Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Il-​mod kif tilbes jigglorifika lil Alla?

Il-​mod kif tilbes jigglorifika lil Alla?

“Agħmlu kollox għall-​glorja t’Alla.”—1 KORINTIN 10:31.

GĦANJIET: 34, 61

1, 2. Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova għala għandhom livelli xierqa taʼ lbies? (Ara l-​ewwel stampa.)

GAZZETTA Olandiża ddeskriviet kif mexxejja taʼ knisja partikulari kienu lebsin waqt waħda mil-​laqgħat tagħhom. Din qalet: “Stajt tara ħafna lbies każwali, speċjalment meta kienet is-​sħana.” Madankollu, l-​istess gazzetta qalet li dan ma kienx kif ix-​Xhieda taʼ Ġeħova kienu lebsin fil-​konvenzjoni tagħhom. Irrapportat li s-​subien u l-​irġiel kienu lebsin il-​ġlekk u l-​ingravata. Il-​bniet u n-​nisa kienu lebsin dbielet b’tul modest, fl-​istess ħin moderni. Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova spiss jiġu mfaħħrin għal mod kif jilbsu. L-​appostlu Pawlu qal li l-​ħwejjeġ li jilbsu l-​Kristjani għandhom juru ‘modestja u moħħ f’loku,’ kif inhu xieraq għall-​qaddejja t’Alla. (1 Timotju 2:9, 10) Għalkemm Pawlu kien qed jitkellem dwar in-​nisa, dan il-​livell japplika wkoll għall-​irġiel Kristjani.

2 Livelli tajbin taʼ lbies huma importanti għalina bħala l-​poplu taʼ Ġeħova, u huma importanti għal Alla li aħna nqimu. (Ġenesi 3:21) Il-​Bibbja tagħmilha ċara li Ġeħova, is-​Sovran tal-​univers, għandu livelli għall-​qaddejja tiegħu taʼ kif għandhom jilbsu. Għalhekk, l-​għażla taʼ ħwejjeġ tagħna m’għandhiex biss togħġob lilna, imma iktar importanti minn hekk, għandha togħġob lill-​Mulej Sovran tagħna, Ġeħova.

3. Mil-​Liġi t’Alla lill-​Iżraelin, x’nistgħu nitgħallmu dwar il-​ħwejjeġ?

3 Fil-​Liġi Mosajka, kien hemm regoli li pproteġew lill-​Iżraelin mill-​mod taʼ ħajja tassew immorali tal-​ġnus taʼ madwarhom. Il-​Liġi wriet li Ġeħova jobgħod ħwejjeġ li ma jurux ċar jekk persuna hix mara jew raġel. (Aqra Dewteronomju 22:5.) Mil-​Liġi nitgħallmu li Ġeħova ma jogħġbuhx ħwejjeġ li jagħmlu lill-​irġiel jidhru qishom nisa, u li jagħmlu lin-​nisa jidhru qishom irġiel, jew li tkun diffiċli tara d-​differenza bejn raġel u mara.

4. X’jistaʼ jgħin lill-​Kristjani jieħdu deċiżjonijiet tajbin dwar kif jilbsu?

4 Prinċipji tal-​Bibbja jistgħu jgħinuna nieħdu deċiżjonijiet tajbin dwar x’nilbsu. Dawn il-​prinċipji japplikaw dejjem, hi x’inhi l-​klima jew il-​pajjiż li ngħixu fih jew x’kultura għandna. M’għandniex bżonn xi lista twila dwar liema ħwejjeġ huma aċċettabbli u liema mhumiex. Għandna sempliċiment insegwu prinċipji Skritturali, li xorta jippermettulna nilbsu affarijiet li jogħġbuna. Ejja nikkunsidraw xi prinċipji Bibliċi li jistgħu jgħinuna nagħrfu “x’inhi r-​rieda tajba u aċċettabbli u perfetta t’Alla” meta nkunu qed naħsbu x’se nilbsu.—Rumani 12:1, 2.

