Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

BIJOGRAFIJA

Nistinka biex nimita eżempji mill-​aħjar

Nistinka biex nimita eżempji mill-​aħjar

“Taf kemm għandi żmien?” jien staqsejt. “Naf eżatt kemm għandek żmien,” wieġeb Izak Marais. Hu ċempilli f’Colorado minn Patterson, New York. Ħa nispjega x’wassal għal din il-​konversazzjoni.

TWELIDT f’Wichita, Kansas, l-​Istati Uniti tal-​Amerika, fl-​10 taʼ Diċembru 1936, u kont l-​ikbar minn erbat itfal. Il-​ġenituri tiegħi, William u Jean, kienu qaddejja leali taʼ Ġeħova. Missieri kien il-​qaddej tal-​kongregazzjoni, li llum jissejjaħ il-​koordinatur tal-​ġemgħa tal-​anzjani. Ommi tgħallmet il-​verità mingħand ommha, Emma Wagner. Emma għallmet il-​verità lil ħafna nies, inkluż lil Gertrude Steele, li qdiet bħala missjunarja fi Puerto Rico. * (Ara n-​nota taʼ taħt.) Allura kelli ħafna eżempji tajbin x’nimita.

NIFTAKAR F’EŻEMPJI TAJBIN

Missieri joffri r-rivisti f’kantuniera fit-triq

Darba minnhom is-​Sibt filgħaxija meta kelli ħames snin, jien u missieri konna qed noffru r-​rivisti tat-​Torri tal-​Għassa u Consolation (issa msejjaħ Stenbaħ!) lin-​nies li kienu għaddejjin fit-​triq. Dak iż-​żmien, il-​pajjiż kien involut ħafna fit-​Tieni Gwerra Dinjija. Madankollu, missieri baqaʼ newtrali. Tabib li kien fis-​sakra ġie u akkużah li hu beżżiegħ u li jġib l-​iskużi biex ma jmurx għall-​gwerra. It-​tabib għamel wiċċu viċin ħafna taʼ wiċċ missieri u qallu, “Għala ma tilgħabhilix, ja beżżiegħ bla ħila!” Jien bżajt, imma vera ammirajt lil missieri. Hu sempliċement kompla joffri r-​rivisti lin-​nies li kienu qed iħarsu. Imbagħad għadda suldat u t-​tabib għajjat, “Għidlu xi ħaġa lil dan il-​beżżiegħ bla ħila!” Is-​suldat setaʼ jinduna li r-​raġel kien fis-​sakra, u qallu, “Għax ma tmurx id-​dar ħa tiġi f’sensik!” It-​tnejn telqu. Jien verament grat għall-​kuraġġ li Ġeħova ta lil missieri. Hu kellu żewġt iħwienet tal-​barbier f’Wichita, u t-​tabib kien wieħed mill-​klijenti tiegħu!

Mal-ġenituri tiegħi, sejrin konvenzjoni f’Wichita fis-snin 40

Meta kelli tmien snin, il-​ġenituri tiegħi biegħu d-​dar u l-​ħwienet tagħhom u għamlu karavan żgħir biex jgħixu fih. Imbagħad morna noqogħdu Colorado, viċin Grand Junction biex naqdu fejn il-​bżonn taʼ pubblikaturi kien akbar. Il-​ġenituri kienu pijunieri u ħadmu part-​time fil-​biedja u rziezet kbar. Bil-​barka taʼ Ġeħova u x-​xogħol biż-​żelu tagħhom, ifformat kongregazzjoni. Fl-​20 taʼ Ġunju 1948, missieri għammidni fi xmara żgħira ħdejn il-​muntanji, flimkien maʼ oħrajn li kienu aċċettaw il-​verità, inkluż Billie Nichols u l-​mara tiegħu. Iktar tard huma marru fix-​xogħol tal-​ivvjaġġar, u hekk ukoll għamlu ibnu u martu.

Konna ħbieb sew maʼ ħafna li kienu medhijin fis-​servizz taʼ Ġeħova, speċjalment mal-​familja Steele—Don u Earlene, Dave u Julia, u Si u Martha. Aħna konna nieħdu pjaċir niddiskutu l-​Bibbja magħhom, u huma influwenzawli ħajti ħafna. Urewni li meta nġibu s-​Saltna l-​ewwel, il-​ħajja tagħna jkollha sinifikat u ferħ veru.

