Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

“Dak li twiegħed, roddu”

“Dak li twiegħed, roddu”

“Wettaq il-​wegħdi li tagħmel lil Ġeħova.”—MATTEW 5:33.

GĦANJIET: 63, 59

1. (a) X’kellhom komuni bejniethom Ġefta u Ħanna? (Ara l-​ewwel stampi.) (b) X’mistoqsijiet se jitwieġbu f’dan l-​artiklu?

ĠEFTA kien mexxej kuraġġuż u gwerrier qalbieni. Ħanna kienet mara umli li ħadet ħsieb żewġha u darha. It-​tnejn kienu jqimu lil Ġeħova. Imma kellhom xi ħaġa oħra komuni bejniethom. Kemm Ġefta kif ukoll Ħanna għamlu wegħda lil Ġeħova, u t-​tnejn li huma żammew il-​wegħda tagħhom bil-​lealtà. Huma eżempji eċċellenti għall-​irġiel u n-​nisa llum li jagħżlu li jagħmlu wegħdi lil Ġeħova. Issa ejja nikkunsidraw it-​tweġibiet għal tliet mistoqsijiet: X’inhi wegħda? Kemm hi serja li tagħmel wegħda lil Alla? X’lezzjonijiet nistgħu nitgħallmu minn Ġefta u Ħanna?

2, 3. (a) X’inhi wegħda? (b) X’tgħid l-​Iskrittura dwar li nagħmlu wegħdi lil Alla?

2 Fil-​Bibbja, wegħda hija meta tingħata kelma b’serjetà lil Alla. Pereżempju, persuna forsi twiegħed lil Ġeħova li se tagħmel xi ħaġa, toffri xi għotja, tidħol f’xi tip taʼ servizz, jew tiċċaħħad minn ċerti affarijiet. Il-​wegħdi jintgħamlu b’għażla, billi dak li jkun juża r-​rieda ħielsa tiegħu. Ħadd ma jiġi sforzat jagħmel wegħda. Imma meta persuna tagħżel li tagħmel dan, Ġeħova jqis il-​wegħda tagħha bħala kelma li ngħatatlu b’serjetà u li għandha tiġi rispettata u miżmuma. Fil-​Bibbja, wegħda hi importanti daqs ħalfa. Ħalfa hi stqarrija li fiha persuna taħlef li tagħmel jew ma tagħmilx xi ħaġa. (Ġenesi 14:22, 23; Ebrej 6:16, 17) Il-​Bibbja x’tgħid dwar kemm għandna nieħdu bis-​serjetà l-​wegħdi li nagħmlu lil Alla?

3 Fil-​Liġi Mosajka, naqraw li jekk raġel jagħmel wegħda lil Ġeħova, “m’għandux jikser kelmtu. Għandu jagħmel skond kulma ħareġ minn fommu.” (Numri 30:2) Iktar tard, Salamun kiteb: “Kulmeta twiegħed wegħda lil Alla, taħsibhiex darbtejn biex troddha, għax ma fihomx għaxqa l-​istupidi. Dak li twiegħed, roddu.” (Ekkleżjasti 5:4) Ġesù għallem dwar is-​serjetà taʼ li nagħmlu wegħda lil Alla meta qal: “Lil dawk taʼ żmien il-​qedem intqalilhom, ‘Tiksirx il-​ħalfa li tagħmel, imma wettaq il-​wegħdi li tagħmel lil Ġeħova.’”—Mattew 5:33.

4. (a) Kemm hi serja li tagħmel wegħda lil Alla? (b) Xi rridu nitgħallmu dwar Ġefta u Ħanna?

4 Huwa ċar li għandna nieħdu b’serjetà kbira kwalunkwe wegħda li nagħmlu lil Ġeħova. Il-​mod kif inqisu l-​wegħdi tagħna jaffettwa r-​relazzjoni tagħna miegħu. David wera dan biċ-​ċar meta staqsa: “Min jistaʼ jitlaʼ fuq il-​muntanja taʼ Ġeħova? U min jistaʼ jitlaʼ fil-​post qaddis tiegħu?” Imbagħad wieġeb billi qal li Ġeħova se jaċċetta lil kull min ‘ma ħalifx bil-​qerq.’ (Salm 24:3, 4) X’wiegħdu Ġefta u Ħanna? Kien faċli għalihom li jroddu l-​wegħda tagħhom?

