Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Qiegħed timita s-​sens taʼ ġustizzja taʼ Ġeħova?

Qiegħed timita s-​sens taʼ ġustizzja taʼ Ġeħova?

“Jien se niddikjara l-​isem taʼ Ġeħova . . . , Alla taʼ fedeltà, li miegħu m’hemm ebda inġustizzja.”—DEWTERONOMJU 32:3, 4.

GĦANJIET: 110, 2

1, 2. (a) X’inġustizzja esperjenzaw Nabot u wliedu? (b) Liema żewġ kwalitajiet se niddiskutu f’dan l-​artiklu?

ŻEWĠT irġiel ħżiena jakkużaw raġel b’għemil ħażin serju ħafna. Dak li jgħidu hu gidba. Imma r-​raġel jinstab ħati u se jinqatel. Immaġina kif ħassewhom in-​nies li jħobbu l-​ġustizzja hekk kif raw lil dan ir-​raġel innoċenti u wliedu jiġu mħaġġrin għall-​mewt! Din mhix biss storja. Dan hu dak li ġara verament lil qaddej leali taʼ Ġeħova jismu Nabot, li għex meta s-​Sultan Aħab kien qed imexxi lill-​Iżrael.—1 Slaten 21:11-​13; 2 Slaten 9:26.

2 F’dan l-​artiklu, se niddiskutu dak li ġara lil Nabot. Se niddiskutu wkoll l-​iżball serju li għamel anzjan leali f’waħda mill-​ewwel kongregazzjonijiet Kristjani. Dawn iż-​żewġ eżempji se juruna kif l-​umiltà u li nkunu lesti li naħfru huma meħtieġa jekk irridu nimitaw is-​sens taʼ ġustizzja taʼ Ġeħova.

INĠUSTIZZJA TRAĠIKA

3, 4. X’tip taʼ raġel kien Nabot, u għala rrifjuta li jbigħ l-​għalqa tad-​dwieli tiegħu lis-​Sultan Aħab?

3 Nabot kien leali lejn Ġeħova fi żmien meta l-​biċċa l-​kbira tal-​Iżraelin kienu qed isegwu l-​eżempju ħażin tas-​Sultan Aħab u martu, ir-​reġina mill-​agħar Ġeżabel. Huma qiemu lill-​alla falz Bagħal u ma rrispettawx lil Ġeħova jew il-​liġijiet tiegħu. Imma Nabot qies ir-​relazzjoni tiegħu maʼ Ġeħova taʼ valur iktar minn ħajtu stess.

4 Aqra l-​1 Slaten 21:1-​3. Meta Aħab offra li jixtri l-​għalqa tad-​dwieli taʼ Nabot jew li jagħtih oħra aħjar minflokha, Nabot m’aċċettax. Għala? Hu b’rispett spjega: “Ma jgħaddilix minn moħħi, mill-​ħarsa taʼ Ġeħova, li nagħtik wirt missirijieti.” Nabot irrifjuta l-​offerta tas-​Sultan Aħab għax kien kontra l-​liġi taʼ Ġeħova li l-​Iżraelin ibigħu l-​wirt tal-​familja tagħhom b’mod permanenti. (Levitiku 25:23; Numri 36:7) Biċ-​ċar, Nabot kien ubbidjenti lejn Ġeħova.

5. Ġeżabel x’għamlet sabiex tieħu l-​għalqa tad-​dwieli taʼ Nabot?

5 Meta Nabot irrifjuta li jbigħ l-​għalqa tad-​dwieli tiegħu, is-​Sultan Aħab u martu għamlu affarijiet terribbli. Sabiex tieħu l-​għalqa tad-​dwieli, ir-​Reġina Ġeżabel talbet lil żewġt irġiel biex jakkużaw lil Nabot b’għemil ħażin li hu m’għamilx. B’hekk, kemm Nabot kif ukoll uliedu ġew maqtulin. X’għamel Ġeħova dwar din l-​inġustizzja traġika?

IL-​ĠUSTIZZJA T’ALLA

6, 7. Ġeħova kif wera li jħobb il-​ġustizzja, u dan għala kien se jkun taʼ faraġ għall-​familja u l-​ħbieb taʼ Nabot?

6 Minnufih, Ġeħova bagħat lil Elija biex jiffaċċja lil Aħab. Elija qal lil Aħab li hu kien qattiel u ħalliel. Xi ddeċieda Ġeħova? Aħab, martu, u wliedu kienu se jinqatlu, bħalma kienu nqatlu Nabot u wliedu.—1 Slaten 21:17-​25.

