Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Organizzati fi qbil mal-​Ktieb t’Alla stess

Organizzati fi qbil mal-​Ktieb t’Alla stess

“Ġeħova sejjes l-​art bl-​għerf. Stabbilixxa fis-​sod is-​smewwiet bid-​dixxerniment.”—PROVERBJI 3:19.

GĦANJIET: 105, 107

1, 2. (a) X’jgħidu xi nies dwar l-​idea li Alla għandu organizzazzjoni? (b) X’se niddiskutu f’dan l-​artiklu?

XI NIES jgħidu: “M’għandekx bżonn taʼ organizzazzjoni biex tidderiġik. Kulm’għandek bżonn hu relazzjoni m’Alla.” Veru dan? X’juru l-​fatti?

2 F’dan l-​artiklu, se naraw li Ġeħova jagħmel l-​affarijiet bl-​ordni u li hu jorganizza lill-​poplu tiegħu. Se niddiskutu wkoll x’hemm bżonn nagħmlu meta l-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova tagħtina direzzjoni. (1 Korintin 14:33, 40) Fl-​ewwel seklu, il-​poplu taʼ Ġeħova segwa d-​direzzjoni fl-​Iskrittura u setaʼ jipprietka l-​aħbar tajba f’ħafna postijiet. L-​istess bħalhom, illum aħna nħallu lill-​Bibbja tiggwidana u nobdu l-​istruzzjonijiet li nirċievu mill-​organizzazzjoni t’Alla. B’hekk, nistgħu nippritkaw l-​aħbar tajba madwar id-​dinja. Ukoll, aħna nżommu l-​kongregazzjoni nadifa, paċifika, u magħquda.

ĠEĦOVA HU L-​ALLA TAʼ ORDNI

3. X’jikkonvinċik li Ġeħova hu l-​Alla taʼ ordni?

3 Meta nħarsu lejn l-​affarijiet li ħalaq Ġeħova, biċ-​ċar naraw li hu l-​Alla taʼ ordni. Hu “sejjes l-​art bl-​għerf. Stabbilixxa fis-​sod is-​smewwiet bid-​dixxerniment.” (Proverbji 3:19) Hemm ħafna li ma nafux dwar l-​affarijiet li Ġeħova għamel. Fil-​fatt, “hu ftit dak li nisimgħu dwaru.” (Ġob 26:14) Imma mill-​ftit li nafu dwar l-​univers tagħna jidher ċar li hu organizzat tajjeb ħafna. (Salm 8:3, 4) Miljuni taʼ kwiekeb iduru fl-​ispazju bl-​ordni. U aħseb kif il-​pjaneti fis-​sistema solari tagħna jduru madwar ix-​xemx. Dan l-​ordni tal-​għaġeb hu possibbli biss għaliex Ġeħova organizza l-​mod li bih iduru l-​pjaneti u l-​kwiekeb. Meta naħsbu dwar kif għamel l-​art u “s-​smewwiet bl-​intelliġenza,” inkunu rridu nfaħħruh, inqimuh, u nkunu leali lejh.—Salm 136:1, 5-9.

4. Ix-​xjentisti għala ma setgħux iwieġbu ħafna mistoqsijiet importanti?

4 Ix-​xjentisti użaw ħafna mill-​affarijiet li tgħallmu dwar l-​univers u d-​dinja tagħna biex itejbulna ħajjitna. Imma ma setgħux iwieġbu ħafna mistoqsijiet importanti. Pereżempju, l-​astronomi ma jistgħux jgħidulna bl-​eżatt kif beda l-​univers jew għala l-​bnedmin, l-​annimali, u l-​pjanti jeżistu fuq l-​art. U l-​biċċa l-​kbira min-​nies ma jistgħux jispjegaw għala l-​bnedmin għandhom xewqa qawwija biex jgħixu għal dejjem. (Ekkleżjasti 3:11) Raġuni waħda għala n-​nies m’għandhomx it-​tweġibiet għal dawn il-​mistoqsijiet hi li x-​xjentisti u oħrajn jgħidu li m’hemmx Alla u jinkuraġġixxu l-​evoluzzjoni. Imma Alla jagħtina t-​tweġibiet fil-​Ktieb tiegħu stess, il-​Bibbja.

