Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ibqaʼ żomm is-​saħħa spiritwali tiegħek waqt li taqdi f’qasam taʼ lingwa barranija

Ibqaʼ żomm is-​saħħa spiritwali tiegħek waqt li taqdi f’qasam taʼ lingwa barranija

“Dak li għedt int ħżintu f’qalbi bħal teżor.”—SALM 119:11.

GĦANJIET: 142, 92

1-3. (a) X’għandha dejjem tkun l-​iktar ħaġa importanti għalina? (b) Xi sfidi partikulari għandhom dawk li qed jitgħallmu lingwa ġdida, u dan x’mistoqsijiet iqajjem? (Ara l-​ewwel stampa.)

ILLUM, ħafna mix-​Xhieda taʼ Ġeħova qegħdin iħabirku f’li jgħinu fit-​twettiq tal-​profezija biex jippritkaw “lil kull ġens u tribù u lsien u poplu.” (Rivelazzjoni 14:6) Int wieħed fost dawk li qed jitgħallmu lingwa oħra? Xi wħud jaqdu bħala missjunarji jew jippritkaw f’pajjiż ieħor fejn il-​bżonn hu akbar. Oħrajn bdew jattendu laqgħat taʼ lingwa barranija fil-​pajjiż tagħhom.

2 Il-​qaddejja kollha t’Alla jeħtieġ li jżommu s-​saħħa spiritwali tagħhom u tal-​familja bħala l-​iktar ħaġa importanti. (Mattew 5:3) Madankollu, xi drabi nistgħu tant inkunu mħabbtin li jkun diffiċli nsibu ħin għal studju personali siewi. Imma dawk li qegħdin f’kongregazzjoni taʼ lingwa barranija għandhom diffikultajiet oħrajn.

3 Dawk li jaqdu f’kongregazzjoni taʼ lingwa barranija għandhom bżonn jitgħallmu lingwa ġdida, imma għandhom bżonn ukoll jagħmlu ċert li jistudjaw regolarment l-​affarijiet profondi t’Alla. (1 Korintin 2:10) Kif jistgħu jagħmlu dan jekk ma jifhmux għalkollox dak li jintqal fil-​kongregazzjoni? U għala għandhom ġenituri Kristjani li jaqdu f’kongregazzjoni taʼ lingwa barranija jagħmlu ċert li l-​verità tilħaq qalb uliedhom?

PERIKLU GĦAR-​RELAZZJONI TAGĦNA MAʼ ĠEĦOVA

4. X’jistaʼ jpoġġi r-​relazzjoni tagħna maʼ Ġeħova f’periklu? Agħti eżempju.

4 Meta ma nkunux nistgħu nifhmu t-​tagħlim tal-​Bibbja b’lingwa barranija, dan jistaʼ jkun taʼ periklu serju għar-​relazzjoni tagħna maʼ Ġeħova. Meta Neħemija mar lura Ġerusalemm, hu nnota li ftit mit-​tfal hemmhekk ma setgħux jitkellmu bil-​lingwa Ebrajka. (Aqra Neħemija 13:23, 24.) Minħabba li dawn it-​tfal ma setgħux jifhmu l-​Kelma t’Alla, ir-​relazzjoni tagħhom maʼ Ġeħova ddgħajfet.—Neħemija 8:2, 8.

5, 6. Xi nnotaw xi ġenituri li jaqdu f’kongregazzjoni taʼ lingwa barranija, u x’inhi l-​problema?

5 Xi ġenituri Kristjani li qed jaqdu f’kongregazzjoni taʼ lingwa barranija nnotaw li r-​relazzjoni tat-​tfal tagħhom maʼ Ġeħova ddgħajfet. Minħabba li t-​tfal tagħhom ma jifhmux għalkollox dak li jintqal fil-​laqgħat, l-​informazzjoni ma tqanqalhomx jaġixxu. Pedro, li mill-​Amerika t’Isfel mar jgħix l-​Awstralja flimkien maʼ familtu, jgħid: “Meta nitkellmu dwar affarijiet spiritwali, il-​qalb u l-​emozzjonijiet għandhom ikunu involuti.” [1] (Ara n-​nota fl-​aħħar.)—Luqa 24:32.