“NIRRIKKMANDAW LILNA NFUSNA BĦALA MINISTRI T’ALLA”

5, 6. Il-​mod kif nilbsu x’effett għandu jħalli fuq ħaddieħor?

5 L-​appostlu Pawlu kien ispirat biex jenfasizza l-​prinċipju importanti li nsibu fit-​2 Korintin 6:4. (Aqra.) Il-​mod kif nidhru jwassal messaġġ lil oħrajn, u ħafna nies se joħolqu opinjoni dwarna skont kif inkunu nidhru. (1 Samwel 16:7) Peress li aħna qaddejja t’Alla, irridu nagħmlu iktar milli sempliċiment nilbsu dak li jogħġobna jew dak li nħossuna komdi bih. Meta napplikaw prinċipji Bibliċi, dan għandu jgħinna nevitaw li nilbsu ħwejjeġ li huma ssikkati żżejjed, ħwejjeġ li jikxfu żżejjed, jew li huma sexy. Dan ifisser li se nevitaw ħwejjeġ li jiġbdu l-​attenzjoni lejn il-​partijiet privati taʼ ġisimna. Ħadd ma jrid li jħossu skomdu jew ikollu jdawwar wiċċu naħa oħra minħabba l-​mod taʼ kif inkunu lebsin.

Meta nżommu l-​persuna tagħna nadifa, inkunu puliti, u l-​ilbies tagħna jkun modest, in-​nies abbli jirrispettawna iktar bħala l-​qaddejja taʼ Ġeħova

6 Meta nżommu l-​persuna tagħna nadifa, inkunu puliti, u l-​ilbies tagħna jkun modest, in-​nies abbli jirrispettawna iktar bħala l-​qaddejja tal-​Mulej Sovran Ġeħova. U għandhom mnejn ikunu iktar interessati fl-​Alla li aħna nqimu, ikollhom iktar rispett lejn l-​organizzazzjoni tagħna, u x’aktarx iktar jagħtu widen għall-​messaġġ li jsalva l-​ħajjiet.

7, 8. Meta għandna b’mod speċjali nilbsu ħwejjeġ addattati?

7 Dak li nilbsu jeffettwa lill-​Alla l-​qaddis tagħna, lill-​aħwa rġiel u nisa Kristjani, u lin-​nies fit-​territorju tagħna. Għandna nilbsu b’mod li jonora lil Ġeħova u l-​messaġġ li nxandru. (Rumani 13:8-​10) X’nilbsu hu importanti b’mod speċjali meta mmorru l-​laqgħat Kristjani tagħna jew meta nippritkaw. Għandna nilbsu b’mod li jkun addattat għan-​nies li jqimu lil Alla. (1 Timotju 2:10) Naturalment, ċerti ħwejjeġ li huma addattati f’ċertu pajjiż jistaʼ jkun li mhumiex addattati f’pajjiż ieħor. Għaldaqstant, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova madwar id-​dinja jagħtu kas id-​drawwiet tal-​lokal biex b’hekk ma joffendu lil ħadd.

Se jgħinu l-​ħwejjeġ tiegħek biex oħrajn jirrispettaw lil Alla li int tirrappreżenta? (Ara paragrafi 7, 8)

8 Aqra l-​1 Korintin 10:31. Meta nattendu l-​assembleat u l-​konvenzjonijiet, l-​ilbies tagħna għandu jkun addattat u modest. M’għandniex nimitaw l-​istili estremi taʼ ħwejjeġ li huma komuni fid-​dinja. Anki qabel jew wara l-​programm tal-​konvenzjoni u meta nkunu qed nagħmlu ċ-​check-​in jew iċ-​check-​out tal-​lukanda, għandna nagħmlu ċert li l-​ilbies tagħna ma jkunx każwali żżejjed jew żmattat. B’hekk, se nkunu kburin li nidentifikaw lilna nfusna bħala x-​Xhieda taʼ Ġeħova u se nkunu lesti nagħtu xhieda f’kull ħin.

