Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Saħħaħ il-​fidi f’dak li tittama għalih

Saħħaħ il-​fidi f’dak li tittama għalih

“Il-​fidi hi l-​istennija garantita t’affarijiet li nittamaw għalihom.”EBREJ 11:1.

GĦANJIET: 81, 134

1, 2. (a) L-​affarijiet li aħna nittamaw għalihom kif inhuma differenti minn dawk taʼ nies oħrajn? (b) X’se nikkunsidraw f’dan l-​artiklu?

ĠEĦOVA tana affarijiet meraviljużi biex nittamaw għalihom. Hu wiegħed li jqaddes lil ismu u li jġiegħel biex issir ir-​rieda tiegħu fis-​sema u fuq l-​art. (Mattew 6:9, 10) Dawn huma l-​iktar affarijiet importanti li nħarsu ’l quddiem għalihom. Ġeħova wegħedna wkoll li se jippremjana b’ħajja taʼ dejjem, kemm jekk fis-​sema u kemm jekk fuq l-​art. Kemm se tkun xi ħaġa meraviljuża! (Ġwanni 10:16; 2 Pietru 3:13) U nħarsu ’l quddiem biex naraw kif Ġeħova se jkompli jiggwida u jappoġġja lin-​nies tiegħu f’dawn l-​aħħar jiem.

2 Il-​Bibbja tgħid li l-​fidi hi “l-​istennija garantita” taʼ dak li nittamaw għalih. Dan ifisser li dawk li għandhom il-​fidi huma assolutament ċerti li l-​affarijiet li wiegħed Ġeħova se jseħħu żgur. (Ebrej 11:1) Mill-​banda l-​oħra, ħafna nies illum jittamaw u jixxennqu għal diversi affarijiet, imma ma jistgħux ikunu ċerti li dawn l-​affarijiet xi darba se jseħħu. Pereżempju, persuna abbli tittama li tirbaħ il-​lotterija, imma ma tistax tkun ċerta li se tirbaħha. F’dan l-​artiklu se naraw x’nistgħu nagħmlu biex insaħħu l-​fidi tagħna fil-​wegħdi t’Alla. Se nikkunsidraw ukoll kif fidi b’saħħitha tistaʼ tgħinna minn issa.

3. Għala aħna fiduċjużi li l-​wegħdi t’Alla se jseħħu żgur?

3 Ħadd minna ma twieled bil-​fidi. Biex ikollna l-​fidi, irridu nħallu l-​ispirtu qaddis t’Alla jiggwida ’l qalbna. (Galatin 5:22) L-​ispirtu qaddis jistaʼ jgħinna nsiru nafu ’l Ġeħova. Meta nifhmu li hu jistaʼ kollox u li hu għaref, inkunu fiduċjużi li hu għandu l-​abbiltà li jwettaq dak kollu li jwiegħed. Ġeħova nnifsu jirreferi għall-​wegħdi tiegħu bħallikieku diġà seħħew u jgħid: “Dan seħħ!” (Aqra Rivelazzjoni 21:3-​6.) Aħna nafu li Ġeħova dejjem jagħmel dak li jwiegħed. Hu “l-​Alla l-​leali.” Huwa għalhekk li aħna nemmnu kull ħaġa li jgħidilna dwar il-​futur.—Dewteronomju 7:9.

