Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Uri fidi fil-​wegħdi taʼ Ġeħova

Uri fidi fil-​wegħdi taʼ Ġeħova

“Il-​fidi hi . . . t-​turija evidenti taʼ realtajiet li ma jidhrux.”—EBREJ 11:1.

GĦANJIET: 54, 125

1. Kif għandna nħossuna dwar il-​fidi tagħna?

IL-​FIDI hija xi ħaġa li mhux in-​nies kollha għandhom. (2 Tessalonikin 3:2) Imma Ġeħova jagħti l-​fidi lil dawk kollha li jqimuh. (Rumani 12:3; Galatin 5:22) Kemm aħna grati li Ġeħova jagħtina l-​fidi!

2, 3. (a) Kif nibbenefikaw meta jkollna l-​fidi? (b) X’mistoqsijiet se nikkunsidraw issa?

2 Ġeħova tana lil Ibnu l-​għażiż biex kull min ikollu l-​fidi f’Ġesù, dnubietu jkunu jistgħu jinħafrulu. Dan jagħmilha possibbli għan-​nies biex isiru l-​ħbieb taʼ Ġeħova u jgħixu għal dejjem. (Ġwanni 6:44, 65; Rumani 6:23) Ġeħova hu tassew qalbu tajba magħna! Minkejja li aħna midinbin u jistħoqqilna l-​mewt, Ġeħova ra li aħna kapaċi nagħmlu affarijiet tajbin. (Salm 103:10) Hu għenna nitgħallmu l-​aħbar tajba dwar Ġesù u s-​sagrifiċċju tiegħu. Meta beda jkollna l-​fidi f’Ġesù u bdejna nimxu warajh, stajna nħarsu ’l quddiem għal ħajja bla tmiem!—Aqra l-​1 Ġwanni 4:9, 10.

3 Imma x’nistgħu nitgħallmu iktar dwar il-​fidi? Jekk sempliċement inkunu nafu x’għamel Alla għalina u x’se jagħmel fil-​futur, ifisser dan li għandna l-​fidi? Ejja naraw x’għandna nagħmlu iktar.

‘EŻERĊITA L-​FIDI F’QALBEK’

4. Meta jkollna l-​fidi, din kif teffettwana?

4 Meta jkollna l-​fidi f’Ġeħova u f’Ġesù, aħna mhux sempliċement inkunu nafu dwar x’għamlu u x’se jagħmlu għalina. Aħna jkollna wkoll xewqa kbira li ngħixu skont kif għallmuna ngħixu. U aħna ħerqanin li ngħinu oħrajn ħalli huma wkoll isiru jafuhom. L-​appostlu Pawlu qal: “Jekk ixxandar pubblikament dik il-​‘kelma taʼ fommok,’ li Ġesù hu Mulej, u teżerċita l-​fidi f’qalbek li Alla qajmu mill-​imwiet, int tiġi salvat. Għax bil-​qalb wieħed jeżerċita l-​fidi għall-​ġustizzja, imma bil-​fomm jistqarr pubblikament għas-​salvazzjoni.”—Rumani 10:9, 10; 2 Korintin 4:13.

5. Il-​fidi għala hi importanti, u xi rridu nagħmlu biex ikollna fidi b’saħħitha? Agħti eżempju.

5 Jidher ċar li biex ingawdu ħajja bla tmiem fid-​dinja l-​ġdida t’Alla, hemm bżonn li mhux biss ikollna l-​fidi imma wkoll li nibqgħu nżommuha b’saħħitha. Il-​fidi hi bħal pjanta. Għandna bżonn nibqgħu nsaqqu l-​pjanta biex b’hekk tibqaʼ f’saħħitha u tkompli tikber. Imma jekk ma nagħtuhiex biżżejjed ilma, il-​pjanta tidbiel u tmut. Bl-​istess mod, irridu nagħmlu ċert li l-​fidi tagħna tibqaʼ ‘f’saħħitha’ u tkompli “tikber.”—Titu 2:2; 2 Tessalonikin 1:3; Luqa 22:32; Ebrej 3:12.