5. B’liema modi l-​bnedmin jafdaw il-​liġijiet tan-​natura?

5 Ġeħova ħalaq il-​ħafna liġijiet tan-​natura. Dawn il-​liġijiet ma jinbidlux. Nies tas-​sengħa bħal elektrixins, plamers, inġinieri, piloti, kirurgi, u oħrajn jafdaw dawn il-​liġijiet biex jagħmlu x-​xogħol tagħhom. Pereżempju, il-​qalb tal-​bniedem normalment tkun fl-​istess parti tal-​ġisem, allura kirurgu jaf fejn isibha f’kull pazjent li jkollu. U kulħadd jaf li jekk xi ħadd jaqbeż minn post għoli, se jaqaʼ u jistaʼ jmut. Aħna nobdu l-​liġijiet tan-​natura, bħall-​gravità, għax irridu nibqgħu ħajjin.

DAK LI ALLA ORGANIZZA

6. Kif nafu li Ġeħova jrid li n-​nies iqimuh b’mod organizzat?

6 Ġeħova organizza l-​univers b’mod tassew meraviljuż. Bla dubju, mela, irid li l-​poplu tiegħu jqimu b’mod organizzat. Fil-​fatt, Ġeħova pprovda l-​Bibbja biex jgħallimna kif inqimuh. Huwa biss billi nsegwu l-​gwida li jagħtina permezz tal-​Bibbja u l-​organizzazzjoni tiegħu li se nkunu nistgħu ngħixu ħajja hienja u sodisfaċenti.

7. X’nistgħu nitgħallmu mill-​mod taʼ kif inkitbet il-​Bibbja?

7 Il-​Bibbja hi verament rigal uniku mingħand Alla. Xi studjużi jgħidu li l-​Bibbja hi sempliċement ġabra taʼ kotba Lhud u Kristjani mpoġġijin flimkien mill-​bnedmin. Iżda Alla ddeċieda min kellu jikteb il-​kotba, meta kellhom jiktbuhom, u x’kellhom jiktbu. Hu għalhekk li l-​kotba kollha tal-​Bibbja jgħinuna nifhmu l-​messaġġ t’Alla. Mill-​Ġenesi sar-​Rivelazzjoni, il-​Bibbja turi li kellu jkun hemm ‘nisel’ li kien se jerġaʼ jagħmel l-​art ġenna. U aħna tgħallimna li dan in-​‘nisel’ hu Kristu Ġesù u li s-​Saltna tiegħu se turi li Ġeħova għandu d-​dritt li jsaltan fuq kulħadd.—Aqra Ġenesi 3:15; Mattew 6:10; Rivelazzjoni 11:15.

8. L-​Iżraelin b’liema modi kienu organizzati tajjeb?

8 L-​Iżraelin segwew il-​Liġi li tahom Alla u kienu organizzati tajjeb ħafna. Pereżempju, kien hemm “nisa li kienu organizzati għas-​servizz fid-​daħla tat-​tinda tal-​laqgħa.” (Eżodu 38:8) L-​Iżraelin kellhom ukoll istruzzjonijiet taʼ kif iċaqalqu l-​kamp tagħhom u t-​tabernaklu b’mod organizzat. Iktar tard, is-​Sultan David organizza lill-​qassisin u l-​Leviti biex jagħmlu xogħol speċifiku fit-​tempju. (1 Kronaki 23:1-​6; 24:1-​3) Meta l-​Iżraelin obdew lil Ġeħova, hu berikhom. Huma kienu organizzati u kellhom il-​paċi u l-​unità.—Dewteronomju 11:26, 27; 28:1-​14.

9. Il-​kongregazzjonijiet fl-​ewwel seklu kif kienu organizzati?

9 Il-​kongregazzjonijiet fl-​ewwel seklu kienu organizzati wkoll. Kien hemm ġemgħa li tiggverna, jiġifieri, grupp taʼ rġiel li dderiġew lill-​kongregazzjonijiet. Għall-​ewwel, dan il-​grupp kien magħmul mill-​appostli. Iktar tard, żdiedu magħhom anzjani oħrajn. (Atti 6:1-​6; 15:6) Ġeħova ggwida lil membri tal-​ġemgħa li tiggverna u oħrajn li ħadmu mill-​qrib magħhom biex jiktbu ittri li kien fihom pariri u istruzzjonijiet għall-​kongregazzjonijiet. (1 Timotju 3:1-​13; Titu 1:5-​9) Il-​kongregazzjonijiet kif ibbenefikaw milli jsegwu d-​direzzjoni tal-​ġemgħa li tiggverna?

