Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Kont taf?

Kont taf?

Nistgħu nemmnu li fi żmien il-​qedem xi ħadd attwalment kien se jiżraʼ s-​sikrana f’għalqa taʼ ħaddieħor?

Din il-​kopja tad-Digest tal-1468 miktuba mill-Imperatur Ġustinjanu hija waħda minn ħafna dokumenti li jipprovdu dettalji dwar kwistjonijiet legali fiż-żminijiet tal-qedem

SKONT Mattew 13:24-​26, Ġesù qal: “Is-​saltna tas-​smewwiet tixbah lil raġel li żeraʼ żerriegħa tajba fl-​għalqa tiegħu. Waqt li n-​nies kienu reqdin, ġie l-​għadu tiegħu u żeraʼ s-​sikrana qalb il-​qamħ, u telaq. Meta l-​qamħ nibet u ħareġ is-​sbul, imbagħad tfaċċat ukoll is-​sikrana.” Xi kittieba jiddubitaw jekk din it-​tixbiha hijiex ibbażata fuq ġrajja vera, imma skont kitba legali Rumana tal-​qedem, xi ħaġa bħal din setgħet ġrat.

Dizzjunarju tal-​Bibbja jgħid li skont il-​liġi Rumana, li tiżraʼ s-​sikrana f’għalqa taʼ raġel ieħor biex tivvendika ruħek minnu kien kontra l-​liġi. Il-​fatt li kien hemm bżonn taʼ liġi jfisser li dan tassew ġara. L-​istudjuż tal-​liġi Alastair Kerr jispjega li fis-​sena 533 wara Kristu, l-​Imperatur Ruman Ġustinjanu ppubblika l-​ktieb tiegħu Digest. Dan kien ġabra fil-​qosor tal-​liġi Rumana u kien fih kwotazzjonijiet minn esperti tal-​liġi minn madwar is-​sena 100-​250 wara Kristu. Skont il-​ktieb Digest, wieħed minn dawn l-​esperti, Ulpian, irrefera għal każ mit-​tieni seklu. Is-​sikrana kienet inżergħet ġo għalqa taʼ persuna oħra, u minħabba f’hekk il-​prodott tar-​rabaʼ ġie rovinat. Il-​ktieb Digest jiddiskuti d-​drittijiet legali li bidwi kellu sabiex ikun jistaʼ jieħu kumpens mill-​kriminal, flus li jitħallsu għall-​prodott mitluf.

Affarijiet bħal dawn fil-​fatt ġraw fl-​Imperu Ruman tal-​qedem, u dan juri li s-​sitwazzjoni fit-​tixbiha taʼ Ġesù setgħet ġrat fil-​verità.