IL-​QADDEJJA T’ALLA TAL-​PASSAT LI KELLHOM FIDI SODA

4. Il-​qaddejja t’Alla tal-​passat fiex kienu jittamaw?

4 Ebrej kapitlu 11 isemmi l-​ismijiet taʼ 16-​il raġel u mara li kellhom fidi soda fil-​wegħdi taʼ Ġeħova. Isemmi wkoll ħafna oħrajn li għoġbu lil Ġeħova “permezz tal-​fidi tagħhom.” (Ebrej 11:39) Kollha kienu qed jistennew in-​‘nisel,’ jew l-​Iben, li Ġeħova kien wiegħed. Huma kienu jafu li dan in-​‘nisel’ se jeqred l-​għedewwa kollha t’Alla u jerġaʼ jagħmel l-​art ġenna. (Ġenesi 3:15) U dawn il-​qaddejja t’Alla kellhom fidi soda li Ġeħova se jerġaʼ jġibhom lura għall-​ħajja. Naturalment, huma ma ħarsux ’il quddiem għal li jkunu rxoxtati għall-​ħajja fis-​sema, ladarba Ġesù kien għadu m’għamilx dan possibbli. (Galatin 3:16) Minflok, huma ħarsu ’l quddiem għal li jgħixu għal dejjem f’ġenna tal-​art mill-​isbaħ.—Salm 37:11; Isaija 26:19; Ħosea 13:14.

5, 6. (a) Abraham u l-​familja tiegħu, ħarsu ’l quddiem għal liema ħaġa? (b) Kif żammew il-​fidi tagħhom b’saħħitha? (Ara l-​ewwel stampa.)

5 Ebrej 11:13 jgħid hekk dwar dawn il-​qaddejja leali taʼ Ġeħova: “Dawn kollha mietu waqt li żammew il-​fidi, għalkemm ma qalgħux it-​twettiq tal-​wegħdi, imma rawhom mill-​bogħod u laqgħuhom.” Huma ħarsu ’l quddiem għad-​dinja l-​ġdida u immaġinaw lilhom infushom jgħixu hemmhekk. Abraham kien wieħed minnhom. Ġesù qal li Abraham “feraħ ħafna bil-​prospett li jara” dak iż-​żmien. (Ġwanni 8:56) Sara, Iżakk, Ġakobb, u ħafna oħrajn ukoll ħarsu ’l quddiem għaż-​żmien meta s-​Saltna, “li l-​bennej tagħha u dak li għamilha hu Alla,” se tmexxi lid-​dinja kollha.—Ebrej 11:8-​11.

6 Abraham u l-​familja tiegħu kif żammew il-​fidi tagħhom b’saħħitha? Għamlu dan billi baqgħu jitgħallmu dwar Ġeħova. Xi drabi, Alla kellimhom permezz taʼ anġli, viżjonijiet, jew ħolm. Probabbilment, huma tgħallmu wkoll minn uħud akbar li kienu leali jew minn kitbiet iktar antiki. Abraham u l-​familja tiegħu qatt ma nsew il-​wegħdi t’Alla, u kienu jħobbu jimmeditaw fuqhom. B’hekk, ma kellhomx dubju li Ġeħova se jwettaq dak li jwiegħed. Għalhekk, huma baqgħu leali lejh saħansitra meta għaddew minn diffikultajiet jew persekuzzjoni.

7. Ġeħova x’tana biex insaħħu l-​fidi tagħna, u x’għandna bżonn nagħmlu?

7 X’se jgħinna nżommu l-​fidi tagħna b’saħħitha? Ġeħova tana l-​Bibbja biex jgħallimna dwar il-​wegħdi li se jseħħu fil-​futur. Permezz tagħha, hu jurina x’għandna bżonn nagħmlu biex inkunu ferħanin. Għalhekk, ikun tajjeb li naqraw il-​Bibbja kuljum u nsegwu l-​gwida tagħha. (Salm 1:1-​3; aqra Atti 17:11.) Ġeħova jagħtina wkoll “l-​ikel fiż-​żmien xieraq” permezz tal-​“ilsir leali u għaqli.” (Mattew 24:45) Bħan-​nies t’Alla tal-​passat, għandna bżonn naqraw b’mod regulari dwar il-​wegħdi t’Alla u nimmeditaw fil-​fond fuqhom. Dan se jgħinna nibqgħu leali lejn Alla u nibqgħu nħarsu ’l quddiem għaż-​żmien meta s-​Saltna tiegħu tkun qed tmexxi d-​dinja kollha.