NERĠAʼ MMUR POST IEĦOR

Meta kelli 19-​il sena, Bud Hasty, li kien ħabib tal-​familja, talabni nakkumpanjah bħala pijunier fin-​Nofsinhar tal-​Istati Uniti. L-​indokratur li jżur il-​kongregazzjonijiet talabna mmorru Ruston, Louisiana, fejn xi ftit mill-​aħwa kienu saru inattivi. Hu qalilna nikkonduċu l-​laqgħat kollha kull ġimgħa anki jekk ma jiġi ħadd. Sibna post għal-​laqgħa u rranġajnieh. Konna nagħmlu kull laqgħa, imma għal xi żmien, aħna t-​tnejn biss konna nattendu. Konna nippreżentaw parti tal-​laqgħa kull wieħed, waqt li l-​ieħor kien iwieġeb il-​mistoqsijiet kollha. Jekk il-​parti kienet tinkludi turija, it-​tnejn li aħna konna nkunu fuq il-​platform mingħajr udjenza! Fl-​aħħar, oħt akbar fl-​età bdiet tattendi. Eventwalment, bdew jiġu xi studenti tal-​Bibbja u wħud inattivi, u malajr sirna kongregazzjoni.

Ġurnata minnhom, jien u Bud iltqajna maʼ qassis miċ-​Church of Christ, u tkellem dwar skritturi li ma kontx naf bihom. Dan inkwetani u ġegħelni naħseb iktar fil-​fond dwar dak li kont nemmen. Għamilt ġimgħa sħiħa nistudja sa tard billejl biex insib tweġibiet għall-​mistoqsijiet tiegħu. Dan vera għenni nsaħħaħ ir-​relazzjoni tiegħi stess maʼ Ġeħova, u kont ħerqan biex niltaqaʼ maʼ qassis ieħor.

Ftit wara dan, indokratur li jżur il-​kongregazzjonijiet talabni mmur El Dorado, Arkansas, biex ngħin lill-​kongregazzjoni. Waqt li kont hemm, kemm-​il darba kelli mmur lura Colorado biex nidher quddiem id-​draft board, kumitat li jiddeċiedi min għandu jidħol fil-​militar. Fi vjaġġ minnhom, jien u xi pijunieri oħra konna qed nivvjaġġaw flimkien. Kellna aċċident f’Texas u l-​karozza tiegħi tkissret kompletament. Ċempilna lil ħu. Dan ġie, ħadna d-​dar tiegħu, u mbagħad il-​laqgħa. Hemmhekk sar avviż dwar l-​aċċident tagħna, u l-​aħwa b’qalb tajba tawna xi flus. Ukoll, il-​ħu biegħli l-​karozza għal 25 dollaru.

Irnexxielna niddobbaw rikba għal Wichita. Hemmhekk ħabib kbir tal-​familja, E. F. McCartney, li aħna konna ngħidulu Doc, kien qed jagħmel ix-​xogħol taʼ pijunier. It-​tewmin subien tiegħu, Frank u Francis, għadhom tnejn mill-​aqwa ħbieb tiegħi. Huma kellhom karozza antika li bigħuli għal 25 dollaru, l-​ammont eżatt li daħħalt mill-​karozza mfarrka tiegħi. Din kienet l-​ewwel darba li rajt biċ-​ċar li minħabba li poġġejt is-​Saltna l-​ewwel f’ħajti, Ġeħova tani xi ħaġa li kelli bżonn. F’din iż-​żjara, l-​aħwa McCartney laqqgħuni maʼ oħt grazzjuża, Bethel Crane. Ommha, Ruth, Xhud żeluża f’Wellington, Kansas, kompliet bħala pijuniera sa meta kellha ’l fuq minn 90 sena. F’inqas minn sena wara, fl-​1958, jien u Bethel iżżewwiġna u bdejna naqdu bħala pijunieri f’El Dorado.

