Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ġenituri, għinu lil uliedkom jibnu l-​fidi

Ġenituri, għinu lil uliedkom jibnu l-​fidi

“Ġuvintur u xebbiet . . . Ħa jfaħħru isem Ġeħova.”—SALM 148:12, 13.

GĦANJIET: 88, 115

1, 2. (a) Għala mhuwiex faċli għall-​ġenituri biex jgħallmu lil uliedhom ikollhom fidi f’Ġeħova, u x’inhu l-​uniku mod kif il-​ġenituri jistgħu jagħmlu dan? (b) Liema erbaʼ punti se niddiskutu issa?

OMM u missier fi Franza qalu: “Aħna nemmnu b’Ġeħova, imma dan ma jfissirx li uliedna bilfors se jemmnu bih. Il-​fidi mhix xi ħaġa li tiret. Uliedna jiksbuha bil-​mod il-​mod.” Ħu fl-​Awstralja kiteb: “Li tgħin lil uliedek biex jibnu l-​fidi f’qalbhom probabbli hu l-​akbar sfida li qatt tistaʼ tiffaċċja.” Hu żied jgħid: “Għandu mnejn tħossok li tkun iddiskutejt mistoqsija b’mod sodisfaċenti għal bintek jew ibnek. Imbagħad, iktar tard jerġaʼ jqajjem l-​istess mistoqsija! It-​tweġiba li tissodisfa l-​moħħ kurjuż li għandu llum, għandha mnejn li għada ma tkunx biżżejjed għalih.” Hekk kif it-​tfal qed jikbru, ħafna ġenituri jsibu li għandhom bżonn jispjegaw l-​istess suġġetti għal darb’oħra b’iktar dettall. Huma jaraw il-​bżonn li jużaw metodi differenti biex jgħallmu lil uliedhom iħobbu lil Ġeħova.

2 Jekk int ġenitur, ġieli toqgħod taħseb jekk hux verament se jirnexxilek tgħallem lil uliedek iħobbu lil Ġeħova u jekk hux se jibqgħu jaqduh anki meta jikbru? Fil-​fatt, ħadd minna ma jistaʼ jagħmel dan waħdu. (Ġeremija 10:23) Huwa għalhekk li hemm bżonn li nistrieħu fuq Ġeħova biex jgħinna. Lill-​ġenituri, hu tahom ħafna gwida. Kif tistaʼ tgħin lil uliedek? (1) Sir afhom sew. (2) Għidilhom l-​affarijiet dwar Ġeħova li huma f’qalbek. (3) Uża eżempji. (4) Itlob għall-​ispirtu qaddis u kun paċenzjuż maʼ wliedek.

SIR AF LIL ULIEDEK SEW

3. Il-​ġenituri kif jistgħu jimitaw il-​mod kif Ġesù għallem lid-​dixxipli tiegħu?

3 Ġesù spiss saqsa lid-​dixxipli tiegħu x’kienu jemmnu. (Mattew 16:13-​15) Int tistaʼ timita l-​eżempju tiegħu. Waqt li tkun qed titkellem maʼ wliedek jew tkunu qed tagħmlu xi ħaġa flimkien, saqsihom x’jaħsbu u għidilhom biex jgħidulek kif verament iħossuhom. Għandhom huma forsi xi dubji? Ħu taʼ 15-​il sena fl-​Awstralja qal: “Il-​pa spiss jitkellem miegħi dwar il-​fidi tiegħi u jgħinni nirraġuna. Hu jsaqsini: ‘X’tgħid il-​Bibbja?’ ‘Temmen dak li tgħid il-​Bibbja?’ ‘Għala temminha?’ Hu jkun iridni nwieġeb fi kliemi u mhux sempliċiment nirripeti l-​kliem tiegħu jew t’ommi. Hekk kif kbirt iktar, kien hemm bżonn li t-​tweġibiet tiegħi jkunu spjegati aħjar.”

