Mistoqsijiet mill-qarrejja
X’inhi “l-kelma t’Alla” li Ebrej 4:12 jgħid li “hi ħajja u qawwija”?
Il-kuntest juri li Pawlu kien qed jirreferi għall-messaġġ t’Alla dwar l-iskop Tiegħu, bħalma nsibu fil-Bibbja.
Spiss insemmu Ebrej 4:12 fil-pubblikazzjonijiet tagħna biex nuru li l-Bibbja għandha l-qawwa li tbiddel il-ħajjiet, u dan hu minnu. Madankollu, hu t’għajnuna li nifhmu x’kien qed jiddiskuti Pawlu meta kiteb il-kliem t’Ebrej 4:12. Hu kien qed jinkuraġġixxi lill-Kristjani Ebrej biex jikkooperaw mal-iskopijiet t’Alla. Ħafna minn dawk l-iskopijiet instabu fil-kitba qaddisa. Bħala eżempju, Pawlu uża l-Iżraelin li Alla ħeles mill-Eġittu. Huma kellhom it-tama li jidħlu fl-“art [imwiegħda] li tnixxi ħalib u għasel,” fejn setgħu jgawdu serħan taʼ veru.—Eżodu 3:8; Dewteronomju 12:9, 10.
Dan kien l-iskop t’Alla. Imma l-Iżraelin irrifjutaw id-direzzjoni taʼ Ġeħova u ma wrewx fidi, u b’hekk il-maġġorparti minnhom ma daħlux f’dak il-mistrieħ. (Numri 14:30; Ġożwè 14:6-10) Madankollu, Pawlu żied jgħid li kien għad “baqaʼ l-wegħda taʼ dħul fil-mistrieħ [t’Alla].” (Ebrej 3:16-19; 4:1) Dik il-“wegħda” b’mod ċar hi parti minn dak li Alla rrivela dwar l-iskop tiegħu. Bħall-Kristjani Ebrej, nistgħu naqraw dwar l-iskop tiegħu u nikkooperaw miegħu. Sabiex jenfasizza li din il-wegħda hi bbażata fuq l-Iskrittura, Pawlu kkwota parti minn Ġenesi 2:2 u Salm 95:11.
Aħna nħossuna grati ħafna għall-fatt li “baqaʼ l-wegħda taʼ dħul fil-mistrieħ” t’Alla. Aħna ċerti li dak li tgħallem il-Bibbja dwar id-dħul fil-mistrieħ t’Alla hu verament possibbli, u ħadna passi biex nidħlu fih. Aħna ma nagħmlux dan billi nipprovaw insegwu l-Liġi li Alla ta lil Mosè jew nagħmlu affarijiet tajbin għas-sempliċi fatt biex ikollna l-approvazzjoni taʼ Ġeħova. Pjuttost, minħabba l-fidi tagħna f’Alla, b’ferħ ikkooperajna mal-iskop tiegħu u qed inkomplu nagħmlu dan. Barra minn hekk, eluf taʼ nies madwar id-dinja bdew jistudjaw il-Bibbja u jitgħallmu dak li Alla rrivela dwar l-iskop tiegħu. Dan immotiva lil ħafna minnhom biex ibiddlu l-istil tal-ħajja tagħhom, biex juru fidi, u biex jitgħammdu. Il-mod li bih qed jiġu effettwati hu prova ċara li “l-kelma t’Alla hi ħajja u qawwija.” Dak li Alla għamel magħruf fil-Bibbja dwar l-iskop tiegħu diġà effettwalna ħajjitna, u dan se jkompli jagħtina l-qawwa.