħrajn imdaħħlin fiż-​żmien li m’għadhomx jistgħu jagħmlu daqskemm kienu?

Ġenituri, għinu lil uliedkom jissaportu l-​provi li jkollhom l-​iskola

8 Għalkemm Ġeħova u Ġesù kienu ilhom flimkien għal snin twal, Ġeħova kien jaf li xorta kien hemm bżonn jinkuraġġixxi lil Ibnu meta dan kien fuq l-​art. Ġesù semaʼ lil Missieru jitkellem mis-​sema meta beda x-​xogħol tal-​ippritkar tiegħu u matul l-​aħħar sena taʼ ħajtu fuq l-​art. F’żewġ okkażjonijiet, Ġeħova qal: “Dan hu Ibni, il-​maħbub, li lilu jien approvajt.” (Mattew 3:17; 17:5) Ġesù żgur li ħassu inkuraġġit bil-​kbir meta semaʼ lil Missieru jgħid li kien iħobbu u li kien kburi bih. Iktar tard, fil-​lejl taʼ qabel ma miet, Ġesù ħassu ansjuż ħafna. Ġeħova inkuraġġieh billi bagħatlu anġlu biex isaħħu u jfarrġu. (Luqa 22:43) Ġenituri, intom tistgħu timitaw l-​eżempju taʼ Ġeħova billi regolarment tinkuraġġixxu lil uliedkom. Faħħruhom meta jagħmlu xi ħaġa sewwa. U meta jkollhom il-​provi l-​iskola, agħmlu kulma tistgħu biex issaħħuhom u tgħinuhom jissaportu.

9. X’nistgħu nitgħallmu mill-​mod kif Ġesù ttratta lill-​appostli tiegħu?

9 Ġesù wkoll ħallielna eżempju tajjeb biex nimitawh. Fil-​lejl taʼ qabel ma miet, Ġesù ħasel saqajn l-​appostli u qalilhom kemm hu importanti li nkunu umli. Imma huma kienu kburin u argumentaw dwar min minnhom kien l-​akbar, u Pietru ftaħar li qatt ma kien se jħalli lil Ġesù. (Luqa 22:24, 33, 34) Madankollu, Ġesù ma ffokax fuq l-​iżbalji tagħhom. Minflok, faħħarhom għal-​lealtà tagħhom lejh. Hu wegħedhom li kienu se jagħmlu affarijiet akbar milli għamel hu, u assigurahom li Ġeħova kien iħobbhom. (Luqa 22:28; Ġwanni 14:12; 16:27) Aħna nistgħu nistaqsu lilna nfusna, ‘Nimita jien l-​eżempju taʼ Ġesù u nfaħħar lil oħrajn għall-​kwalitajiet tajbin li għandhom minflok ma niffoka fuq l-​iżbalji tagħhom?ʼ

10, 11. Pawlu kif inkuraġġixxa lil ħutu, u x’kien lest li jagħmel?

10 L-​appostlu Pawlu spiss qal affarijiet tajbin dwar ħutu. Kien qattaʼ ħafna snin jivvjaġġa maʼ wħud minnhom u sar jafhom tajjeb ħafna, imma ma kitibx dwar l-​iżbalji tagħhom. Minflok, faħħarhom. Pereżempju, Pawlu qal li Timotju kien ‘ibnu maħbub u leali fil-​Mulej’ u li kien fiduċjuż li Timotju kien se jieħu ħsieb il-​bżonnijiet taʼ oħrajn. (1 Korintin 4:17; Filippin 2:19, 20) Pawlu qal lill-​Kristjani f’Korintu li Titu kien ‘sieħbu u ħaddiem miegħu għall-​interessi tagħhom.’ (2 Korintin 8:23) Żgur li Timotju u Titu kienu inkuraġġiti meta saru jafu x’kien jaħseb dwarhom Pawlu!

11 Pawlu u sieħbu Barnaba ssograw ħajjithom biex jinkuraġġixxu lil ħuthom. Pereżempju, it-​tnejn kienu jafu li ħafna nies fil-​belt taʼ Listra riedu joqtluhom. Xorta waħda, huma marru lura hemm biex jinkuraġġixxu lid-​dixxipli ġodda u jgħinuhom jibqgħu leali lejn Ġeħova. (Atti 14:19-​22) Iktar tard, f’Efesu, Pawlu kien fil-​periklu minħabba folla rrabjata, imma dam biżżejjed hemm biex jinkuraġġixxi lil ħutu. Atti 20:1, 2 jgħid: “Pawlu bagħat għad-​dixxipli u, wara li inkuraġġiehom u sellmilhom, telaq biex imur il-​Maċedonja. Wara li għadda minn dawk l-​inħawi u inkuraġġixxa b’ħafna kliem lil dawk t’hemmhekk, wasal il-​Greċja.”