Meta naraw kif Ġeħova jwieġeb it-​talb tagħna, il-​fidi tagħna fih tissaħħaħ

8. It-​talb kif jistaʼ jsaħħaħ il-​fidi tagħna?

8 X’kien hemm iktar li għen lin-​nies taʼ Ġeħova tal-​passat biex iżommu l-​fidi tagħhom b’saħħitha? Huma talbu lil Ġeħova għall-​għajnuna, u meta raw li wieġeb it-​talb tagħhom, il-​fidi tagħhom issaħħet iktar. (Neħemija 1:4, 11; Salm 34:4, 15, 17; Danjel 9:19-​21) Bl-​istess mod, meta naraw li Ġeħova jkun semaʼ t-​talb tagħna u li jkun tana eżatt dak li għandna bżonn fil-​ħin xieraq, il-​fidi tagħna fih tissaħħaħ iktar. (Aqra l-​1 Ġwanni 5:14, 15.) Għandna bżonn ukoll ‘nibqgħu nitolbu’ lil Ġeħova għall-​ispirtu qaddis tiegħu biex b’hekk ikollna iktar fidi.—Luqa 11:9, 13.

9. X’inhuma xi affarijiet li għandna nitolbu dwarhom?

9 Meta nitolbu lil Ġeħova, m’għandniex biss nitolbuh għal dak li għandna bżonn. Għandna wkoll nirringrazzjawh u nfaħħruh kuljum. Wara kollox, hu għamel ħafna affarijiet meraviljużi! (Salm 40:5) In-​nies taʼ Ġeħova jitolbu wkoll għal ħuthom madwar id-​dinja. Pereżempju, aħna ‘nżommu f’moħħna lil dawk li qegħdin marbutin fil-​ħabs.’ Nitolbu wkoll għal “dawk li qed imexxu.” Meta naraw kif Ġeħova jwieġeb it-​talb tagħna, il-​fidi tagħna fih tissaħħaħ u nersqu eqreb lejh.—Ebrej 13:3, 7.

BAQGĦU LEALI

10. X’għen lil ħafna biex ikunu kuraġġużi u jibqgħu leali lejn Alla?

10 F’​Ebrej kapitlu 11, l-​appostlu Pawlu qal: “Xi nisa rċivew il-​mejtin tagħhom bl-​irxoxt; imma nies oħrajn ġew torturati għax ma ridux jaċċettaw il-​ħelsien b’xi fidwa, sabiex jiksbu rxoxt aħjar.” (Ebrej 11:35) Ħafna ssaportew il-​provi u baqgħu leali lejn Alla għax kellhom fidi soda fl-​irxoxt li Alla kien wiegħed. Huma kienu jafu li fil-​futur qarib, Ġeħova kien se jġibhom lura għall-​ħajja u se jgħixu għal dejjem fuq l-​art. Aħseb f’Nabot u Żakkarija. Huma ġew imħaġġrin għall-​mewt għax obdew lil Alla. (1 Slaten 21:3, 15; 2 Kronaki 24:20, 21) Danjel kien ġie mitfugħ ġo ħofra taʼ ljuni mġewħin, u sħabu kienu mitfugħin ġo nar iħeġġeġ. Huma kienu lesti li jmutu minflok ma jkunu żleali lejn Ġeħova. Dawn l-​irġiel kellhom fidi soda li Ġeħova kien se jtihom l-​ispirtu qaddis tiegħu u jgħinhom jissaportu.—Danjel 3:16-​18, 20, 28; 6:13, 16, 21-​23; Ebrej 11:33, 34.

Il-​qaddejja t’Alla jibqgħu leali lejh għax għandhom fidi soda fl-​irxoxt li Alla wiegħed

11. Xi wħud mill-​profeti liema provi ssaportew minħabba l-​fidi tagħhom?

11 Ħafna profeti, bħal Mikaja u Ġeremija, ġew imwaqqgħin għaċ-​ċajt jew mitfugħin il-​ħabs. Oħrajn, bħal Elija, “iġġerrew fid-​deżerti u l-​muntanji u l-​għerien u l-​grotti taʼ l-​art.” Dawn kollha ssaportew provi u baqgħu leali lejn Alla għax kellhom ‘l-​istennija garantita t’affarijiet li ttamaw għalihom.’—Ebrej 11:1, 36-​38; 1 Slaten 18:13; 22:24-​27; Ġeremija 20:1, 2; 28:10, 11; 32:2.