7 Il-​familja u l-​ħbieb taʼ Nabot tnikktu minħabba l-​affarijiet terribbli li kien għamel Aħab. Imma Ġeħova ra l-​inġustizzja u rreaġixxa malajr għaliha. Dan żgur li kien taʼ faraġ għalihom. Madankollu, l-​umiltà u l-​fiduċja tagħhom f’Ġeħova probabbilment għaddew minn prova minħabba dak li ġara wara.

Elija qal lil Aħab li minħabba li kien umilja ruħu, Ġeħova ma kienx se jikkastigah

8. Aħab kif irreaġixxa meta semaʼ l-​messaġġ taʼ Ġeħova, u b’hekk, x’ġara?

8 Meta Aħab semaʼ dak li Ġeħova kien iddeċieda li jagħmillu, hu “ċarrat ħwejġu u libes ilbies taʼ l-​ixkora fuq il-​laħam; u beda jsum u baqaʼ jimtedd fuq l-​ixkejjer u jimxi b’qalbu maqtugħa.” Aħab umilja ruħu! U għalhekk, x’ġara? Ġeħova qal lil Elija: “Talli umilja ruħu minħabba fija, ma nġibx il-​gwaj fi żmienu. Fi żmien ibnu nġib il-​gwaj fuq daru.” (1 Slaten 21:27-​29; 2 Slaten 10:10, 11, 17) Ġeħova, “dak li jeżamina l-​qlub,” il-​wieħed li jistaʼ jara min aħna verament, wera ħniena m’Aħab.—Proverbji 17:3.

L-​UMILTÀ HI PROTEZZJONI

9. L-​umiltà għala kienet se tkun taʼ protezzjoni għall-​familja u l-​ħbieb taʼ Nabot?

9 Meta l-​familja u l-​ħbieb taʼ Nabot semgħu li l-​familja t’Aħab ma kinitx se tiġi kkastigata sakemm Aħab idum ħaj, il-​fidi tagħhom f’Alla setgħet għaddiet minn prova. Imma l-​umiltà kienet se tgħinhom jipproteġu l-​fidi tagħhom. Għala? Jekk kienu umli, huma kienu se jkomplu jaqdu lil Ġeħova, u jafdaw li hu impossibbli li Alla jkun inġust. (Aqra Dewteronomju 32:3, 4.) Fil-​futur, il-​familja taʼ Nabot se jesperjenzaw il-​barka li jaraw lill-​maħbubin tagħhom fl-​irxoxt. Se jkun hemm ġustizzja perfetta għal Nabot u wliedu. (Ġob 14:14, 15; Ġwanni 5:28, 29) Persuna umli taf li “l-​Alla l-​veru se jiġġudika kull tip t’għemil, anki kulma hu moħbi, jekk hux tajjeb jew ħażin.” (Ekkleżjasti 12:14) Ġeħova jikkunsidra fatti li aħna ma nafux bihom. B’hekk, l-​umiltà tipproteġina milli nitilfu l-​fidi tagħna f’Ġeħova.

L-​umiltà tipproteġina milli nitilfu l-​fidi tagħna f’Ġeħova

10, 11. (a) Liema sitwazzjonijiet jistgħu jittestjaw is-​sens taʼ ġustizzja tagħna? (b) L-​umiltà b’liema modi se tipproteġina?

10 Kif tirreaġixxi jekk l-​anzjani jieħdu deċiżjoni li int ma tifhimhiex jew ma taqbilx magħha? Pereżempju, x’se tagħmel jekk int jew xi ħadd li tħobb jitlef inkarigu fis-​servizz taʼ Ġeħova? Xi ngħidu jekk is-​sieħeb jew sieħba fiż-​żwieġ, ibnek jew bintek, jew ħabib kbir tiegħek jiġi maqtugħ mis-​sħubija u int ma taqbilx mad-​deċiżjoni tal-​anzjani? X’se tagħmel jekk taħseb li kien żball li l-​anzjani wrew ħniena maʼ xi ħadd li dineb? Dawn is-​sitwazzjonijiet jistgħu jittestjaw il-​fidi tagħna f’Ġeħova u fil-​mod taʼ kif organizza l-​kongregazzjoni llum. L-​umiltà kif se tipproteġik jekk tiġi ttestjat b’waħda minn dawn is-​sitwazzjonijiet? Ejja nikkunsidraw żewġ modi.