10. X’ġara meta l-​kongregazzjonijiet fl-​ewwel seklu segwew l-​istruzzjonijiet tal-​ġemgħa li tiggverna? (Ara l-​ewwel stampa.)

10 Aqra Atti 16:4, 5Fl-​ewwel seklu, xi aħwa rġiel żaru lill-​kongregazzjonijiet biex jgħidulhom “id-​digrieti li kienu ġew deċiżi mill-​appostli u l-​anzjani f’Ġerusalemm,” jiġifieri, mill-​ġemgħa li tiggverna. Il-​kongregazzjonijiet segwew dawn l-​istruzzjonijiet u “komplew jissodaw fil-​fidi u jiżdiedu fl-​għadd minn jum għall-​ieħor.” X’nistgħu nitgħallmu mill-​eżempju tagħhom li se jgħinna fil-​kongregazzjoni tagħna llum?

INT TOBDI D-​DIREZZJONI?

11. L-​anzjani u l-​qaddejja ministerjali x’għandhom jagħmlu meta jirċievu direzzjoni mill-​organizzazzjoni t’Alla?

11 Membri tal-​Kumitati tal-​Fergħa jew Kumitati tal-​Pajjiż, indokraturi li jżuru l-​kongregazzjonijiet, u anzjani jeħtieġ li jobdu d-​direzzjoni li jirċievu mill-​organizzazzjoni t’Alla. Fil-​fatt, il-​Ktieb taʼ Ġeħova stess jgħidilna lkoll biex nobdu lil dawk li qed jieħdu t-​tmexxija. (Dewteronomju 30:16; Ebrej 13:7, 17) Dawk li huma leali lejn Ġeħova mhumiex ribellużi, u ma jgergrux dwar id-​direzzjoni li jirċievu. Aħna ma rridux inkunu bħal Dijotrefe, li ma kellux rispett lejn l-​aħwa rġiel li kienu qed imexxu. (Aqra t-​3 Ġwanni 9, 10.) Meta nsegwu d-​direzzjoni li ningħataw, aħna ngħinu biex inżommu l-​paċi u l-​unità fil-​kongregazzjoni. Allura nistgħu nistaqsu lilna nfusna: ‘Ninkuraġġixxi jien lil ħuti rġiel u nisa biex ikunu leali lejn Ġeħova? Nobdi jien fil-​pront id-​direzzjoni li nirċievi mill-​organizzazzjoni t’Alla?’

12. Kif jinħatru l-​anzjani u l-​qaddejja ministerjali?

12 Dan l-​aħħar, il-​Ġemgħa li Tiggverna bidlet il-​mod kif jinħatru l-​anzjani u l-​qaddejja ministerjali f’kull kongregazzjoni. Il-​“Mistoqsijiet mill-​qarrejja” f’It-​Torri tal-​Għassa tal-​15 taʼ Novembru 2014 spjega li fl-​ewwel seklu, il-​ġemgħa li tiggverna awtorizzat lill-​indokraturi li jivvjaġġaw biex jaħtru anzjani u qaddejja ministerjali. B’hekk, minn Settembru 2014, l-​indokraturi li jżuru l-​kongregazzjonijiet kienu qed jagħmlu dawn il-​ħatriet. Meta l-​anzjani taʼ kongregazzjoni jirrikkmandaw lil ħu biex jaqdi bħala anzjan jew qaddej ministerjali, l-​indokratur li jżur il-​kongregazzjonijiet jipprova jsir jaf lilu u lil familtu. Pereżempju, għandu mnejn jaħdem mal-​ħu fis-​servizz tal-​għalqa. (1 Timotju 3:4, 5) Imbagħad l-​indokratur li jżur il-​kongregazzjonijiet u l-​anzjani jiltaqgħu. Huma jikkunsidraw sew dak li tgħid l-​Iskrittura dwar il-​kwalitajiet t’anzjan jew qaddej ministerjali.—1 Timotju 3:1-​10, 12, 13; 1 Pietru 5:1-​3.