12. Min hu l-​aħjar eżempju li nistgħu nimitaw, u x’kien li għenu jissaporti l-​provi?

12 Ġesù Kristu ssaporta l-​iktar prova diffiċli u baqaʼ leali lejn Ġeħova. X’għenu jissaporti? Pawlu qal: “Għall-​ferħ li tqiegħed quddiemu ssaporta z-​zokk tat-​tortura, u ma qiesx l-​għajb, u qagħad bil-​qiegħda fuq il-​lemin tat-​tron t’Alla.” (Ebrej 12:2) Pawlu mbagħad inkuraġġixxa lill-​Kristjani biex ‘jirriflettu sew’ fuq l-​eżempju taʼ Ġesù. (Aqra Ebrej 12:3.) Bħal Ġesù, ħafna Kristjani fl-​ewwel seklu ġew maqtulin għax kienu leali lejn Ġeħova. Antipa kien wieħed minnhom. (Rivelazzjoni 2:13) Kristjani bħal dawn diġà rċivew ir-​rigal, kuntrarju għall-​qaddejja t’Alla taʼ qabilhom li ħarsu ’l quddiem għall-​ħajja fuq l-​art. (Ebrej 11:35) Xi żmien wara li Ġesù sar Sultan fl-​1914, il-​Kristjani midlukin li mietu ġew irxoxtati għall-​ħajja immortali fis-​sema, u huma se jmexxu lill-​umanità miegħu.—Rivelazzjoni 20:4.

IL-​QADDEJJA T’ALLA LLUM LI GĦANDHOM FIDI SODA

13, 14. Rudolf Graichen xi provi ssaporta, u x’għenu jibqaʼ leali lejn Alla?

13 Miljuni li jaqdu lil Alla qed isegwu l-​eżempju taʼ Ġesù. Huma jimmeditaw fuq il-​wegħdi t’Alla u jibqgħu leali lejh waqt il-​provi. Ikkunsidra lil Rudolf Graichen, li twieled il-​Ġermanja fl-​1925. Meta kien żgħir, il-​ġenituri tiegħu kellhom stampi minn xeni tal-​Bibbja mdendlin mal-​ħajt fid-​dar tagħhom. Hu qal: “Stampa minnhom kienet turi l-​lupu u l-​ħaruf, il-​gidi u l-​leopard, l-​għoġol u l-​iljun—kollha fil-​paċi, immexxijin minn tifel ċkejken.” (Isaija 11:6-​9) Dan għen lil Rudolf biex jaħseb ħafna dwar il-​ġenna tal-​art u saħħaħ il-​fidi tiegħu fiha. Minħabba f’hekk, hu baqaʼ leali lejn Ġeħova avolja għal ħafna snin kien għadda minn persekuzzjoni ħarxa mill-​Gestapo tan-​Nazi u mbagħad mill-​Istasi Komunist tal-​Ġermanja tal-​Lvant.

14 Rudolf issaporta ħafna provi oħrajn. Ommu mietet fil-​kamp tal-​konċentrament Ravensbrück minħabba li kienet mardet bit-​tifu. Missieru ffirma dokument li qal li hu m’għadux iktar wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova. Imma Rudolf żamm il-​fidi tiegħu b’saħħitha. Wara li ġie meħlus mill-​ħabs, hu qeda bħala indokratur li jżur il-​kongregazzjonijiet. Imbagħad, hu kien mistieden imur l-​Iskola taʼ Gilegħad u ġie inkarigat jaqdi fiċ-​Ċilì, fejn reġaʼ beda jaqdi bħala indokratur li jżur il-​kongregazzjonijiet. Hemmhekk, hu żżewweġ lil Patsy, oħt missjunarja. Imma b’dispjaċir, sena wara, binthom li kienet għadha tarbija mietet. Xi żmien wara, martu mietet ukoll. Kien għad għandha biss 43 sena. Minkejja dawn il-​provi, Rudolf baqaʼ jaqdi ’l Ġeħova. Anki meta kiber iktar fl-​età u saħħtu battiet, hu qeda bħala pijunier regulari u anzjan. Nistgħu naqraw il-​bijografija tiegħu fil-​ħarġa tat-​Torri tal-​Għassa bl-​Ingliż tal-​1 t’Awwissu 1997, paġni 20-​25. [1] (Ara n-​nota fl-​aħħar.)