IL-​BIBBJA TIDDESKRIVI X’INHI L-​FIDI

6. B’liema żewġ modi Ebrej 11:1 jiddeskrivi l-​fidi?

6 F’​Ebrej 11:1, il-​Bibbja tiddeskrivi x’inhi l-​fidi. (Aqra.) (1) Il-​fidi hi “l-​istennija garantita t’affarijiet li nittamaw għalihom.” L-​affarijiet li nittamaw għalihom jinkludu l-​wegħdi t’Alla għall-​futur. Pereżempju, aħna nafu fiċ-​ċert li l-​ħażen se jispiċċa u li se jkun hawn dinja ġdida. (2) Il-​fidi hi “t-​turija evidenti” jew konvinċenti taʼ “realtajiet li ma jidhrux.” Aħna nafu li Alla Ġeħova, Ġesù Kristu, l-​anġli, u s-​Saltna tas-​sema jeżistu, avolja ma nistgħux narawhom. (Ebrej 11:3) Kif nistgħu nuru li tassew għandna l-​fidi fil-​wegħdi t’Alla u fl-​affarijiet li ma nistgħux naraw? Dan nuruh bil-​mod kif ngħixu ħajjitna u b’dak li ngħidu u nagħmlu.

7. L-​eżempju taʼ Noè kif jgħinna nifhmu xi jfisser li jkollna l-​fidi? (Ara l-​ewwel stampa.)

7 X’nitgħallmu minn Noè dwar il-​fidi? L-​appostlu Pawlu qal li Noè, “wara li ngħata twissija divina dwar affarijiet li kienu għadhom ma dehrux, wera l-​biżaʼ t’Alla u bena arka biex isalva lin-​nies taʼ daru.” (Ebrej 11:7) Peress li Noè kellu l-​fidi f’dak li qallu Ġeħova, hu bena arka enormi. Jistaʼ jkun li l-​ġirien staqsewh għala kien qed jibni l-​arka. Żgur li Noè ma żammx ħalqu magħluq. Il-​Bibbja tgħid li Noè kien “predikatur tal-​ġustizzja.” (2 Pietru 2:5) Hu wissa lin-​nies li Alla kien se jġib dulluvju biex jeqred lill-​ħżiena. Wisq probabbli hu qalilhom eżatt dak li Ġeħova kien qallu: “Wasal quddiemi t-​tmiem tal-​bnedmin kollha, għaliex minħabba fihom l-​art imtliet bil-​vjolenza,” u “se nġib dilluvju taʼ ilmijiet fuq l-​art biex neqred minn taħt is-​smewwiet il-​laħam kollu li fih hemm il-​forza attiva tal-​ħajja. Kulma hemm fuq l-​art imut.” Imbagħad, Noè żgur li spjega lin-​nies x’għandhom jagħmlu biex isalvaw. Ġeħova kien ikkmandah: ‘Idħol fl-​arka.’—Ġenesi 6:13, 17, 18.

8. Ġakbu x’qal dwar il-​fidi?

8 Ġakbu wkoll kiteb dwar il-​fidi. X’aktarx li hu għamel dan ftit wara li l-​appostlu Pawlu kien kiteb lill-​Ebrej. Ġakbu kiteb: “Urini l-​fidi tiegħek mingħajr l-​għemejjel, u jien nurik il-​fidi tiegħi bl-​għemejjel tiegħi.” (Ġakbu 2:18) Ġakbu spjega li biex ikollna l-​fidi, irridu nagħmlu iktar milli sempliċement nemmnu. Id-​demonji jemmnu li Alla jeżisti, imma m’għandhomx fidi f’Ġeħova. Minflok, huma jopponuh b’saħħa. (Ġakbu 2:19, 20) Mill-​banda l-​oħra, xi ħadd li għandu l-​fidi se jogħġob lil Alla billi jagħmel għemejjel tajbin. Hekk għamel Abraham. Ġakbu kiteb: “Missierna Abraham mhux bl-​għemejjel ġie dikjarat ġust wara li kien offra lil ibnu Iżakk fuq l-​artal? B’dan tistaʼ tara li l-​fidi tiegħu ħadmet id f’id maʼ l-​għemejjel tiegħu u b’dawn l-​għemejjel il-​fidi tiegħu saret perfetta.” Imbagħad, Ġakbu enfasizza li fidi mingħajr għemejjel ma tiswa xejn billi qal: “Bħalma l-​ġisem mingħajr l-​ispirtu hu mejjet, hekk ukoll il-​fidi mingħajr l-​għemejjel hi mejta.”—Ġakbu 2:21-​23, 26.

9, 10. Xi jfisser li nuru l-​fidi fl-​Iben?