L-​anzjani jagħtuna direzzjoni mill-​Bibbja għax iridu jipproteġu u jieħdu ħsieb il-​kongregazzjoni

13. Kif nistgħu nuru li nikkooperaw mad-​direzzjoni li nirċievu mingħand l-​anzjani?

13 L-​anzjani jagħtuna direzzjoni mill-​Bibbja għax iridu jipproteġu u jieħdu ħsieb il-​kongregazzjoni. Jeħtieġ li nikkooperaw magħhom għax dan it-​tagħlim ikun għall-​ġid tagħna stess. (1 Timotju 6:3) Fl-​ewwel seklu, xi individwi kienu “qed jimxu bid-​diżordni.” Ma kinux qed jaħdmu imma kienu qed jindaħlu fejn ma jesagħhomx. L-​anzjani pprovaw jikkoreġuhom, imma ma ridux jinbidlu. Pawlu qal lill-​kongregazzjoni kif kellhom jittrattaw lil xi ħadd bħal dan. Hu qal: “Lil dan żommuh immarkat u tibqgħux tissieħbu miegħu.” Kien hemm bżonn li jieqfu jagħmluha miegħu imma mhux li jittrattawh bħala għadu. (2 Tessalonikin 3:11-​15) Illum ukoll, l-​anzjani jipprovaw jgħinu individwu li jinjora l-​livelli t’Alla, pereżempju, wieħed li joħroġ maʼ xi ħadd li mhux tal-​istess twemmin. (1 Korintin 7:39) Jekk l-​individwu jirrifjuta li jbiddel l-​imġiba tiegħu, l-​anzjani jistgħu jiddeċiedu li ssir taħdita li tispjega kif din l-​imġiba tistaʼ ġġiegħel lil oħrajn jitkellmu b’mod negattiv dwar il-​kongregazzjoni. Jekk l-​anzjani jagħtu taħdita bħal din fil-​kongregazzjoni tiegħek, kif se tirreaġixxi? Jekk tkun taf min hu l-​individwu, se tevita li tagħmilha miegħu? B’hekk, se tkun tistaʼ tgħinu jirrealizza li l-​imġiba tiegħu hi taʼ ħsara għalih u taʼ dispjaċir għal Ġeħova, u għandu mnejn ibiddel l-​attitudni tiegħu. [1]—Ara n-​nota fl-​aħħar.

ŻOMM IL-​KONGREGAZZJONI NADIFA, FIL-​PAĊI, U MAGĦQUDA

14. Kif nistgħu ngħinu biex inżommu l-​kongregazzjoni nadifa?

14 Il-​Kelma t’Alla tgħidilna x’għandna nagħmlu lkoll kemm aħna sabiex ma nħallux il-​ħażen jibqaʼ fil-​kongregazzjonijiet tagħna. Ikkunsidra x’ġara f’Korintu. Pawlu kien iħobbhom lill-​aħwa t’hemm. Kien għen lil ħafna minnhom jitgħallmu l-​verità. (1 Korintin 1:1, 2) Allura immaġina kif ħassu meta sab li wieħed minnhom kien qed jgħix ħajja immorali sesswalment u li l-​aħwa kienu ħallewh jibqaʼ fil-​kongregazzjoni! Pawlu qal lill-​anzjani biex ‘jagħtu lil dan il-​bniedem f’idejn Satana.’ Kien jeħtieġ li jneħħu lil dik il-​persuna mill-​kongregazzjoni, jiġifieri, li jiġi maqtugħ mis-​sħubija. (1 Korintin 5:1, 5-​7, 12) Illum, l-​anzjani jistgħu jiddeċiedu li xi ħadd għandu jinqataʼ mis-​sħubija għax ikun dineb serjament u ma jkunx nidem. F’dan il-​każ, se nittrattaw aħna lill-​persuna li nqatgħet mis-​sħubija bħalma tgħidilna nagħmlu l-​Iskrittura? Jekk nagħmlu dan, aħna ngħinu biex il-​kongregazzjoni tinżamm nadifa. U forsi ngħinu lill-​persuna tirrealizza li għandha bżonn tindem u titlob maħfra lil Ġeħova.

15. Kif nistgħu nżommu l-​paċi fil-​kongregazzjoni?

15 Kien hemm problema oħra f’Korintu. Xi wħud kienu qed itellgħu lil ħuthom il-​qorti. Pawlu staqsiehom: “Minflok għax ma tħallux min jonqoskom?” (1 Korintin 6:1-​8) Illum, uħud fil-​kongregazzjoni ftiehmu fuq xi negozju maʼ ħuthom iżda mbagħad tilfu l-​flus jew ħassew li ħuthom qarrqu bihom. Allura tellgħu lil ħuthom il-​qorti. Imma meta jiġri dan, jistaʼ jwassal lin-​nies biex imaqdru lil Ġeħova u n-​nies tiegħu. U għandu mnejn iqajjem l-​inkwiet fil-​kongregazzjoni. Il-​Ktieb t’Alla stess jgħinna nifhmu li għandna nżommu l-​paċi maʼ ħutna, anke jekk dan ifisser li nitilfu l-​flus. [2] (Ara n-​nota fl-​aħħar.) Fil-​fatt, Ġesù għallimna kif insolvu problemi u nuqqas taʼ ftehim serju. (Aqra Mattew 5:23, 24; 18:15-​17.) Meta nobdu d-​direzzjoni tiegħu, aħna nżommu l-​paċi u l-​indafa fil-​kongregazzjoni.