HUMA ŻAMMEW IL-​WEGĦDA LI GĦAMLU LIL ALLA

5. X’wiegħed Ġefta? X’kien ir-​riżultat?

5 Ġefta għamel wegħda lil Ġeħova meta kien se jiġġieled mal-​Għammonin. Dan il-​ġens kien wieħed mill-​għedewwa tal-​poplu t’Alla. (Imħallfin 10:7-​9) Ġefta talab bil-​ħerqa lil Ġeħova biex irebbaħhom, u wiegħed: “Jekk int tassew tagħti lil ulied Għammon f’idejja, irid iseħħ ukoll li min joħroġ, min joħroġ mill-​bieb taʼ dari biex jiltaqaʼ miegħi meta nerġaʼ lura minn ulied Għammon fis-​sliem, irid ukoll isir taʼ Ġeħova.” Alla wieġeb it-​talba taʼ Ġefta u għenu jirbaħ il-​gwerra. Meta Ġefta mar id-​dar, bintu l-​maħbuba ħarġet tiltaqaʼ miegħu. Hi kienet il-​waħda li kienet se ‘ssir taʼ Ġeħova.’ (Imħallfin 11:30-​34) Dan x’kien ifisser għaliha?

Ġefta u bintu kienu nies leali li qatt ma kien se jgħaddilhom minn moħħhom li jiksru wegħda li jkunu għamlu lil Alla

6. (a) Kienet faċli għal Ġefta u bintu biex iroddu l-​wegħda tiegħu lil Alla? (b) X’nitgħallmu dwar il-​wegħdi minn Dewteronomju 23:21, 23 u Salm 15:4?

6 Biex trodd il-​wegħda taʼ missierha, bint Ġefta kellha tmur u taqdi lil Ġeħova full-​time fit-​tabernaklu. Kien Ġefta ta l-​kelma tiegħu mingħajr ma ħasibha sew qabel? Le. Fil-​fatt, Ġefta probabbilment kien jaf li bintu setgħet tkun l-​ewwel persuna li tiġi tiltaqaʼ miegħu. Imma kienx jaf jew le, li jżomm il-​wegħda tiegħu maʼ Ġeħova ma kienx faċli, la għal Ġefta u lanqas għal bintu. Meta Ġefta raha, qalbu nqasmet. Bintu telqet “u bkiet il-​verġinità tagħha.” Għala? Ġefta ma kellux iben, u issa l-​unika bint li kellu qatt ma kienet se tiżżewweġ u jkollha t-​tfal. L-​isem tal-​familja taʼ Ġefta kien se jispiċċa. Iżda kemm Ġefta kif ukoll bintu rrealizzaw li xi ħaġa iktar importanti mis-​sentimenti tagħhom kienet involuta. Ġefta qal: “Jien ftaħt fommi lil Ġeħova, u ma nistax nerġaʼ lura.” Bintu qalet: “Agħmel miegħi skond kif ħareġ minn fommok.” (Imħallfin 11:35-​39) Ġefta u bintu kienu nies leali li qatt ma kien se jgħaddilhom minn moħħhom li jiksru wegħda li jkunu għamlu lil Alla, anke jekk kienet diffiċli ħafna għalihom li jżommuha.—Aqra Dewteronomju 23:21, 23; Salm 15:4.

7. (a) X’wiegħdet Ħanna u għala? X’ġara wara? (b) Il-​wegħda taʼ Ħanna x’kienet tfisser għal Samwel? (Ara n-​nota taʼ taħt.)

7 Ħanna wkoll għamlet wegħda lil Ġeħova matul żmien stressanti f’ħajjitha. Kienet qalbha sewda għax ma setax ikollha tfal, u kienet qed tiġi intimidata u mwaqqgħa għaċ-​ċajt minħabba f’hekk. (1 Samwel 1:4-​7, 10, 16) Hi qalet lil Ġeħova kif ħassitha, u għamlet din il-​wegħda: “O Ġeħova taʼ l-​armati, jekk int bla dubju tħares lejn is-​sofferenza taʼ l-​ilsira tiegħek u tiftakar fija, u ma tinsiex l-​ilsira tiegħek u tagħti lill-​ilsira tiegħek tarbija tifel, jien nagħtih lil Ġeħova l-​jiem kollha taʼ ħajtu, u ebda mus ma jgħaddi minn fuq rasu.” * (Ara n-​nota taʼ taħt.) (1 Samwel 1:11) Ġeħova ta widen għat-​talba taʼ Ħanna, u s-​sena taʼ wara wildet tifel, Samwel. Kemm kienet ferħana Ħanna! Imma ma nsietx il-​wegħda tagħha lil Alla. Meta twieled binha, hi qalet: “Mingħand Ġeħova tlabtu.”—1 Samwel 1:20.