STEDINIET EĊĊITANTI

Aħna ridna nimitaw l-​eżempji tajbin li kellna aħna u nikbru, allura ddeċidejna li naċċettaw kwalunkwe stedina mill-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova. Aħna ġejna assenjati bħala pijunieri speċjali f’Walnut Ridge, Arkansas. Imbagħad fl-​1962, konna eċċitati meta ġejna mistidnin għas-​37 klassi tal-​Iskola taʼ Gilegħad. Konna ferħanin meta sirna nafu li Don Steele kien fl-​istess klassi. Wara li ggradwajna, jien u Bethel ġejna assenjati għal Najrobi, il-​Kenja. Sewwidna qalbna li kellna nitilqu minn New York, imma meta wasalna l-​ajruport taʼ Najrobi u rajna li ħutna kienu hemm biex jilqgħuna mtlejna bil-​ferħ.

Fil-ministeru f’Najrobi maʼ Mary u Chris Kanaiya

Ma damx ma beda jogħġobna li nkunu l-​Kenja u li nippritkaw hemmhekk. L-​ewwel studenti tal-​Bibbja tagħna li ġew fil-​verità kienu Chris u Mary Kanaiya. Huma għadhom fis-​servizz full-​time fil-​Kenja. Is-​sena taʼ wara ġejna mitlubin immorru Kampala, l-​Uganda. Konna l-​ewwel missjunarji f’dak il-​pajjiż. Dan kien żmien eċċitanti għax ħafna kienu ħerqanin biex jitgħallmu veritajiet tal-​Bibbja, u saru ħutna rġiel u nisa. Madankollu, wara tliet snin u nofs fl-​Afrika, erġajna morna l-​Istati Uniti biex inrabbu familja. Dakinhar li tlaqna mill-​Afrika konna mnikktin iżjed minn dakinhar li tlaqna minn New York. Ħabbejniehom lin-​nies tal-​Afrika u ttamajna li xi darba nerġgħu mmorru lura.

INKARIGU ĠDID

Morna noqogħdu fil-​Punent taʼ Colorado, fejn kienu joqogħdu l-​ġenituri tiegħi. Ftit wara twilditilna l-​ewwel tifla, Kimberly, u 17-​il xahar wara kellna lil Stephany. L-​inkarigu ġdid tagħna bħala ġenituri kien importanti ħafna għalina. Stinkajna biex ngħallmu l-​verità lill-​bniet sbieħ tagħna. Ridna nimitaw l-​eżempji tajbin li oħrajn kienu tawna. Konna nafu li eżempju tajjeb jistaʼ jinfluwenza ħafna lit-​tfal, imma mhuwiex garanzija li se jaqdu lil Ġeħova meta jikbru. B’dispjaċir, ħija u oħti iżgħar minni telqu mill-​verità. Nittama li jerġgħu jimitaw l-​eżempji tajbin li anki huma kellhom.

Vera ħadna pjaċir inrabbu l-​bniet tagħna u dejjem ipprovajna nagħmlu l-​affarijiet bħala familja. Ladarba konna noqogħdu ħdejn Aspen, Colorado, tgħallimna niskijjaw biex kultant stajna mmorru niskijjaw flimkien. Dan tana opportunità biex nitkellmu mat-​tfal fil-​liftijiet tal-​iskijjar. Ukoll, konna mmorru nikkampjaw magħhom u kien ikollna konversazzjonijiet pjaċevoli madwar ħuġġieġa żgħira. Avolja kienu għadhom żgħar, kienu jistaqsu mistoqsijiet bħal, “X’se nagħmel meta nikber?” u “X’tip taʼ persuna nixtieq niżżewweġ?” Għamilna dak kollu li stajna biex ngħallmu lit-​tfal iħobbu lil Ġeħova. Dejjem inkuraġġejniehom biex jagħmlu l-​ministeru full-​time bħala mira u biex jiżżewġu biss lil xi ħadd li kellu mira simili. Ukoll, ipprovajna ngħinuhom jifhmu li jkun aħjar jekk ma jiżżewġux żgħar ħafna. Spiss konna ngħidulhom, “Tiżżewġux qabel ikollkom minn tal-​inqas 23 sena.”

Imitajna l-​eżempju tal-​ġenituri tagħna u għamilna l-​almu tagħna biex nattendu l-​laqgħat u noħorġu regolarment fis-​servizz tal-​għalqa bħala familja. Konna nirranġaw biex inżommu lil xi wħud li kienu fis-​servizz full-​time fid-​dar tagħna. Ukoll, spiss konna nitkellmu dwar kemm konna nħobbu x-​xogħol missjunarju. Ittamajna li xi darba l-​erbgħa li aħna forsi mmorru l-​Afrika flimkien. Il-​bniet tagħna verament riedu jagħmlu dan.