9 Iktar minn 30 sena wara, Ġwanni kiteb l-​Evanġelju tiegħu u tliet ittri. Bħall-​kittieba l-​oħrajn tal-​Bibbja, Ġwanni fehem x’inhi l-​fidi. Ħafna drabi fil-​kitbiet tiegħu, Ġwanni uża l-​verb Grieg li kultant jiġi tradott ‘eżerċita l-​fidi’ bil-​Malti.

Aħna nuru l-​fidi fl-​Iben billi nobdu lil Ġesù

10 Pereżempju, Ġwanni spjega: “Min jeżerċita l-​fidi fl-​Iben għandu l-​ħajja taʼ dejjem; min ma jobdix lill-​Iben ma jarax il-​ħajja, imma l-​korla t’Alla tibqaʼ fuqu.” (Ġwanni 3:36) Biex nuru l-​fidi fl-​Iben, aħna rridu nobdu lil Ġesù. Infatti, mill-​kitbiet taʼ Ġwanni naraw li Ġesù spiss qal li biex ikollna l-​ħajja taʼ dejjem, aħna għandna nuru l-​fidi fih u f’Missieru.—Ġwanni 3:16; 6:29, 40; 11:25, 26; 14:1, 12.

11. Kif nistgħu nuru li aħna grati lejn Ġeħova talli nafu l-​verità?

11 Ġeħova uża l-​ispirtu qaddis tiegħu biex jgħinna nifhmu l-​verità dwaru u dwar Ibnu u biex jgħinna jkollna l-​fidi fihom. (Aqra Luqa 10:21.) Kif nistgħu nuru li aħna grati għal dak kollu li għamel Ġeħova? M’għandna qatt nieqfu nirringrazzjawh li ppermetta li jkollna relazzjoni miegħu permezz taʼ Ġesù, li hu “l-​Aġent Ewlieni u Dak li jipperfezzjona l-​fidi tagħna.” (Ebrej 12:2) U għandna nkomplu nsaħħu l-​fidi tagħna billi nibqgħu dejjem nitolbu ’l Ġeħova u nistudjaw il-​Kelma tiegħu.—Efesin 6:18; 1 Pietru 2:2.

Uri l-​fidi billi tgħid lil oħrajn dwar l-​aħbar tajba kull meta jkollok l-​opportunità (Ara paragrafu 12)

12. Jekk għandna l-​fidi, x’se nagħmlu?

12 Aħna għandna nkomplu nuru bl-​azzjonijiet tagħna li għandna fidi soda fil-​wegħdi taʼ Ġeħova. Pereżempju, aħna nibqgħu nippritkaw lin-​nies dwar is-​Saltna t’Alla u ngħinuhom isiru dixxipli taʼ Ġesù. Aħna nkomplu nagħmlu “t-​tajjeb maʼ kulħadd, imma speċjalment maʼ min jiġi minna fil-​fidi.” (Galatin 6:10) U aħna naħdmu iebes biex ‘ninżgħu l-​personalità l-​qadima bid-​drawwiet tagħha’ għax ma rridu li jkun hemm xejn li jħassrilna l-​ħbiberija tagħna maʼ Ġeħova.—Kolossin 3:5, 8-​10.

IL-​FIDI F’ALLA HI PARTI MILL-​PEDAMENT TAGĦNA

13. “Il-​fidi f’Alla” kemm hija importanti? Il-​Bibbja kif tiddeskriviha, u għala?

13 Il-​Bibbja tgħid: “Mingħajr fidi impossibbli li togħġbu sew, għax min jersaq lejn Alla jrid jemmen li hu jeżisti u li jippremja lil dawk li jfittxuh bil-​ħeġġa.” (Ebrej 11:6) Il-​Bibbja turi wkoll li “l-​fidi f’Alla” hi waħda mill-​ewwel affarijiet li l-​veri Kristjani għandu jkollhom. Din hi parti mill-​“pedament” tagħna. (Ebrej 6:1) Imma minbarra l-​fidi, għandna bżonn kwalitajiet importanti oħrajn biex ikun jistaʼ jkollna ħbiberija maʼ Ġeħova u nżommuha.—Aqra t-​2 Pietru 1:5-​7; Ġuda 20, 21.

14, 15. Il-​fidi kemm hi importanti meta mqabbla mal-​imħabba?

14 Il-​kittieba tal-​Bibbja rreferew għall-​fidi iktar minn kwalunkwe kwalità oħra. Ifisser dan li l-​fidi hija l-​iktar kwalità importanti li jeħtieġ li jkollna?