9, 10. Filippin 2:4, għala għandu jeffettwa x’nilbsu?

9 Aqra Filippin 2:4. Għala għandna naħsbu dwar x’effett qed iħalli l-​ilbies tagħna fuq ħutna rġiel u nisa Kristjani? Raġuni waħda hi li n-​nies t’Alla jaħdmu iebes biex isegwu l-​parir: “Mewtu l-​membri taʼ ġisimkom li qegħdin fuq l-​art fejn tidħol iż-​żína, in-​nuqqas taʼ ndafa, l-​aptit sesswali.” (Kolossin 3:2, 5) Ftit minn ħutna rġiel u nisa telqu ħajja li kienet immorali sesswalment, imma jistaʼ jkun li xorta għadhom jiġġieldu kontra xewqat ħżiena. Jekk ma noqogħdux attenti, il-​mod kif nilbsu jistaʼ jagħmilha saħansitra iktar diffiċli għalihom biex isegwu l-​parir tal-​Bibbja u jiġġieldu kontra xewqat bħal dawn. (1 Korintin 6:9, 10) Ma rridux nagħmlulhom il-​ġlieda tagħhom iktar diffiċli, hux vera?

10 Meta nkunu maʼ ħutna, ħwejjiġna għandhom jgħinu biex ilkoll nibqgħu nodfa moralment. Il-​mod kif nilbsu għandu jżid maʼ dan l-​ambjent nadif, kemm jekk qegħdin f’laqgħa u kemm jekk qegħdin xi mkien ieħor. Għalkemm għandna l-​libertà li nagħżlu x’nilbsu, għandna wkoll ir-​responsabbiltà li nilbsu b’mod li jagħmilha eħfef għal oħrajn biex iżommu ħsibijiethom nodfa, kliemhom nadif, u kondotta nadifa f’għajnejn Alla. (1 Pietru 1:15, 16) L-​imħabba vera “ma ġġibx ruħha b’mod indeċenti, ma tfittixx l-​interessi tagħha.”—1 Korintin 13:4, 5.

ILBIES ADDATTAT

11, 12. Ekkleżjasti 3:1, 17, kif jgħinna nkunu raġunevoli?

11 Meta l-​qaddejja t’Alla jkunu qed jiddeċiedu x’se jilbsu, huma jafu li hemm “żmien għal kollox u għal kull għemil.” (Ekkleżjasti 3:1, 17) Staġuni, kundizzjonijiet tal-​ħajja, ċirkustanzi, u klimi differenti jistgħu jeffettwaw x’nilbsu. Imma l-​livelli taʼ Ġeħova huma dejjem l-​istess.—Malakija 3:6.

Il-​livelli taʼ Ġeħova huma dejjem l-​istess

12 F’temp iktar sħun, hija iktar taʼ sfida biex nagħmlu ċert li dak li nilbsu jkun modest u juri rispett. Ħutna japprezzaw meta nilbsu ħwejjeġ li mhumiex issikkati żżejjed li jkun jidher kollox jew ħwejjeġ wesgħin iżżejjed li meta nagħmlu ċerti movimenti jinkixfu partijiet privati tal-​ġisem. (Ġob 31:1) Ukoll, meta nkunu ħdejn il-​baħar jew il-​pool, il-​malja tagħna għandha tkun modesta. (Proverbji 11:2, 20) Hemm nies fid-​dinja li jilbsu malji indeċenti. Bħal pereżempju malji li jikxfu żżejjed, trasparenti, jew issikkati żżejjed. Anki jekk ħafna jagħmlu hekk, aħna għandna nagħmlu ċert li l-​għażla tagħna ġġib unur lill-​Alla l-​qaddis tagħna, Ġeħova.