Ħanna kienet lesta li tibqaʼ mingħajr ċerti affarijiet li kienu importanti għaliha sabiex iżżomm il-​wegħda tagħha lil Alla

8. (a) Kien faċli għal Ħanna li twettaq il-​wegħda tagħha? (b) Salm 61 kif ifakkrek fl-​eżempju tajjeb taʼ Ħanna?

8 Meta Samwel kellu madwar tliet snin, Ħanna għamlet eżatt kif kienet wiegħdet lil Ġeħova. Hi ħadet lil Samwel għand il-​Qassis il-​Kbir Għeli fit-​tabernaklu f’Silo u qalet: “Kien minħabba dan it-​tifel li tlabt lil Ġeħova biex jismaʼ t-​talba tiegħi u jagħtini dak li tlabtu. U jien, min-​naħa tiegħi, sliftu lil Ġeħova. Il-​jiem kollha taʼ ħajtu jkun mogħti lil Ġeħova.” (1 Samwel 1:24-​28) Minn dak iż-​żmien ’il quddiem, Samwel għex fit-​tabernaklu. Il-​Bibbja tgħid li “t-​tifel Samwel kompla jikber quddiem Ġeħova.” (1 Samwel 2:21) Setaʼ ma kienx faċli għal Ħanna li żżomm il-​wegħda tagħha. Dan kien ifisser li ma kinitx se tkun tistaʼ tgħaddi kull ġurnata mat-​tifel prezzjuż tagħha li tant kienet tħobb. Ma kinitx se tarah jikber. Imma l-​wegħda li għamlet Ħanna lil Ġeħova kienet xi ħaġa serja għaliha. Hi kienet lesta li tibqaʼ mingħajr ċerti affarijiet li kienu importanti għaliha sabiex iżżomm il-​wegħda tagħha lil Alla.—1 Samwel 2:1, 2; aqra Salm 61:1, 5, 8.

Qiegħed int trodd il-wegħdi tiegħek lil Ġeħova?

9. X’se niddiskutu issa?

9 Issa li nifhmu s-​serjetà taʼ li nagħmlu wegħda lil Ġeħova, ejja niddiskutu dawn il-​mistoqsijiet: X’tip taʼ wegħdi għandna mnejn nagħmlu llum? Kemm għandna nkunu determinati biex inżommu dawn il-​wegħdi?

IL-​WEGĦDA TAD-​DEDIKAZZJONI TIEGĦEK

Wegħda tad-​dedikazzjoni (Ara paragrafu 10)

10. Liema hi l-​iktar wegħda importanti li Kristjan jistaʼ jagħmel? X’tinvolvi?

10 L-​iktar wegħda importanti li Kristjan jistaʼ jagħmel hi dik li fiha jiddedika ħajtu lil Ġeħova. F’talb privat, persuna twiegħed li tuża ħajjitha biex taqdi lil Alla għal dejjem, jiġri x’jiġri. Ġesù qal li aħna ‘niċħdu’ lilna nfusna, jiġifieri, inwiegħdu li npoġġu lil Ġeħova l-​ewwel, u mhux lilna nfusna. (Mattew 16:24) Minn dak il-​jum ’il quddiem, “aħna taʼ Ġeħova.” (Rumani 14:8) Aħna nieħdu d-​dedikazzjoni tagħna bis-​serjetà. Inħossuna bħas-​salmista li qal: “X’se nagħti lil Ġeħova għall-​benefiċċji kollha li tani? Se rrodd il-​wegħdi tiegħi lil Ġeħova, iva, quddiem il-​poplu kollu tiegħu.”—Salm 116:12, 14.

11. X’ġara fil-​jum li tgħammidt?

11 Iddedikajt int ħajtek lil Ġeħova u ssimbolizzajt id-​dedikazzjoni tiegħek bil-​magħmudija fl-​ilma? Jekk iva, għamilt ħaġa mill-​isbaħ! Tiftakar meta l-​ħu li ta t-​taħdita tal-​magħmudija staqsa jekk kontx iddedikajt lilek innifsek lil Ġeħova u fhimt li “permezz tad-​dedikazzjoni u l-​magħmudija tiegħek, int qed turi pubblikament li se ssir wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova”? Meta weġibt iva, kull min kien preżenti sar jaf li kont iddedikajt ħajtek u kont kwalifikat biex titgħammed bħala qaddej taʼ Ġeħova. Żgur li ferraħt ħafna lil Ġeħova!