Kif se tirreaġixxi jekk l-anzjani jħabbru deċiżjoni li int ma taqbilx magħha? (Ara paragrafi 10, 11)

11 L-​ewwel, jekk aħna umli, se nammettu li m’għandniex il-​fatti kollha. Anki jekk naħsbu li nafu kollox dwar sitwazzjoni, Ġeħova biss jaf dak li hemm f’qalb persuna. (1 Samwel 16:7) Meta nżommu dan f’moħħna, b’umiltà se nagħrfu li aħna limitati u li rridu naġġustaw il-​ħsieb tagħna. It-​tieni, jekk ninnotaw jew nesperjenzaw inġustizzja, l-​umiltà se tgħinna nkunu ubbidjenti u paċenzjużi u nistennew lil Ġeħova jikkoreġi s-​sitwazzjoni. Il-​Bibbja tgħid: “Dawk li jibżgħu mill-​Alla l-​veru se jaħbtilhom tajjeb.” Tgħid ukoll: “Imma lill-​ħażin żgur mhux se jaħbatlu tajjeb, u lanqas ma se jtawwal jiemu.” (Ekkleżjasti 8:12, 13) Jekk nibqgħu umli, se nibbenefikaw kemm aħna kif ukoll kull min hu involut.—Aqra l-​1 Pietru 5:5.

KAŻ TAʼ IPOKRISIJA FIL-​KONGREGAZZJONI

12. X’rakkont se nikkunsidraw issa, u għala?

12 Il-​Kristjani tal-​bidu f’Antjokja tas-​Sirja esperjenzaw sitwazzjoni li ttestjat l-​umiltà tagħhom u anki kemm kienu lesti li jaħfru. Ejja nikkunsidraw dan ir-​rakkont u nużawh biex neżaminaw l-​attitudni tagħna rigward il-​maħfra. Jistaʼ jgħinna nifhmu għala Ġeħova jistaʼ juża nies imperfetti mingħajr ma jnaqqas il-​livelli tiegħu.

13, 14. L-​appostlu Pietru liema inkarigi kellu, u kif wera li kien kuraġġuż?

13 L-​appostlu Pietru kien anzjan li kien magħruf sew mal-​biċċa l-​kbira tal-​Kristjani tal-​bidu. Hu kien ħabib persunali taʼ Ġesù u ngħata inkarigi importanti. (Mattew 16:19) Pereżempju, fis-​sena 36, Pietru ġie assenjat jipprietka lil Kornelju u lil dawk kollha taʼ daru. Dan għala kien speċjali? Għax Kornelju ma kienx Lhudi; kien Ġentil mhux ċirkonċiż. Meta Kornelju u dawk f’daru rċivew l-​ispirtu qaddis, Pietru għaraf li huma setgħu jitgħammdu bħala Kristjani. Hu qal: “Jistaʼ xi ħadd iċaħħad lil dawn milli jitgħammdu bl-​ilma la rċivew l-​ispirtu qaddis saħansitra bħalna?”—Atti 10:47.

14 Fis-​sena 49, l-​appostli u l-​anzjani f’Ġerusalemm iltaqgħu biex jiddeċiedu jekk kienx hemm bżonn li l-​Kristjani Ġentili jiġu ċirkonċiżi. F’din il-​laqgħa, Pietru b’kuraġġ fakkar lill-​aħwa li hu stess ra Ġentili mhux ċirkonċiżi jirċievu l-​ispirtu qaddis. Kienet l-​esperjenza taʼ Pietru li għenet lill-​ġemgħa li tiggverna jieħdu d-​deċiżjoni tagħhom. (Atti 15:6-​11, 13, 14, 28, 29) Min jaf kemm kienu grati l-​Kristjani Lhud u Ġentili li Pietru kellu l-​kuraġġ jgħid kif kienu l-​fatti. Żgur li kien faċli għal dawn il-​Kristjani tal-​bidu li jafdaw lil dan ir-​raġel leali u matur!—Ebrej 13:7.

15. Xi żball għamel Pietru waqt li kien l-​Antjokja tas-​Sirja? (Ara l-​ewwel stampa.)

15 Ftit wara l-​laqgħa f’Ġerusalemm, Pietru żar l-​Antjokja tas-​Sirja. Waqt li kien hemm, hu qattaʼ l-​ħin maʼ ħutu l-​Ġentili. Nistgħu nimmaġinaw kemm ħadu pjaċir jitgħallmu mill-​għerf u l-​esperjenza taʼ Pietru. Madankollu, huma żgur ħaduha bi kbira u ħassewhom imweġġgħin meta Pietru f’daqqa waħda ma baqax jiekol magħhom. Pietru influwenza lil Kristjani Lhud oħra, inkluż lil Barnaba, biex jagħmlu l-​istess. Dan l-​anzjan matur għala għamel żball tant serju, wieħed li setaʼ joħloq firda fil-​kongregazzjoni? Iktar importanti minn hekk, liema tagħlima nistgħu nieħdu mill-​iżball taʼ Pietru li tistaʼ tgħinna jekk inħossuna mweġġgħin bil-​kliem jew azzjonijiet t’anzjan?

Il-​Kristjani Ġentili li Pietru kien naqashom kif kienu se jirreaġixxu għal din l-​inġustizzja?