13. Il-​parir li nsibu fl-​1 Korintin 10:32, 33, għala għandu jeffettwa l-​għażla tal-​ilbies tagħna?

13 Hemm prinċipju importanti ieħor li għandu jeffettwa l-​għażla tal-​ilbies tagħna. Hemm bżonn noqogħdu attenti li ma noffendux il-​kuxjenza t’oħrajn. (Aqra l-​1 Korintin 10:32, 33.) Hija r-​responsabbiltà tagħna li nevitaw li nilbsu ħwejjeġ li jistgħu joffendu lil ħutna rġiel u nisa, u kif ukoll lil dawk li ma jaqdux lil Ġeħova. L-​appostlu Pawlu kiteb: “Ħa jogħġob kull wieħed minna lill-​proxxmu tiegħu f’dak li hu tajjeb biex jgħinu jinbena.” Pawlu żied din ir-​raġuni: “Għax lanqas il-​Kristu ma fittex li jogħġob lilu nnifsu.” (Rumani 15:2, 3) Bħal Ġesù, li nagħmlu r-​rieda t’Alla u li ngħinu oħrajn għandu jkun iktar importanti mill-​preferenzi personali. Għalhekk, mhux se nagħżlu li nilbsu stil taʼ lbies li jogħġob lilna u li mbagħad jistaʼ jżomm lin-​nies milli jisimgħu l-​messaġġ li rridu nagħtuhom.

14. Il-​ġenituri kif jistgħu jħarrġu lil uliedhom biex jigglorifikaw lil Alla bil-​mod li jilbsu?

14 Ġenituri Kristjani għandhom ir-​responsabbiltà li jgħallmu lil uliedhom biex isegwu l-​prinċipji tal-​Bibbja. Dan jinkludi li jagħmlu ċert li huma u wliedhom jagħmlu lil Alla ferħan bil-​ħwejjeġ modesti tagħhom u bil-​mod kif iżommu l-​persuna tagħhom. (Proverbji 22:6; 27:11) Kif jistgħu l-​ġenituri jħarrġu lil uliedhom jirrispettaw lill-​Alla l-​qaddis tagħna u l-​livelli tiegħu? Il-​ġenituri għandhom ikunu taʼ eżempju tajjeb għal uliedhom. U għandhom jgħallmu bi mħabba lit-​tfal tagħhom minn fejn u kif isibu ħwejjeġ addattati. It-​tfal m’għandhomx jagħżlu ċerti ħwejjeġ għax sempliċiment ikunu jogħġbuhom, imma iktar importanti minn hekk, huma għandhom jagħżlu ħwejjeġ li jonoraw lil Ġeħova, l-​Alla li huma jirrappreżentaw.

UŻA L-​LIBERTÀ TIEGĦEK BIL-​GĦAQAL

15. X’għandu jgħinna nagħmlu għażliet bil-​għaqal?

15 Il-​Bibbja hija gwida prattika li tistaʼ tgħinna nieħdu deċiżjonijiet tajbin li se jonoraw lil Alla. Xorta waħda, dak li nilbsu se juri xi preferenzi persunali għandna. L-​istili li nħobbu u l-​ħwejjeġ li naffordjaw jistgħu jkunu differenti minn dawk taʼ ħaddieħor. Imma l-​ħwejjeġ tagħna għandhom ikunu dejjem puliti, nodfa, modesti, addattati għall-​okkażjoni, u aċċettabbli lokalment.

16. Għaliex jiswa li nagħmlu sforz biex nilbsu b’mod xieraq?

16 Mhuwiex dejjem faċli li nsibu ħwejjeġ modesti u addattati. Ħafna ħwienet ibigħu biss ħwejjeġ tal-​moda popolari. Għalhekk, għandu mnejn jieħu iktar ħin u sforz biex insibu dbielet, qomos, u lbiesi jew biex nagħżlu ġlekkijiet u qliezet li ma jkunux issikkati żżejjed. Imma ħutna rġiel u nisa se jinnotaw u japprezzaw l-​isforzi tagħna biex nilbsu ħwejjeġ attraenti u addattati. Is-​sagrifiċċji li għandna mnejn inkunu għamilna biex nilbsu b’mod li jagħti glorja lil Missierna tas-​sema kollu mħabba, mhuma xejn ħdejn is-​sodisfazzjon li jkollna meta nagħtu glorja lilu.