INKURAĠĠIXXU LIL XULXIN

12. Għala hu tajjeb għalina li mmorru l-​laqgħat?

12 Ġeħova jixtieq l-​aħjar għalina. Għalhekk hu jgħidilna biex niltaqgħu flimkien regolarment. Fil-​laqgħat tagħna, nitgħallmu dwaru u ninkuraġġixxu lil xulxin. (1 Korintin 14:31; aqra Ebrej 10:24, 25.) Cristina, li ssemmiet fil-​bidu taʼ dan l-​artiklu, tgħid: “L-​iktar ħaġa li nħobb dwar il-​laqgħat hija l-​imħabba u l-​inkuraġġiment li nirċievi hemm. Kultant inħossni mdejqa meta nasal is-​Sala tas-​Saltna. Imma mbagħad xi aħwa nisa jiġu jkellmuni, jgħannquni, u jgħidu li nidher sabiħa. Jgħiduli li jħobbuni u li jieħdu pjaċir jaraw il-​progress spiritwali tiegħi. L-​inkuraġġiment tagħhom jagħmilni nħossni ferm aħjar!” Kemm hu importanti għal kull wieħed u waħda minna li jinkuraġġixxi lil oħrajn!—Rumani 1:11, 12.

13. Għala anke dawk li qdew lil Ġeħova għal ħafna żmien jeħtieġu jiġu inkuraġġiti?

13 Anke dawk li ilhom jaqdu lil Ġeħova għal ħafna żmien għandhom bżonn jiġu inkuraġġiti. Aħseb f’​Ġożwè. Meta l-​Iżraelin kienu waslu biex imorru fl-​Art Imwiegħda, Ġeħova għażel lil Ġożwè biex imexxihom. Biss, Ġeħova qal lil Mosè biex jinkuraġġih avolja Ġożwè kien qeda lil Ġeħova għal ħafna snin. Ġeħova qallu: “Inkariga lil Ġożwè u inkuraġġih u saħħu, għaliex hu dak li se jaqsam quddiem dan il-​poplu u dak li se jġegħelhom jirtu l-​art li se tara int.” (Dewteronomju 3:27, 28) Ġożwè kellu bżonn jiġi inkuraġġit, għax iktar tard il-​ġens kien se jiġġieled ħafna battalji u anke jitlef minn tal-​inqas waħda. (Ġożwè 7:1-​9) Illum, aħna nistgħu ninkuraġġixxu lill-​anzjani u lill-​indokraturi li jżuru l-​kongregazzjonijiet li jaħdmu bla heda biex jieħdu ħsieb il-​poplu t’Alla. (Aqra l-​1 Tessalonikin 5:12, 13.) Wieħed minn dawn l-​indokraturi qal: “Kultant l-​aħwa jagħtuna ittri taʼ ringrazzjament u jgħidulna kemm ħadu gost biż-​żjara tagħna. Aħna nżommu dawn l-​ittri u naqrawhom meta nħossuna skuraġġiti. Huma sors veru taʼ inkuraġġiment.”

Aħna ngħinu lil uliedna jersqu eqreb taʼ Ġeħova meta ninkuraġġuhom bi mħabba (Ara paragrafu 14)

14. Liema eżempji juru li huwa tajjeb li nfaħħru lil oħrajn meta nkunu qed nagħtuhom parir?

14 Darba minnhom, l-​appostlu Pawlu kellu jagħti parir lill-​Korintin. Meta applikaw dan il-​parir, Pawlu faħħarhom. (2 Korintin 7:8-​11) Żgur li l-​kliem tiegħu inkuraġġiehom ikomplu jagħmlu dak li hu sew. Illum, l-​anzjani u l-​ġenituri jistgħu jsegwu l-​eżempju taʼ Pawlu. Andreas, li għandu żewġt itfal, jgħid: “L-​inkuraġġiment jgħin lit-​tfal jikbru spiritwalment u emozzjonalment. Meta tinkuraġġihom, iżjed timmotivahom japplikaw il-​parir. Għalkemm it-​tfal tagħna jafu x’inhu tajjeb, li jagħmlu t-​tajjeb isir il-​mod taʼ ħajja tagħhom permezz tal-​inkuraġġiment li nagħtu l-​ħin kollu.”