16. Pietru kif ġie kkoreġut, u liema mistoqsijiet iqumu?

16 Aqra Galatin 2:11-​14. Pietru beda jibżaʼ mill-​bniedem. (Proverbji 29:25) Pietru kien jaf kif Ġeħova kien iħossu dwar il-​Ġentili. Xorta waħda, hu beżaʼ li l-​Kristjani Lhud ċirkonċiżi li ġew iżuru minn Ġerusalemm kienu se jirrispettawh inqas talli jassoċja maʼ Kristjani Ġentili. L-​appostlu Pawlu qal lil Pietru li kien qed jaġixxi taʼ ipokrita. Għala? Għax Pawlu kien hemm meta Pietru ddefenda lill-​Ġentili fil-​laqgħa f’Ġerusalemm fis-​sena 49. (Atti 15:12; Galatin 2:13) Il-​Kristjani Ġentili li Pietru kien naqashom kif kienu se jirreaġixxu? Kienu se jħallu dan ifixkilhom? Kien Pietru se jitlef l-​inkarigi tiegħu minħabba l-​iżball li għamel?

KUN WIEĦED LI TAĦFER

17. Pietru kif ibbenefika mill-​maħfra taʼ Ġeħova?

17 Pietru kien umli u aċċetta l-​korrezzjoni taʼ Pawlu. L-​Iskrittura ma ssemmix li Pietru tilef xi wieħed mill-​inkarigi li kellu. Fil-​fatt, iktar tard hu ġie mnebbaħ biex jikteb żewġ ittri li saru parti mill-​Bibbja. Fit-​tieni ittra tiegħu, hu saħansitra rrefera għal Pawlu bħala “l-​maħbub ħuna.” (2 Pietru 3:15) Min jaf kemm weġġagħhom l-​iżball taʼ Pietru lill-​Kristjani Ġentili. Madankollu, Ġesù, li hu l-​kap tal-​kongregazzjoni, kompla jużah. (Efesin 1:22) L-​aħwa rġiel u nisa fil-​kongregazzjoni kellhom l-​opportunità jimitaw lil Ġesù u lil Missieru billi jaħfru lil Pietru. Nittamaw li ħadd ma ħalla żball taʼ raġel imperfett ifixklu.

18. Meta jistaʼ jkollna bżonn nimitaw is-​sens taʼ ġustizzja taʼ Ġeħova?

18 La kien hemm anzjani perfetti fil-​kongregazzjoni Kristjana tal-​bidu, u lanqas hawn anzjani perfetti fil-​kongregazzjoni Kristjana llum. Il-​Bibbja tgħid: “Ilkoll nitfixklu [jew, niżbaljaw] ħafna drabi.” (Ġakbu 3:2) Mhuwiex diffiċli biex inkunu nafuh dan, imma x’se nagħmlu meta aħna stess niġu affettwati bl-​imperfezzjonijiet taʼ xi ħu? Se nimitaw is-​sens taʼ ġustizzja taʼ Ġeħova? Pereżempju, kif se tirreaġixxi jekk anzjan jagħmel kumment li jidher li hu preġudikat? Jekk anzjan jgħid xi ħaġa bla ma jaħsibha li biha joffendik jew iweġġgħek, se tħalli dan ifixklek? Minflok ma tirraġuna mill-​ewwel li dan il-​ħu ma jistħoqqlux ikun anzjan, se tistenna bil-​paċenzja u tistrieħ fuq Ġesù, il-​kap tal-​kongregazzjoni? Iktar milli tiffoka fuq l-​iżball, se tiftakar fil-​ħafna snin taʼ servizz leali tal-​ħu? Jekk ħu li dineb kontrik ikompli jaqdi bħala anzjan jew saħansitra jirċievi iktar inkarigi, se tkun ferħan għalih? Jekk int lest li taħfer, se tkun qed turi li qed timita s-​sens taʼ ġustizzja taʼ Ġeħova.—Aqra Mattew 6:14, 15.

19. X’għandna nkunu determinati li nagħmlu?

19 Peress li nħobbu l-​ġustizzja, aħna verament inħarsu ’l quddiem għal dak il-​jum meta Ġeħova jneħħi l-​inġustizzja kollha kkaġunata minn Satana u s-​sistema mill-​agħar tiegħu. (Isaija 65:17) Sadattant, meta nesperjenzaw inġustizzja, ejja nammettu b’umiltà li jistaʼ jkun li m’għandniex il-​fatti kollha u naħfru b’mod ġeneruż lil dawk li jidinbu kontrina. Jekk nagħmlu dan, se nkunu qed nimitaw il-​ħarsa taʼ ġustizzja taʼ Ġeħova.