17. Liema fatturi jistgħu jeffettwaw jekk ħu jħallix id-​daqna jew le?

17 Huwa xieraq li l-​aħwa rġiel iħallu d-​daqna? Il-​Liġi Mosajka kienet tirrikjedi li l-​irġiel ikollhom id-​daqna. Madankollu, il-​Kristjani la huma taħt il-​Liġi Mosajka u lanqas ma jeħtieġu jsegwuha. (Levitiku 19:27; 21:5; Galatin 3:24, 25) F’xi kulturi, li jkollhom daqna maqtugħa pulita għandu mnejn ikun aċċettabbli u rispettabbli, u forsi ma jżommx lin-​nies milli jisimgħu l-​messaġġ tagħna. Infatti, xi aħwa rġiel maħturin għandhom id-​daqna. Minkejja dan, xi aħwa rġiel jiddeċiedu li ma jħallux id-​daqna. (1 Korintin 8:9, 13; 10:32) F’kulturi jew inħawi oħrajn, m’għandhomx id-​drawwa li jħallu d-​daqna u ma titqiesx aċċettabbli għax-​Xhieda taʼ Ġeħova. Infatti, ħu li jkollu d-​daqna tistaʼ żżommu milli jonora lil Alla u tistaʼ żżommu milli jkun “bniedem li ma ssibx xi tgħid fih.”—1 Timotju 3:2, 7; Rumani 15:1-​3.

18, 19. L-​iskrittura taʼ Mikea 6:8 kif tgħinna?

18 Kemm aħna grati li Ġeħova ma jagħtiniex listi twal taʼ x’inhu aċċettabbli u x’mhuwiex rigward ilbies u kif inżommu l-​persuna tagħna. Minflok, hu tana l-​libertà li nkunu raġunevoli fid-​deċiżjonijiet personali li nieħdu bbażati fuq il-​prinċipji tal-​Bibbja. Allura, anki meta nieħdu deċiżjonijiet dwar x’nilbsu u kif inżommu l-​persuna tagħna, dan juri li aħna rridu nkunu modesti hekk kif naqdu lil Alla tagħna.—Mikea 6:8.

19 Aħna nirrikonoxxu bil-​modestja li Ġeħova hu pur u qaddis u li l-​livelli tiegħu huma l-​aqwa gwida għalina. Jekk irridu nkunu modesti u umli, se nsegwu l-​livelli tiegħu f’ħajjitna. Il-​modestja se tgħinna nirrispettaw is-​sentimenti u l-​opinjonijiet t’oħrajn.

20. L-​ilbies u kif inżommu l-​persuna tagħna, x’effett għandu jkollhom fuq oħrajn?

20 Il-​ħwejjeġ tagħna għandhom juru b’mod ċar ħafna li aħna l-​qaddejja taʼ Ġeħova. Hu għandu livelli għoljin, u aħna ferħanin li nsegwuhom. Ħutna rġiel u nisa inġenerali huma taʼ min ifaħħarhom għad-​dehra u l-​kondotta tajba tagħhom. Dan jgħin lin-​nies sinċieri biex jinġibdu lejn il-​messaġġ tal-​Bibbja li jsalva l-​ħajjiet u jigglorifikaw u jferrħu lil Ġeħova. Meta nieħdu deċiżjonijiet għaqlin dwar x’nilbsu, se nkomplu nagħtu glorja lil dak il-​Wieħed li jlibbes lilu nnifsu “bid-​dinjità u l-​glorja.”—Salm 104:1, 2.