12. (a) X’mistoqsijiet nistgħu nistaqsu lilna nfusna? (b) Pietru liema kwalitajiet inkuraġġiena niżviluppaw?

12 Meta tgħammidt, int wegħedt lil Ġeħova li kont se tuża ħajtek biex taqdih u tagħmel kulma tistaʼ biex issegwi l-​livelli tiegħu. Iżda l-​magħmudija hija biss il-​bidu. Hekk kif jgħaddi ż-​żmien, jeħtieġ li lkoll kemm aħna nkomplu neżaminaw lilna nfusna. Nistgħu nistaqsu: ‘Kemm kibret ir-​relazzjoni tiegħi maʼ Ġeħova minn meta tgħammidt? Għadni naqdih b’qalbi kollha? (Kolossin 3:23) Nitlob spiss? Naqra l-​Bibbja kuljum? Nattendi regolarment il-​laqgħat tal-​kongregazzjoni? Nieħu sehem fix-​xogħol tal-​ippritkar spiss kemm jistaʼ jkun? Jew tlift xi ftit mill-​entużjażmu tiegħi għal dawn l-​attivitajiet?ʼ L-​appostlu Pietru wissiena li hemm il-​periklu li nistgħu nsiru inattivi fis-​servizz tagħna lil Ġeħova. Aħna nistgħu nevitaw dan jekk naħdmu iebes biex inkabbru l-​fidi, l-​għarfien, is-​sabar, u d-​devozzjoni lejn Alla.—Aqra t-​2 Pietru 1:5-​8.

13. Kristjan dedikat u mgħammed x’għandu bżonn jirrealizza?

13 La nkunu għamilna wegħda li naqdu lil Ġeħova, mhuwiex possibbli li nerġgħu lura minn kelmitna. Wieħed li jegħja jaqdi lil Ġeħova jew li jgħix bħala Kristjan ma jistax iktar tard jgħid li qatt ma kien verament dedikat lil Alla u li l-​magħmudija tiegħu ma kinitx valida. * (Ara n-​nota taʼ taħt.) Jekk wieħed li hu dedikat lil Ġeħova jagħmel dnub serju, imbagħad irid jagħti kont lil Ġeħova u lill-​kongregazzjoni. (Rumani 14:12) Aħna qatt ma rridu nkunu bħal dawk li Ġesù qalilhom: “Int tlaqt l-​imħabba li kellek fil-​bidu.” Minflok, irriduh ikun jistaʼ jgħid dwarna: “Naf l-​għemejjel tiegħek, u l-​imħabba u l-​fidi u l-​ministeru u s-​sabar tiegħek, u li l-​għemejjel tiegħek taʼ dan l-​aħħar huma iktar kotrana minn dawk taʼ qabel.” (Rivelazzjoni 2:4, 19) Aħna rridu nferrħu lil Ġeħova billi b’mod żeluż ngħixu skont id-​dedikazzjoni tagħna.

IL-​WEGĦDA TAŻ-​ŻWIEĠ TIEGĦEK

Wegħda taż-żwieġ (Ara paragrafu 14)

14. X’inhi t-​tieni wegħda l-​iktar importanti li wieħed jistaʼ jagħmel? Għala?

14 It-​tieni wegħda l-​iktar importanti li wieħed jistaʼ jagħmel hi l-​wegħda taż-​żwieġ. Iż-​żwieġ hu sagru. Ġeħova jqis il-​wegħda taż-​żwieġ bħala xi ħaġa serja ħafna. Meta għarus u għarusa jagħtu l-​wegħdi tagħhom, huma jkunu qed jagħmlu wegħda quddiem Ġeħova kif ukoll quddiem dawk kollha preżenti. Huma ġeneralment iwiegħdu li jħobbu, jgħożżu, u jirrispettaw lil xulxin sakemm it-​tnejn li huma jgħixu flimkien fuq l-​art skont l-​arranġament t’Alla għaż-​żwieġ. Oħrajn forsi ma jużawx eżattament dan l-​istess kliem, imma xorta waħda jagħmlu wegħda quddiem Alla. Meta jagħmlu dawn il-​wegħdi, huma jsiru raġel u mara miżżewġin. Iż-​żwieġ hu intenzjonat biex ikun rabta għal kemm wieħed idum ħaj. (Ġenesi 2:24; 1 Korintin 7:39) Ġesù qal: “Dak li Alla għaqqad flimkien ħa ma jifirdu ebda bniedem.” Koppja li jkunu se jiżżewġu m’għandhomx jaħsbu li jekk iż-​żwieġ tagħhom ma jmurx tajjeb, dejjem jistgħu jieħdu d-​divorzju.—Marku 10:9.