4. Għala hu importanti li tkun paċenzjuż u twieġeb il-​mistoqsijiet tat-​tfal? Agħti eżempju.

4 Jekk uliedek ma jemmnux mill-​ewwel xi ħaġa li tgħallem il-​Bibbja, kun paċenzjuż. Għinhom isibu t-​tweġibiet għall-​mistoqsijiet tagħhom. Missier qal: “Tikkunsidrax il-​mistoqsijiet taʼ wliedek ħafif ħafif. Tinjorahomx bħallikieku mhumiex daqshekk importanti, u tevitax suġġetti għas-​sempliċi fatt li jġegħluk tħossok skomdu.” Fil-​fatt, huwa tajjeb li wliedek isaqsuk, għax ifisser li jridu jifhmu. Anki Ġesù saqsa mistoqsijiet meta kien żgħir. (Aqra Luqa 2:46.) Żagħżugħ fid-​Danimarka qal: “Meta għedt li kelli d-​dubji jekk kellniex ir-​reliġjon vera, il-​ġenituri baqgħu kalmi—avolja jistaʼ jkun li kienu inkwetati dwari. Huma wieġbu l-​mistoqsijiet kollha tiegħi permezz tal-​Bibbja.”

Tkellem dwar Ġeħova kuljum waqt li tkun qed tagħmel l-​affarijiet maʼ wliedek

5. X’għandhom jagħmlu l-​ġenituri anki meta l-​ulied jidhru li jkollhom il-​fidi f’Ġeħova?

5 Sir af lil uliedek sew. Taħsibx li għandhom il-​fidi f’Ġeħova għas-​sempliċi fatt li jippritkaw u jmorru l-​laqgħat. Kif iħossuhom verament dwar Ġeħova, u x’jaħsbu dwar il-​Bibbja? Agħmel l-​aħjar li tistaʼ biex issir taf jekk hemmx xi ħaġa li tagħmilhielhom diffiċli biex jibqgħu leali lejn Ġeħova. Tkellem dwaru kuljum waqt li tkun qed tagħmel l-​affarijiet maʼ wliedek. Itlob għat-​tfal tiegħek, kemm meta tkun magħhom u anki meta tkun waħdek.

GĦALLIMHOM L-​AFFARIJIET DWAR ĠEĦOVA LI HUMA F’QALBEK

6. Il-​fatt li l-​ġenituri jkomplu jitgħallmu dwar Ġeħova u l-​Bibbja, kif jgħinhom biex jgħallmu lil uliedhom?

6 In-​nies kienu jieħdu pjaċir jisimgħu lil Ġesù għax kien iħobb lil Ġeħova u kien jaf l-​Iskrittura sew. Ukoll, huma ħassew li Ġesù kien iħobbhom. Allura semgħuh b’attenzjoni. (Luqa 24:32; Ġwanni 7:46) B’mod simili, meta t-​tfal jaraw li int tħobb lil Ġeħova, dan se jgħinhom iħobbuh ukoll. (Aqra Dewteronomju 6:5-​8; Luqa 6:45.) Allura, kompli studja l-​Bibbja bir-​reqqa, u aqra l-​pubblikazzjonijiet tagħna b’mod regulari. Sir af iktar dwar l-​affarijiet li Ġeħova ħalaq. (Mattew 6:26, 28) Iktar ma tkun taf dwar Ġeħova, iktar tkun tistaʼ tgħallem lil uliedek dwaru.—Luqa 6:40.

Tkellem maʼ wliedek dwar dak li qed titgħallem dwar Ġeħova

7, 8. (a) Kull meta titgħallem xi ħaġa dwar Ġeħova, x’tistaʼ tagħmel? (b) Xi ġenituri kif għamlu dan?

7 Meta titgħallem xi ħaġa dwar Ġeħova, għidha lil uliedek. Agħmel dan fi kwalunkwe ħin li tkun magħhom, mhux biss meta tkun qed tipprepara għal-​laqgħat jew waqt il-​qima bħala familja. Hekk jagħmlu omm u missier fl-​Istati Uniti. Huma jitkellmu dwar Ġeħova maʼ wliedhom meta jaraw xi ħaġa sabiħa fin-​natura jew meta jkunu qed jieħdu pjaċir b’xi ikla tajba. Huma qalu: “Aħna nfakkru lil uliedna dwar l-​imħabba li wera Ġeħova u l-​ħsieb li poġġa fl-​affarijiet kollha li pprovdielna.” Koppja fl-​Afrika t’Isfel iħobbu jitkellmu dwar il-​ħolqien meta jaħdmu fil-​ġnien maż-​żewġt ibniet tagħhom. Pereżempju, għandhom mnejn isemmu kemm hu tal-​għaġeb li minn żerriegħa ssir pjanta. Il-​ġenituri qalu: “Aħna nipprovaw niżviluppaw fi wliedna rispett kbir għall-​ħajja u apprezzament lejn il-​ħafna dettalji tal-​għaġeb tagħha.”