16. Il-​poplu t’Alla għala hu f’unità?

16 Il-​Ktieb taʼ Ġeħova stess jgħidilna: “Ara! Kemm hu tajjeb u sabiħ li l-​aħwa jgħammru flimkien f’unità!” (Salm 133:1) Meta l-​Iżraelin obdew lil Ġeħova, huma kienu organizzati u fil-​paċi. Dwar il-​poplu tiegħu, Alla bassar: “Inqegħedhom flimkien bħal nagħaġ f’maqjel.” (Mikea 2:12) Ġeħova bassar ukoll li l-​poplu tiegħu kien se jitgħallem il-​verità mill-​Iskrittura u kellu jaqdih f’unità. Hu qal: “Se nagħti lill-​popli l-​bidla għal lingwa pura, biex ilkoll isejħu isem Ġeħova, biex jaqduh spalla maʼ spalla.” (Sofonija 3:9) Kemm aħna grati li nistgħu nqimu lil Ġeħova f’unità!

L-anzjani jgħinu lil xi ħadd li “jagħmel xi pass falz” (Ara paragrafu 17)

17. X’għandhom jagħmlu l-​anzjani meta xi ħadd fil-​kongregazzjoni jagħmel xi dnub serju?

17 Jekk xi ħadd jagħmel xi dnub serju, l-​anzjani għandhom jikkoreġuh malajr u bi mħabba. Huma jafu li Ġeħova jridhom jipproteġu l-​kongregazzjoni minn kull influwenza ħażina u jżommuha nadifa u magħquda. (Proverbji 15:3) Pawlu ħabb profondament lil ħutu f’Korintu u kkoreġiehom meta kellhom bżonn, bħalma naqraw fl-​ewwel ittra li bagħtilhom. Aħna nafu li l-​anzjani kienu pronti jsegwu d-​direzzjoni taʼ Pawlu għax xi xhur wara, hu faħħarhom fit-​tieni ittra li kitbilhom. Jekk xi ħu “jagħmel xi pass falz qabel ma jinduna,” l-​anzjani għandhom jikkoreġuh b’qalb tajba.—Galatin 6:1.

18. (a) Il-​gwida fil-​Kelma t’Alla kif għenet lill-​kongregazzjonijiet fl-​ewwel seklu? (b) X’se niddiskutu fl-​artiklu li jmiss?

18 Jidher ċar li meta l-​Kristjani fl-​ewwel seklu segwew il-​gwida misjuba fil-​Ktieb t’Alla stess, il-​kongregazzjonijiet tagħhom kienu nodfa, fil-​paċi, u magħqudin. (1 Korintin 1:10; Efesin 4:11-​13; 1 Pietru 3:8) Minħabba f’hekk, dawn l-​aħwa setgħu jippritkaw l-​aħbar tajba “fil-​ħolqien kollu li hu taħt is-​sema.” (Kolossin 1:23) Illum, ukoll, il-​poplu taʼ Ġeħova huwa magħqud u organizzat, u qed jipprietka l-​aħbar tajba fid-​dinja kollha. L-​artiklu li jmiss se jagħti iżjed prova li l-​ikbar xewqa tiegħu hi biex jonora lill-​Mulej Sovran Ġeħova u jobdi l-​gwida fil-​Ktieb tiegħu stess, il-​Bibbja.—Salm 71:15, 16.

^ [1] (paragrafu 13) Ara l-​ktieb Organizzati biex nagħmlu r-​rieda taʼ Ġeħova, paġni 134-​136.

^ [2] (paragrafu 15) Għal informazzjoni dwar sitwazzjonijiet li fihom Kristjan għandu mnejn jiddeċiedi li jieħu passi legali kontra Kristjan ieħor, ara l-​ktieb “Żommu Ruħkom fl-​Imħabba t’Alla,” paġna 223, nota taʼ taħt.