Dejjem kellna studju tal-​familja regulari. Konna nirreċtaw sitwazzjonijiet li setgħu jiġru fl-​iskola, u t-​tfal kienu jagħmluha taʼ Xhud li jwieġeb il-​mistoqsijiet. Ħadu pjaċir jitgħallmu b’dan il-​mod, u b’hekk saru kunfidenti. Iżda, hekk kif kibru, ġieli gergru dwar li nagħmlu l-​istudju tal-​familja. Darba, tant kont skuraġġit li għedtilhom imorru f’kamrithom u li ma konniex se nagħmlu l-​istudju. Kienu xxokkjati u bdew jibku u qalu li riedu jagħmluh l-​istudju. Imbagħad bdejna nirrealizzaw li tassew konna qed ngħinuhom biex jieħdu pjaċir jitgħallmu dwar Ġeħova. Maż-​żmien, kienu jħobbu jistudjaw, u ħassewhom komdi jgħidulna l-​ħsibijiet u s-​sentimenti tagħhom. Kien taʼ wġigħ kultant li nisimgħuhom jgħidu li ma jaqblux maʼ xi tagħlim tal-​Bibbja. Imma sirna nafu kif ħassewhom verament. Wara li nirraġunaw magħhom, huma kienu jaqblu mal-​livelli taʼ Ġeħova.

NAĠĠUSTAW GĦAL IKTAR BIDLIET

Iż-​żmien li qattajna nrabbu lil uliedna għadda malajr ħafna. Bl-​għajnuna u d-​direzzjoni tal-​organizzazzjoni t’Alla, għamilna mill-​aħjar biex intellgħuhom iħobbu lil Ġeħova. Konna grati ferm meta ż-​żewġt ibniet tagħna bdew jaqdu bħala pijunieri wara li spiċċaw l-​iskola sekondarja, u tgħallmu snajjaʼ biex ikunu jistgħu jgħinu lilhom infushom finanzjarjament. Huma marru jgħixu Cleveland, Tennessee, maʼ żewġ aħwa nisa oħra biex jaqdu fejn il-​bżonn għall-​pubblikaturi kien akbar. Aħna mmissjajniehom ħafna, imma konna kuntenti li kienu qed jużaw ħajjithom fis-​servizz full-​time. Jien u Bethel imbagħad erġajna bdejna naqdu bħala pijunieri, u għalhekk iktar tard kellna l-​opportunità li nkunu sostituti għall-​indokratur li jżur il-​kongregazzjonijiet u nagħmlu xogħol tal-​konvenzjoni.

Qabel ma t-​tfal marru Tennessee, huma vvjaġġaw lejn Londra, l-​Ingilterra, u żaru l-​uffiċċju tal-​fergħa. Hemmhekk, Stephany, li dak iż-​żmien kellha 19-​il sena, iltaqgħet maʼ Betelit jismu Paul Norton. Fi żjara iktar tard, Kimberly ltaqgħet maʼ ħabib li kien jaħdem miegħu, Brian Llewellyn. Meta Stephany kellha 23 sena żżewġet lil Paul u s-​sena taʼ wara, meta Kimberly kellha 25 sena, iżżewġet lil Brian. Mela fil-​fatt baqgħu ma żżewġux sa ma kellhom għall-​inqas 23. Konna vera kuntenti bl-​irġiel li għażlu biex jiżżewġu.

Maʼ Paul, Stephany, Kimberly, u Brian fl-uffiċċju tal-fergħa tal-Malawi fis-sena 2002

Il-​bniet qalulna li l-​eżempji li aħna u n-​nanniet tajniehom għenuhom biex ‘jibqgħu jfittxu l-​ewwel is-​saltna t’Alla,’ anki meta kellhom problemi finanzjarji. (Mattew 6:33) F’April tal-​1998, Paul u Stephany ġew mistiedna għall-​105 klassi tal-​Iskola taʼ Gilegħad, u ġew assenjati jaqdu fil-​Malawi, l-​Afrika. Fl-​istess żmien, Brian u Kimberly ġew mistiedna jaħdmu fil-​Betel taʼ Londra u iktar tard ġew trasferiti għall-​Betel tal-​Malawi. Konna verament ferħanin għax uliedna kienu qed jużaw ħajjithom bl-​aħjar mod.