8 Missier fl-​Awstralja ħa lil ibnu, li kellu xi 10 snin, f’mużew. Il-​missier iddeċieda li juża dan il-​ħin biex jgħin ’l ibnu jsaħħaħ il-​fidi tiegħu u biex ikollu prova li Ġeħova hu l-​Ħallieq. Hu qal: “Rajna wirja taʼ ħlejjaq tal-​qedem tal-​baħar li jissejħu ammonoids u trilobites. Ġejna impressjonati li dawn l-​annimali li m’għadhomx jeżistu kienu sbieħ, dettaljati, u kompluti—xejn inqas minn dak li nistgħu naraw illum. Allura, kieku l-​ħajja evolviet minn forom sempliċi għal forom iktar iddettaljati, għala dawn il-​ħlejjaq tal-​qedem kienu diġà daqshekk dettaljati? Kienet lezzjoni li impressjonatni ħafna u li qsamtha m’ibni.”

UŻA EŻEMPJI

9. (a) Għala hu tajjeb li tagħti eżempji? (b) Omm x’eżempju użat?

9 Ġesù spiss uża tixbihat. Hu għallem lezzjonijiet importanti billi qal stejjer jew ta eżempji. (Mattew 13:34, 35) Meta tuża eżempji, tkun qed tħalli lit-​tfal jużaw l-​immaġinazzjoni tagħhom. Dan se jgħinhom biex jaħsbu dwar il-​lezzjoni li tkun qed tgħallimhom, biex jifhmuha iktar ċar, u biex jibqgħu jiftakruha. Huma se jieħdu pjaċir jitgħallmu wkoll. Pereżempju, omm fil-​Ġappun riedet liż-​żewġ uliedha subien jitgħallmu li l-​mod kif Ġeħova għamel l-​atmosfera tad-​dinja juri kemm jieħu ħsiebna. Tifel minnhom kellu 8 snin u l-​ieħor 10 snin. Allura, hi użat eżempju li huma setgħu jifhmu. Hi tathom ħalib, zokkor, u kafè. Imbagħad, hi saqsiet lil kull wieħed minnhom biex jagħmlilha belgħa kafè. “Huma għamlu dan b’attenzjoni kbira,” hi tispjega. “Meta saqsejthom għala kienu daqshekk attenti, huma qalu li riedu jagħmlu l-​kafè eżatt kif inħobbu jien. Jien spjegajtilhom li Alla ħallat il-​gassijiet b’attenzjoni simili—b’tali mod li l-​atmosfera tkun tajba għalina.” Is-​subien ħadu pjaċir jitgħallmu din il-​lezzjoni, u qatt ma nsewha!

Tistaʼ tuża eżempji sempliċi biex turi lil uliedek li żgur hemm Ħallieq (Ara paragrafu 10)

10, 11. (a) X’eżempju tistaʼ tuża biex turi lil uliedek li żgur hemm Ħallieq? (Ara l-​ewwel stampa.) (b) X’eżempji użajt?

10 X’eżempju tistaʼ tuża biex turi lit-​tfal tiegħek li żgur hemm Ħallieq? Permezz taʼ riċetta tistaʼ taħmi kejk mat-​tifel tiegħek. Spjega għala hu importanti li ssegwi r-​riċetta bl-​eżatt. Imbagħad, agħtih tuffieħa jew xi frotta oħra, u saqsi: “Kont taf li din it-​tuffieħa għandha riċetta?” Imbagħad, aqsam it-​tuffieħa fi tnejn, u agħtih żerriegħa waħda. Spjega li ż-​żerriegħa hi bħal riċetta. Fiha istruzzjonijiet dwar kif tagħmel tuffieħa. Imma dawn l-​istruzzjonijiet huma ħafna iktar komplikati mill-​istruzzjonijiet li jkollna biex nagħmlu kejk. Forsi tgħid: “Xi ħadd kiteb ir-​riċetta tal-​kejk. Allura min kiteb ir-​riċetta tat-​tuffieħa?” Jekk uliedek huma ikbar, tistaʼ tispjega li l-​istruzzjonijiet biex issir siġra tat-​tuffieħ jinsabu fid-​DNA ġewwa ż-​żerriegħa. Barra minn hekk, tistaʼ turihom xi stampi u eżempji minn paġni 10 sa 20 tal-​browxer tagħna The Origin of Life—Five Questions Worth Asking.