15. Il-​Kristjani għala m’għandhomx iqisu ż-​żwieġ bħalma tqisu d-​dinja?

15 M’għandniex xi ngħidu, l-​istess bħalma m’hemmx bnedmin perfetti, hekk ukoll m’hemmx żwiġijiet perfetti. Hu għalhekk li l-​Bibbja tgħidilna li kull persuna miżżewġa kultant ‘ikollha tribulazzjoni.’ (1 Korintin 7:28) Illum, fid-​dinja ħafna nies għandhom attitudni indifferenti lejn iż-​żwieġ. Huma jħossu li jekk l-​affarijiet ma jmorrux tajjeb, dejjem jistgħu jtemmu ż-​żwieġ tagħhom. Imma dan mhux il-​mod taʼ kif l-​irġiel u n-​nisa Kristjani jqisu ż-​żwieġ. Huma jirrealizzaw li għamlu l-​wegħda taż-​żwieġ tagħhom quddiem Alla. Jekk jiksru din il-​wegħda, ikun bħallikieku qed jigdbulu, u Alla jobgħod lill-​giddibin. (Levitiku 19:12; Proverbji 6:16-​19) Il-​Kristjani miżżewġin għandhom jiftakru l-​kliem tal-​appostlu Pawlu: “Marbut maʼ mara? Tibqax tipprova tinħall.” (1 Korintin 7:27) Pawlu setaʼ jgħid dan għaliex kien jaf li anke Ġeħova jobgħod divorzju bi tradiment.—Malakija 2:13-​16.

16. Il-​Bibbja x’tgħid dwar id-​divorzju u s-​separazzjoni?

16 Ġesù għallem li l-​unika raġuni Skritturali għal divorzju hi jekk wieħed mill-​imseħbin jagħmel adulterju u l-​wieħed innoċenti jagħżel li ma jaħfirx lilu jew lilha. (Mattew 19:9; Ebrej 13:4) Xi ngħidu dwar li tissepara minn mas-​sieħeb jew is-​sieħba tiegħek fiż-​żwieġ? Il-​Bibbja titkellem ċar dwar dan ukoll. (Aqra l-​1 Korintin 7:10, 11.) M’hemmx raġuni Skritturali għal separazzjoni taʼ żwieġ. Madankollu, kultant jistaʼ jkun hemm sitwazzjoni li fiha Kristjan iħoss li hu assolutament neċessarju li jissepara minn mas-​sieħeb jew is-​sieħba tiegħu. Pereżempju, xi wħud għandhom mnejn ikunu konvinti li ħajjithom jew ir-​relazzjoni tagħhom maʼ Ġeħova se tkun f’periklu estrem jekk jibqgħu maʼ sieħeb jew sieħba li hi abbużiva jew apostata. * (Ara n-​nota taʼ taħt.)

17. Koppja Kristjana x’jistgħu jagħmlu biex iż-​żwieġ tagħhom ikun wieħed dejjiemi?

17 Jekk koppja jmorru għand l-​anzjani tal-​kongregazzjoni għal parir dwar kif itejbu ż-​żwieġ tagħhom, l-​anzjani jistgħu jistaqsu lill-​koppja jekk rawx il-​vidjow X’inhi l-​imħabba vera? u jekk studjawx il-​browxer Il-​Familja Tiegħek Tistaʼ Tkun Ferħana. Dawn jenfasizzaw prinċipji Bibliċi li jistgħu jgħinu biex żwieġ jissaħħaħ. Koppja waħda qalet: “Kemm ilna nistudjaw dan il-​browxer, sirna iktar kuntenti fiż-​żwieġ tagħna minn qatt qabel.” Oħt li kienet ilha miżżewġa 22 sena ħasbet li ż-​żwieġ tagħha kien fix-​xifer. Imbagħad rat il-​vidjow. Hi qalet: “Aħna t-​tnejn mgħammdin, imma konna mbegħdin wisq emozzjonalment. Il-​vidjow ġie eżatt fil-​ħin! Issa qed immorru ħafna aħjar bħala koppja.” Biċ-​ċar, jekk raġel u mara miżżewġin japplikaw il-​prinċipji taʼ Ġeħova fiż-​żwieġ tagħhom, ir-​relazzjoni tagħhom issir iktar ferħana u b’saħħitha.