STEDINA EĊĊITANTI OĦRA

F’Jannar tal-​2001, irċivejt it-​telefonata li semmejt fil-​bidu. Ħuna Marais, l-​indokratur tad-​Dipartiment tas-​Servizzi tat-​Traduzzjoni, spjega li l-​aħwa rġiel kienu qed jippreparaw kors li kien se jgħin lit-​tradutturi madwar id-​dinja jifhmu aħjar it-​test bl-​Ingliż. Għalkemm kelli 64 sena, huma riedu jħarrġuni biex inkun wieħed mill-​għalliema. Jien u Bethel tlabna dwarha u tkellimna m’ommijietna biex nieħdu l-​parir tagħhom. Minkejja li kienu kbar fl-​età u kienu se jkunu mingħajr l-​għajnuna tagħna, it-​tnejn riduna mmorru. Ċempilt lura lil Ħuna Marais u għedtlu li konna ferħanin ħafna li naċċettaw dan l-​inkarigu meraviljuż.

Imbagħad ommi saret taf li kellha kanċer. Għedtilha li konna se nibqgħu hemm u ngħinu lil oħti Linda biex tieħu ħsiebha. Ommi rrifjutat u qalet, “Inħossni agħar kieku ma tmurx.” Linda ħassitha l-​istess. Aħna konna grati ferm li huma kienu lesti jagħmlu sagrifiċċju bħal dan, u konna grati wkoll għall-​għajnuna tal-​aħwa f’dawk l-​inħawi. L-​għada, meta tlaqna għall-​Watchtower Educational Center f’Patterson, Linda ċemplet biex tgħidilna li ommi kienet mietet. Bħalma kieku ommi kienet tinkuraġġina nagħmlu, aħna bqajna medhijin fix-​xogħol ġdid tagħna.

Konna eċċitati meta sirna nafu li l-​ewwel inkarigu kien fil-​fergħa tal-​Malawi, fejn uliedna u l-​irġiel tagħhom kienu qed jaqdu. Kien sabiħ li għal darb’oħra konna flimkien. Imbagħad, għallimna l-​kors fiż-​Żimbabwe u mbagħad fiz-​Zambja. Wara tliet snin u nofs ngħallem il-​kors, erġajna lura l-​Malawi biex niktbu l-​esperjenzi tax-​Xhieda li kienu ġew persegwitati hemmhekk minħabba n-​newtralità Kristjana tagħhom. *—Ara n-​nota taʼ taħt.

Fil-​ministeru tal-​għalqa man-​neputijiet

Fl-​2005, għal darb’oħra ddispjaċiena ħafna li kellna nitilqu mill-​Afrika. Erġajna lura d-​dar f’Basalt, Colorado, fejn jien u Bethel komplejna naqdu bħala pijunieri. Fl-​2006, Brian u Kimberly ġew joqogħdu ħdejna biex irabbu lil uliedhom bniet Mackenzie u Elizabeth. Paul u Stephany għadhom fil-​Malawi fejn Paul jaqdi fil-​Kumitat tal-​Fergħa. Issa jien dieħel fit-​80 sena, u nħossni verament kuntent li nara rġiel iżgħar li ħdimt magħhom jieħdu ħsieb responsabbiltajiet li kelli jien. Għall-​benefiċċju tat-​tfal u n-​neputijiet tagħna, ipprovajna nimitaw l-​eżempji tajbin li tawna oħrajn. Dan verament ġabilna ferħ kbir u kuntentizza.

^ par. 5 Ara r-​rivisti bl-​Ingliż tat-​Torri tal-​Għassa tal-​1 taʼ Mejju 1956, paġni 269-​272, u tal-​15 taʼ Marzu 1971, paġni 186-​190, biex titgħallem iktar dwar ix-​xogħol missjunarju taʼ membri tal-​familja Steele.

^ par. 30 Pereżempju, ara l-​bijografija taʼ Trophim Nsomba fil-​ħarġa tat-​Torri tal-​Għassa tal-​15 t’April 2015, paġni 27-​31.