11 Ħafna ġenituri jaqraw is-​serje t’artikli “Ġie disinjat?” fi Stenbaħ! maʼ wliedhom. Jekk uliedhom ikunu żgħar ħafna, il-​ġenituri jistgħu jispjegaw l-​informazzjoni b’mod sempliċi. Pereżempju, koppja fid-​Danimarka qabblet l-​ajruplani mal-​għasafar. Huma qalu: “L-​ajruplani jidhru eżatt bħall-​għasafar. Imma jistgħu l-​ajruplani jbidu bajd u jfaqqsu ajruplani żgħar? L-​għasafar għandhom bżonn runway biex jinżlu fuqha? U inti kieku kif tqabbel il-​ħoss tal-​ajruplan mal-​ħoss tal-​għasfur? Allura min hu iktar intelliġenti—dak li għamel l-​ajruplani jew il-​Ħallieq tal-​għasafar?” Meta tirraġuna maʼ wliedek u ssaqsi mistoqsijiet, tkun qed tgħinhom biex jużaw ‘l-​abbiltà li jaħsbu’ u biex isaħħu l-​fidi tagħhom f’Ġeħova.—Proverbji 2:10-​12.

12. Kif tistaʼ tuża eżempji biex tgħallem lit-​tfal tiegħek li dak kollu li tgħid il-​Bibbja hu tajjeb?

12 Tistaʼ tuża eżempji biex tgħallem lil uliedek li kulma tgħid il-​Bibbja hu tajjeb. Pereżempju, tistaʼ taqra Ġob 26:7. (Aqra.) Kif tistaʼ turihom li din l-​iskrittura kienet ispirata? Tistaʼ jew sempliċiment tgħidilhom il-​fatti, jew aħjar minn hekk, tgħinhom jużaw l-​immaġinazzjoni. Int tkun tistaʼ tispjega li n-​nies fi żmien Ġob għandhom mnejn ma emmnux li l-​art qed iżżomm fuq ix-​xejn fl-​ispazju. Huma kienu jafu li kwalunkwe oġġett, bħal ballun jew ġebla, għandu jistrieħ fuq xi ħaġa. F’dak iż-​żmien, ħadd ma kien għadu ta prova li l-​art kienet qed iżżomm fuq ix-​xejn, ladarba ma kien hemm ebda teleskopju jew vettura spazjali. Il-​lezzjoni hi li avolja l-​Bibbja ilha li nkitbet, dejjem hi tajba għax ġejja minn Ġeħova.—Neħemija 9:6.

GĦALLIMHOM GĦALA HU TAJJEB LI JIĠU GWIDATI MILL-​BIBBJA

13, 14. Il-​ġenituri kif jistgħu jgħallmu lil uliedhom biex jobdu dak li tgħid il-​Bibbja?

13 Hu importanti wkoll li ngħallmu lit-​tfal tagħna li l-​iktar li se jkunu ferħanin hu meta jobdu dak li tgħid il-​Bibbja. (Aqra Salm 1:1-​3.) Pereżempju, tistaʼ titlob lit-​tfal tiegħek biex jimmaġinaw li se jgħixu fuq gżira ’l bogħod. Huma se jkollhom bżonn jagħżlu xi nies biex jgħixu magħhom. Imbagħad tkun tistaʼ ssaqsi, “X’tip taʼ nies tieħu miegħek jekk trid li kulħadd jibqaʼ ħabib sew?” Imbagħad fl-​aħħar tkun tistaʼ taqra Galatin 5:19-​23 biex tara t-​tip taʼ nies li jrid Ġeħova fid-​dinja l-​ġdida.

14 B’dan il-​mod, int tistaʼ tgħallem lil uliedek żewġ lezzjonijiet importanti. L-​ewwel, Ġeħova qed jgħallimna kif ngħixu ħajja ferħana issa u jkollna l-​paċi m’oħrajn. It-​tieni, hu qed jgħallimna kif ngħixu fid-​dinja l-​ġdida. (Isaija 54:13; Ġwanni 17:3) Lit-​tfal tiegħek tistaʼ turihom ukoll kif il-​Bibbja għenet lil ħutna. Pereżempju, sib bijografija mill-​pubblikazzjonijiet tagħna, forsi mis-​serje “Il-​Bibbja tbiddel il-​ħajjiet” li tidher fit-​Torri tal-​Għassa. Jew itlob lil xi ħadd mill-​kongregazzjoni tiegħek biex jgħid lilek u lil uliedek kif il-​Bibbja għenitu jagħmel bidliet kbar biex jogħġob lil Ġeħova.—Ebrej 4:12.