15 Pawlu qabbel il-​fidi mal-​imħabba. Hu kiteb: “Kieku għandi  . . . l-​fidi kollha biex inċaqlaq il-​muntanji minn posthom, iżda m’għandix imħabba, ma jien xejn.” (1 Korintin 13:2) Ġesù qal li “l-​akbar kmandament fil-​Liġi” hu li nħobbu lil Alla. (Mattew 22:35-​40) L-​imħabba tgħinna biex ikollna ħafna kwalitajiet oħra li jogħġbu lil Alla. Pereżempju, il-​Bibbja tgħid li l-​imħabba “kollox temmen.” B’hekk, l-​imħabba tgħinna nemmnu, jew ikollna l-​fidi, f’kull ħaġa li Alla jgħidilna fil-​Bibbja.—1 Korintin 13:4, 7.

16, 17. (a) Il-​Bibbja x’tgħid dwar il-​fidi u l-​imħabba? (b) Liema minnhom hi l-​ikbar kwalità, u għala?

16 Kemm il-​fidi u kemm l-​imħabba huma kwalitajiet importanti ħafna, u l-​kittieba tal-​Bibbja spiss semmewhom flimkien. Pawlu inkuraġġixxa lil ħutu biex ‘jilbsu l-​kurazza tal-​fidi u l-​imħabba.’ (1 Tessalonikin 5:8) Pietru kiteb dwar Ġesù: “Għalkemm qatt ma rajtuh, tħobbuh. Għalkemm m’intomx tarawh fil-​preżent, qed teżerċitaw il-​fidi fih.” (1 Pietru 1:8) Ġakbu staqsa lil ħutu l-​midlukin: “Mhux Alla kien li għażel lill-​foqra għad-​dinja biex ikunu għonja fil-​fidi u werrieta tas-​saltna, li hu wiegħed lil dawk li jħobbuh?” (Ġakbu 2:5) Ġwanni kiteb li l-​kmandament t’Alla hu li “jkollna l-​fidi f’isem Ibnu Ġesù Kristu u li nħobbu lil xulxin.”—1 Ġwanni 3:23.

17 Imma Pawlu kiteb ukoll: “Madankollu, issa jibqaʼ l-​fidi, it-​tama, l-​imħabba, dawn it-​tlieta; imma l-​akbar fosthom hi l-​imħabba.” (1 Korintin 13:13) Fil-​futur, peress li l-​wegħdi t’Alla dwar id-​dinja l-​ġdida jkunu seħħew, mhux se jkollna bżonn iktar li npoġġu l-​fidi fihom. Se nkunu qed ngħixu l-​ħajja meraviljuża li l-​Bibbja titkellem dwarha. Imma dejjem se jkollna bżonn imħabba għal Alla u għan-​nies. Infatti, l-​imħabba għalihom se tibqaʼ tikber għal dejjem.

ĠEĦOVA BIEREK IL-​FIDI TAGĦNA

18, 19. Xi rriżulta minħabba li n-​nies t’Alla llum għandhom il-​fidi, u min jistħoqqlu li jiġi mfaħħar għal dan?

18 In-​nies taʼ Ġeħova fi żmienna għandhom il-​fidi fis-​Saltna t’Alla u jappoġġjawha. U huma jħobbu lil xulxin. Dan għaliex huma jħallu l-​ispirtu t’Alla jiggwida l-​mod kif jgħixu. (Galatin 5:22, 23) Dan fiex irriżulta? Iktar minn tmien miljun ħu u oħt madwar id-​dinja jgawdu l-​paċi u l-​unità fil-​kongregazzjonijiet tagħhom. Jidher ċar li l-​fidi u l-​imħabba huma żewġ kwalitajiet b’saħħithom.

19 Din l-​unità kienet possibbli biss bl-​għajnuna t’Alla tagħna. Għalhekk, hu jistħoqqlu t-​tifħir tagħna. (Isaija 55:13) Aħna tassew grati li hu għamilha possibbli għalina li nkunu “salvati permezz tal-​fidi.” (Efesin 2:8) Ġeħova se jibqaʼ jgħin lil ħafna iktar nies biex ikollhom il-​fidi fih. Imbagħad, fl-​aħħar, id-​dinja kollha se tkun mimlija b’nies perfetti, ġusti, u kuntenti li se jfaħħru lil Ġeħova għal dejjem!