15. Agħti xi eżempji t’aħwa rġiel u nisa fi żmienna li qed jaqdu ’l Ġeħova bil-​ferħ minkejja li qed jiġu ppersegwitati.

15 Illum, ħafna minn ħutna rġiel u nisa jaqdu lil Ġeħova bil-​ferħ avolja huma ppersegwitati bl-​aħrax. Mijiet minn dawn qegħdin il-​ħabs fl-​Eritrea, Singapore, u l-​Korea t’Isfel għax jirrifjutaw li ‘jaqbdu s-​sejf.’ (Mattew 26:52) Pereżempju, Isaac, Negede, u Paulos ilhom fil-​ħabs fl-​Eritrea għal iktar minn 20 sena! Hemmhekk ġew trattati bi krudeltà. U matul dawn is-​snin kollha ma setgħux jiżżewġu jew jieħdu ħsieb il-​ġenituri tagħhom. Madankollu, huma leali lejn Ġeħova, u l-​fidi tagħhom hi b’saħħitha. Anki l-​għassiesa tal-​ħabs jirrispettawhom issa. Hemm ritratt taʼ dawn l-​aħwa fil-​Websajt jw.org. Dawn qed jitbissmu, avolja qegħdin ibatu.

L-aħwa fil-kongregazzjoni kif żammew il-fidi tagħhom b’saħħitha? (Ara paragrafi 15, 16)

16. Fidi b’saħħitha x’tistaʼ tgħinek tagħmel?

16 Ħafna min-​nies taʼ Ġeħova ma ġewx mitfugħin il-​ħabs jew trattati b’mod aħrax bħal ħutna li ssemmew qabel. Imma ħafna sofrew minħabba faqar, diżastri naturali, jew gwerer ċivili. Oħrajn segwew l-​eżempju t’Abraham, Iżakk, Ġakobb, u Mosè u rrifjutaw li jsiru famużi jew sinjuri biex jiffokaw fuq li jaqdu lil Ġeħova. X’għen lil ħutna biex jibqgħu jaqdu lil Ġeħova bil-​ferħ? L-​imħabba tagħhom lejh u l-​fidi soda fil-​wegħdi tiegħu. Huma jafu li hu se jippremja lill-​qaddejja leali tiegħu b’ħajja taʼ dejjem fid-​dinja l-​ġdida, fejn mhu se jkun hemm l-​ebda inġustizzja.—Aqra Salm 37:5, 7, 9, 29.

17. Kif se żżomm il-​fidi tiegħek b’saħħitha, u x’se niddiskutu fl-​artiklu li jmiss?

17 F’dan l-​artiklu, rajna kif “il-​fidi hi l-​istennija garantita t’affarijiet li nittamaw għalihom.” Biex ikollna din it-​tip taʼ fidi, għandna bżonn nitolbu lil Ġeħova u nibqgħu nimmeditaw fuq il-​wegħdi tiegħu. Imbagħad, inkunu nistgħu nissaportu kwalunkwe prova. L-​artiklu li jmiss se jiddiskuti iktar dwar xi jfisser li jkollok il-​fidi.

^ [1] (paragrafu 14) Ara wkoll il-​bijografija taʼ Andrej Hanák mis-​Slovakkja fl-​artiklu “Minkejja l-​Provi, it-​Tama Tiegħi Baqgħet Qawwija” fil-​ħarġa taʼ Stenbaħ! tat-​22 t’April 2002.