15. X’se jgħinek tgħallem lil uliedek?

15 Uża l-​immaġinazzjoni biex tagħmel il-​lezzjonijiet interessanti u eċċitanti għal uliedek. Aħseb f’modi differenti biex tgħinhom jieħdu gost jitgħallmu dwar Ġeħova u jersqu eqreb lejh. U ibqaʼ agħmel dan waqt li qed jikbru. “Qatt taqtaʼ qalbek milli tesperimenta modi ġodda sabiex tqajjem suġġetti li diġà tkun tkellimt dwarhom,” qal missier.

ITLOB GĦALL-​ISPIRTU TAʼ ĠEĦOVA U KUN PAĊENZJUŻ MAʼ WLIEDEK

16. (a) Għala hu importanti li tibqaʼ paċenzjuż meta tiġi biex tgħallem ’l ulied? (b) Xi ġenituri kif kienu paċenzjużi?

16 Bl-​għajnuna tal-​ispirtu taʼ Ġeħova, it-​tfal tiegħek jistaʼ jkollhom fidi b’saħħitha. (Galatin 5:22, 23) Imma jieħu ż-​żmien biex il-​fidi tagħhom issir b’saħħitha. Allura, kun paċenzjuż maʼ wliedek, u ibqaʼ għallimhom. “Jien u l-​mara qattajna ħafna ħin maʼ wliedna,” qal missier fil-​Ġappun li għandu tifel u tifla. “Minn mindu kienu għadhom żgħar ħafna, kont nistudja magħhom għal 15-​il minuta kuljum, barra l-​ġranet tal-​laqgħat Kristjani. Ħmistax-​il minuta ma kinux wisq, la għalina u lanqas għalihom.” Indokratur li jżur il-​kongregazzjonijiet kiteb: “Bħala żagħżugħ, kelli ħafna iktar mistoqsijiet jew dubji minn qatt qabel. Maż-​żmien, ħafna minn dawn ġew diskussi waqt il-​laqgħat jew matul l-​istudju personali jew tal-​familja. Għaldaqstant, huwa importanti għall-​ġenituri li jibqgħu jgħallmu.”

Biex tkun għalliem tajjeb, hemm bżonn li int tħobb il-​Kelma t’Alla (Ara paragrafu 17)

17. (a) Għala hu importanti li l-​ġenituri jsaħħu l-​fidi tagħhom stess? (b) Omm u missier fil-​gżira taʼ Bermuda kif għenu lill-​bniet tagħhom biex ikollhom fidi f’Ġeħova?

17 M’għandniex xi ngħidu, uliedek jistgħu jitgħallmu ħafna meta jaraw li int għandek fidi b’saħħitha f’Ġeħova. Huma se josservaw dak li tagħmel int. Allura, ibqaʼ saħħaħ il-​fidi tiegħek stess. Ħalli lil uliedek jaraw kemm Ġeħova hu reali għalik. Pereżempju, meta omm u missier fil-​gżira taʼ Bermuda jkunu inkwetati fuq xi ħaġa, huma jitolbu lil Ġeħova mal-​bniet tagħhom biex jiggwidahom. Huma jinkuraġġixxu lil uliedhom biex jitolbu waħedhom. “Aħna ngħidu wkoll lit-​tifla l-​kbira, ‘Afda f’Ġeħova kompletament, ibqaʼ bieżla fis-​servizz tas-​Saltna, u tinkwetax iżżejjed.’ Meta hi tara r-​riżultat, tirrealizza li Ġeħova qed jgħinna. Dan għenha ħafna biex ikollha fidi f’Alla u fil-​Bibbja.”

18. Il-​ġenituri x’m’għandhomx jinsew?

18 Ġenituri, qatt tinsew li ma tistgħux tisforzaw lil uliedkom biex ikollhom il-​fidi. Intom tħawlu u ssaqqu, imma Ġeħova biss jistaʼ jkabbar. (1 Korintin 3:6) Allura, aħdmu iebes biex tgħallmu lit-​tfal prezzjużi tagħkom dwaru, u itolbu għall-​ispirtu tiegħu biex jgħinhom ikollhom il-​fidi. Intom tistgħu tkunu ċerti li Ġeħova se jbierek l-​isforzi kollha tagħkom.—Efesin 6:4.