IL-​WEGĦDA TAʼ QADDEJJA FIS-​SERVIZZ FULL-​TIME SPEĊJALI

18, 19. (a) X’għamlu ħafna ġenituri Kristjani? (b) X’jistaʼ jingħad dwar dawk li huma fis-​servizz full-​time speċjali?

18 Iktar qabel iddiskutejna l-​wegħdi li għamlu Ġefta u Ħanna. Minħabba dawn il-​wegħdi, kemm bint Ġefta kif ukoll bin Ħanna użaw ħajjithom biex jaqdu lil Ġeħova b’modi speċjali. Ħafna ġenituri Kristjani llum inkuraġġew lil uliedhom jidħlu fil-​ministeru full-​time u jiffokaw ħajjithom fuq is-​servizz tagħhom lil Alla. U aħna lkoll nistgħu ninkuraġġixxu lil dawn l-​uħud żgħażagħ biex ikomplu fis-​servizz tagħhom.—Imħallfin 11:40; Salm 110:3.

Wegħda għas-​servizz full-time speċjali (Ara paragrafu 19)

19 Illum, hemm madwar 67,000 membru tal-​Ordni madwar id-​dinja taʼ qaddejja full-​time speċjali taʼ Xhieda taʼ Ġeħova. Xi wħud jaħdmu f’Betel jew f’xogħol taʼ kostruzzjoni jew tas-​circuit. Oħrajn jaħdmu iebes bħala għalliema fl-​iskejjel teokratiċi, pijunieri speċjali, missjunarji, qaddejja tas-​Swali tal-​Assemblea, jew qaddejja li jieħdu ħsieb il-​bini tal-​iskejjel tal-​Bibbja. Kull wieħed minnhom għamel wegħda t’ubbidjenza u ħajja sempliċi. F’din il-​wegħda, huma jwiegħdu li jaħdmu iebes fi kwalunkwe inkarigu li jingħataw fis-​servizz taʼ Ġeħova, li jgħixu ħajja sempliċi, u li ma jagħmlux xogħol sekulari sakemm ma jkollhomx permess. Mhumiex in-​nies, iżda l-​inkarigi tagħhom li jitqiesu bħala speċjali. Huma umli u determinati biex iżommu l-​wegħda tagħhom għal kemm idumu fis-​servizz full-​time speċjali.

20. Kif irridu nqisu l-​wegħdi tagħna lil Alla? Għala?

20 F’dan l-​artiklu ddiskutejna tliet wegħdi li għandna mnejn nagħmlu lil Alla. Forsi għamilt xi wħud minn dawn il-​wegħdi int stess. Aħna nafu li rridu nieħdu bis-​serjetà l-​wegħdi tagħna u li rridu nagħmlu kulma nistgħu biex inżommuhom. (Proverbji 20:25) Jekk ma nżommux il-​wegħdi tagħna lil Ġeħova, jistaʼ jkun hemm konsegwenzi serji. (Ekkleżjasti 5:6) Allura ejja nkunu bħas-​salmista li qal lil Ġeħova: “Ngħanni lil ismek għal dejjem, biex inkun nistaʼ rrodd il-​wegħdi tiegħi jum wara l-​ieħor.”—Salm 61:8.

^ par. 7 Ħanna wiegħdet lil Ġeħova li jekk ikollha tifel, hu kien se jkun Nażirit għal ħajtu kollha. Dan kien ifisser li binha kien se jkun dedikat u mwarrab apparti għas-​servizz taʼ Ġeħova.—Numri 6:2, 5, 8.

^ par. 13 La hemm ħafna affarijiet li l-​anzjani għandhom jikkunsidraw maʼ persuna qabel hu jew hi tikkwalifika għall-​magħmudija, se jkun rari ħafna għal magħmudija taʼ xi ħadd biex ma tkunx tgħodd.

^ par. 16 Ara l-artiklu “Il-Ħarsa tal-Bibbja Lejn id-Divorzju u s-Separazzjoni” li jinsab fl-Appendiċi tal-ktieb “Żommu Ruħkom fl-​Imħabba t’Alla.