6 Meta naqraw b’lingwa barranija, l-​emozzjonijiet tagħna jistgħu ma jkunux involuti daqskemm meta naqraw bil-​lingwa tagħna stess. Ukoll, peress li hu diffiċli biex nikkomunikaw b’lingwa oħra, nistgħu tant negħjew li l-​qima tagħna lil Ġeħova tiġi effettwata b’mod negattiv. Allura waqt li nżommu b’saħħitha x-​xewqa tagħna li naqdu f’kongregazzjoni taʼ lingwa barranija, għandna bżonn ukoll nipproteġu r-​relazzjoni tagħna maʼ Ġeħova.—Mattew 4:4.

HUMA PPROTEĠEW IR-​RELAZZJONI TAGĦHOM MAʼ ĠEĦOVA

7. Il-​Babiloniżi kif ipprovaw jisforzaw lil Danjel jaċċetta l-​kultura u r-​reliġjon tagħhom?

7 Meta Danjel u l-​ħbieb tiegħu kienu eżiljati f’Babilonja, il-​Babiloniżi pprovaw jisforzawhom biex jaċċettaw il-​kultura u r-​reliġjon tagħhom. Kif? Huma għallmuhom “l-​ilsien tal-​Kaldin” u tawhom ismijiet Babiloniżi. (Danjel 1:3-​7) L-​isem il-​ġdid taʼ Danjel irrefera għal Bel, l-​alla prinċipali taʼ Babilonja. Mela hu possibbli li s-​Sultan Nebukadnessar ried iġiegħel lil Danjel jemmen li l-​alla taʼ Babilonja kellu iktar qawwa mill-​Alla taʼ Danjel, Ġeħova.—Danjel 4:8.

Minħabba li studja l-​kotba mqaddsa bl-​Ebrajk, Danjel żamm ir-​relazzjoni tiegħu maʼ Ġeħova b’saħħitha

8. Danjel kif żamm ir-​relazzjoni tiegħu maʼ Ġeħova b’saħħitha?

8 F’Babilonja, Danjel ġie offrut l-​ikel mill-​aqwa tas-​sultan. Imma hu kien “deċiż f’qalbu” li ma kienx se jikser il-​liġi t’Alla. (Danjel 1:8) Minħabba li kompla jistudja l-​kotba mqaddsa, li kienu bl-​Ebrajk, hu żamm ir-​relazzjoni tiegħu maʼ Ġeħova b’saħħitha waqt li għex f’art barranija. (Danjel 9:2) Fil-​fatt, madwar 70 sena wara li kien mar Babilonja, hu xorta kien għadu magħruf bl-​isem Ebrajk tiegħu, Danjel.—Danjel 5:13.

9. X’attitudni kellu l-​kittieb taʼ Salm 119 lejn il-​Kelma t’Alla?

9 Il-​kittieb taʼ Salm 119 kellu jissaporti meta membri tal-​palazz irjali tkellmu kontrih. Imma hu sab is-​saħħa fil-​Kelma t’Alla, u dan għenu jkun differenti minn oħrajn. (Salm 119:23, 61) Hu ħalla l-​kliem t’Alla jeffettwalu l-​emozzjonijiet tiegħu bil-​kbir.—Aqra Salm 119:11, 46.

ŻOMM IR-​RELAZZJONI TIEGĦEK MAʼ ĠEĦOVA B’SAĦĦITHA

10, 11. (a) X’għandha tkun il-​mira tagħna meta nistudjaw il-​Kelma t’Alla? (b) Kif nistgħu nilħqu l-​mira tagħna? Agħti eżempju.

10 Għalkemm għandu mnejn ikollna ħafna x’nagħmlu bir-​responsabbiltajiet tal-​kongregazzjoni u tax-​xogħol, ilkoll għandna bżonn nagħmlu ħin għall-​istudju personali u għall-​qima bħala familja. (Efesin 5:15, 16) Il-​mira tagħna m’għandhiex tkun sempliċement li naqraw ħafna paġni jew li nippreparaw kumment għal-​laqgħa. Il-​mira tagħna għandha tkun li nħallu l-​Kelma t’Alla teffettwana u ssaħħilna l-​fidi.

11 Biex nilħqu l-​mira tagħna, għandna nżommu bilanċ. Meta nistudjaw, ma rridux naħsbu biss dwar il-​bżonn taʼ ħaddieħor imma wkoll dwar il-​bżonn tagħna stess. (Filippin 1:9, 10) Għandna nifhmu li meta nippreparaw għall-​ministeru, għal-​laqgħat, jew għal xi taħdita, ma jfissirx neċessarjament li se napplikaw dak li naqraw għalina nfusna. Pereżempju, għalkemm kok irid iduq l-​ikel li jsajjar qabel ma jservih, ma jistax jgħix biss bl-​ikel li jduq. Jekk irid jibqaʼ f’saħħtu, għandu jipprepara regolarment ikel sustanzjuż għalih. B’mod simili, jekk irridu nsaħħu r-​relazzjoni tagħna maʼ Ġeħova, għandna bżonn nistudjaw il-​Bibbja regolarment. Studju fil-​fond bħal dan jimla l-​bżonn personali tagħna.