X’JISTAʼ JGĦINEK TINKURAĠĠIXXI LIL OĦRAJN?

15. B’liema mod nistgħu ninkuraġġixxu lil oħrajn?

15 Għid lill-​aħwa kemm tapprezza l-​isforzi u l-​kwalitajiet tajbin tagħhom. (2 Kronaki 16:9; Ġob 1:8) Jekk nagħmlu dan, nimitaw lil Ġeħova u Ġesù. Huma japprezzaw dak kollu li nagħmlu għalihom, anke jekk ma nistgħux nagħmlu kemm nixtiequ. (Aqra Luqa 21:1-​4; 2 Korintin 8:12.) Pereżempju, nafu li jirrikjedi ħafna sforz għal dawk għeżież li huma mdaħħlin fiż-​żmien biex jiġu l-​laqgħat u joħorġu fil-​ministeru regolarment. Ninkuraġġuhom u nfaħħruhom għal dak kollu li jagħmlu?

16. Meta nistgħu ninkuraġġixxu lil oħrajn?

16 Inkuraġġixxi lil oħrajn spiss kemm jistaʼ jkun. Kull darba li tinduna li xi ħadd ikun għamel xi ħaġa tajba, agħmel ċert li tfaħħru. Meta Pawlu u Barnaba kienu Antjokja tal-​Pisidja, il-​mexxejja tas-​sinagoga qalulhom: “Irġiel, aħwa, jekk għandkom xi kelma taʼ inkuraġġiment għan-​nies, għiduha.” Pawlu ħa din l-​opportunità biex jinkuraġġixxi lin-​nies. (Atti 13:13-​16, 42-​44) Meta ninkuraġġixxu lil oħrajn, huma x’aktarx se jinkuraġġixxu lilna wkoll.—Luqa 6:38.

17. Liema hu l-​aħjar mod kif infaħħru lil oħrajn?

17 Kun speċifiku. Meta Ġesù faħħar lill-​Kristjani fi Tjatira, hu kien speċifiku u spjega x’kienu għamlu tajjeb. (Aqra Rivelazzjoni 2:18, 19.) Kif nistgħu nimitawh? Forsi nistgħu nfaħħru omm li trabbi t-​tfal waħedha għall-​mod kif trabbihom minkejja kemm ikun diffiċli għaliha. Jew jekk int ġenitur, tistaʼ tfaħħar lil uliedek għall-​isforzi tagħhom biex jaqdu lil Ġeħova. Spjegalhom liema affarijiet tajbin innotajt. Jekk inkunu speċifiċi meta ninkuraġġixxu lil oħrajn, huma se jkunu jafu li aħna sinċieri f’dak li ngħidulhom.

18, 19. Kif nistgħu ngħinu lil xulxin biex nibqgħu qrib taʼ Ġeħova?

18 Ġeħova qal lil Mosè biex jinkuraġġixxi u jsaħħaħ lil Ġożwè. M’għandniex xi ngħidu, illum Ġeħova mhux se jkellimna u jgħidilna ninkuraġġixxu lit-​tali persuna. Imma hu jieħu pjaċir meta jara l-​isforzi li nagħmlu biex ninkuraġġixxu lil oħrajn. (Proverbji 19:17; Ebrej 12:12) Pereżempju, meta ħu jagħti taħdita pubblika fil-​kongregazzjoni tagħna, aħna nistgħu ngħidulu x’laqatna mit-​taħdita tiegħu. Forsi dak li qal għenna nkampaw bi problema jew nifhmu ċerta skrittura. Oħt kitbet hekk lil ħu li kien ta taħdita: “Għalkemm tkellimna għal ftit minuti biss, int fhimt kemm kont ninsab imnikkta, u int farraġtni u tellajtli l-​moral. Nixtieqek tkun taf li meta tkellimt b’tant ħlewwa, kemm minn fuq il-​platform u kemm miegħi personalment, ħassejt li dan kien rigal mingħand Ġeħova.”

19 Aħna se nkunu nistgħu ngħinu lil xulxin biex nibqgħu qrib taʼ Ġeħova jekk insegwu l-​parir taʼ Pawlu: “Ibqgħu farrġu lil xulxin u ibnu lil xulxin, bħalma fil-​fatt qed tagħmlu.” (1 Tessalonikin 5:11) Jekk ‘nibqgħu nħeġġu lil xulxin kull jum,’ aħna se nferrħuh ħafna lil Ġeħova!

^ [1] (paragrafu 1) Xi ismijiet ġew mibdulin.