12, 13. Għala ħafna jħossu li hu t’għajnuna li jistudjaw il-​Bibbja bil-​lingwa tagħhom stess?

12 Ħafna li jaqdu f’kongregazzjoni taʼ lingwa barranija jħossu li hu t’għajnuna li jistudjaw il-​Bibbja regolarment bil-​‘lingwa t’art twelidhom.’ (Atti 2:8) Anki l-​missjunarji jafu li sabiex jibqgħu b’saħħithom fl-​inkarigu barrani tagħhom, ma jistgħux jistrieħu biss fuq dak li jisimgħu fil-​laqgħat.

13 Alain, li ilu jitgħallem il-​Persjan għal madwar tmien snin, jammetti: “Meta nipprepara għal-​laqgħat bil-​Persjan, ikolli t-​tendenza li niffoka fuq il-​lingwa nfisha. Peress li moħħi jkun iktar iffokat fuq li nitgħallem xi ħaġa ġdida, qalbi ma tkunx neċessarjament imqanqla mill-​ħsibijiet spiritwali li nkun qed naqra. Dan hu għala nagħmel ħin regolarment biex nistudja l-​Bibbja u pubblikazzjonijiet oħra bil-​lingwa tiegħi.”

ILĦAQ QALB ULIEDEK

14. Il-​ġenituri minn xiex iridu jagħmlu ċert, u għala?

14 Ġenituri Kristjani għandhom bżonn jagħmlu ċert li l-​verità tilħaq qalb u moħħ uliedhom. Ikkunsidra lil Serge u l-​mara tiegħu, Muriel, li qdew f’kongregazzjoni taʼ lingwa barranija għal iktar minn tliet snin. Huma bdew jinnotaw li t-​tifel tagħhom, li kellu 17-⁠il sena, ma kienx qed jieħu pjaċir waqt il-​ministeru u l-​laqgħat. “Fejn qabel kien jieħu gost jipprietka bil-​lingwa tiegħu, il-​Franċiż, issa sar jiddejjaq joħroġ fil-​ministeru b’lingwa oħra,” tgħid Muriel. “Meta rrealizzajna li din is-​sitwazzjoni kienet qed iżżomm lura t-​tifel milli jagħmel progress spiritwali,” jispjega Serge, “iddeċidejna li mmorru lura fil-​kongregazzjoni taʼ qabel.”

Agħmel ċert li l-verità tilħaq qalb uliedek (Ara paragrafi 14, 15)

15. (a) X’jistaʼ jgħin lill-​ġenituri jiddeċiedu jekk għandhomx jibdlu l-​kongregazzjoni? (b) Dewteronomju 6:​5-​7 liema direzzjoni jagħti lill-​ġenituri?

15 X’jistaʼ jgħin lill-​ġenituri jiddeċiedu jekk jerġgħux imorru lura f’kongregazzjoni li tuża l-​lingwa li t-​tfal tagħhom jifhmu l-​iktar? L-​ewwel, huma jridu jiddeċiedu jekk verament għandhomx biżżejjed ħin u enerġija biex jgħallmu lit-​tfal tagħhom iħobbu lil Ġeħova u fl-​istess ħin jgħallmuhom ukoll lingwa barranija. It-​tieni, għandhom mnejn jinnotaw li t-​tfal tagħhom ma jridux jippritkaw, imorru l-​laqgħat, jew saħansitra jaqdu fil-​qasam tal-​lingwa barranija. Għal dawn ir-​raġunijiet, il-​ġenituri forsi jiddeċiedu li jmorru lura f’kongregazzjoni li tuża l-​lingwa li t-​tfal tagħhom jifhmu l-​aħjar. Imbagħad, wara li t-​tfal jibnu relazzjoni soda maʼ Ġeħova, il-​ġenituri jkunu jistgħu jiddeċiedu li jerġgħu jmorru fil-​kongregazzjoni tal-​lingwa barranija.—Aqra Dewteronomju 6:5-​7.

16, 17. X’għen lil xi ġenituri jgħallmu lil uliedhom dwar Ġeħova?

16 Ġenituri oħra sabu modi kif jgħallmu lil uliedhom dwar Ġeħova bil-​lingwa tagħhom waqt li jattendu laqgħat f’kongregazzjoni jew grupp b’lingwa barranija. Charles hu l-​missier taʼ tlett itfal li għandhom bejn 9 u 13⁠-​⁠il sena. Huma jattendu grupp li jitkellem bil-​Lingala. Hu jgħid: “Aħna ħadna deċiżjoni biex nikkonduċu sessjonijiet taʼ studju u qima bħala familja bil-​lingwa tagħna maʼ wliedna. Imma ninkludu wkoll sessjonijiet taʼ prattika u logħob bil-​Lingala ħalli jkunu jistgħu jitgħallmu din il-​lingwa waqt li jieħdu pjaċir.”

Agħmel sforz biex titgħallem il-​lingwa tal-​lokal u biex tipparteċipa fil-​laqgħat (Ara paragrafi 16, 17)

17 Kevin hu l-​missier taʼ żewġt ibniet, waħda taʼ ħames snin u l-​oħra taʼ tmien snin. Hu jaħdem iebes biex jgħallimhom il-​verità, għax it-​tfal għadhom ma jifhmux għalkollox il-​laqgħat tal-​kongregazzjoni bil-​lingwa barranija li tattendi l-​familja. Hu jgħid: “Jien u marti nagħmlu studju personali mal-​bniet bil-​Franċiż, il-​lingwa tagħhom. Ukoll, għamilna mira li nattendu laqgħa bil-​Franċiż darba fix-​xahar, u nieħdu vantaġġ mill-​vaganzi tagħna biex immorru konvenzjonijiet li jsiru bil-​lingwa tagħna.”

18. (a) Rumani 15:​1, 2 kif jistaʼ jgħinek tieħu deċiżjoni għaqlija meta tiġi biex tgħin lil uliedek? (b) X’suġġerimenti taw ġenituri oħra? (Ara n-​nota fl-​aħħar.)

18 Kull familja trid tiddeċiedi x’inhu l-​aħjar għat-​tfal u għar-​relazzjoni tagħhom maʼ Ġeħova. [2] (Ara n-​nota fl-​aħħar.) (Galatin 6:5) Muriel tgħid li għalkemm hi u r-​raġel tagħha tassew xtaqu jkomplu jaqdu fil-​kongregazzjoni taʼ lingwa barranija, huma ddeċidew li jitilqu sabiex jgħinu lil binhom isaħħaħ imħabbtu għal Ġeħova. (Aqra Rumani 15:1, 2.) Illum, Serge jaf li ħadu d-​deċiżjoni t-​tajba. Hu jgħid: “Mindu rġajna lura f’kongregazzjoni tal-​lingwa Franċiża, it-​tifel mar ’il quddiem spiritwalment u tgħammed. Issa qed jaqdi bħala pijunier regulari. Hu saħansitra qed jikkunsidra li jerġaʼ lura fi grupp taʼ lingwa barranija!”

ĦALLI L-​KELMA T’ALLA TILĦAQLEK QALBEK

19, 20. Kif nistgħu nuru mħabbitna għall-​Kelma t’Alla?

19 Ġeħova jħobb lin-​nies kollha. Hu għamel il-​Bibbja disponibbli b’mijiet taʼ lingwi sabiex “bnedmin taʼ kull xorta” jistaʼ jkollhom għarfien eżatt tal-​verità. (1 Timotju 2:4) Hu jaf li r-​relazzjoni tagħna miegħu se tiġi msaħħa meta naqraw il-​Bibbja bil-​lingwa li nifhmu l-​aħjar.

20 Ilkoll irridu naħdmu iebes biex inżommu relazzjoni b’saħħitha maʼ Ġeħova. Nistgħu nagħmlu dan meta naqraw il-​Bibbja regolarment bil-​lingwa li nifhmu l-​aħjar. Se nkunu nistgħu wkoll ngħinu lill-​familja tagħna biex jibqgħu jżommu s-​saħħa spiritwali tagħhom, u se nuru li verament inħobbu l-​Kelma t’Alla.—Salm 119:11.

^ [1] (paragrafu 5) L-​ismijiet ġew mibdulin.

^ [2] (paragrafu 18) Biex issib prinċipji Bibliċi li jistgħu jgħinu l-​familja tiegħek, ara l-​artiklu “It-​Trobbija tat-​Tfal f’Art Barranija—L-​Isfidi u l-​Barkiet” fil-​ħarġa tat-​Torri tal-​Għassa tal-​15 t’Ottubru 2002.