Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Tinsiex turi qalb tajba mal-​istranġieri

Tinsiex turi qalb tajba mal-​istranġieri

“Tinsewx l-​ospitalità.”—EBREJ 13:2.

GĦANJIET: 124,  79

1, 2. (a) Xi sfidi għandhom ħafna barranin illum? (Ara l-​ewwel stampa.) (b) Liema tfakkira ta l-​appostlu Pawlu, u x’mistoqsijiet se nikkunsidraw?

IKTAR minn 30 sena ilu, Osei, li kien għadu mhux wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova, ħalla d-​dar tiegħu fil-​Gana biex jgħix fl-​Ewropa. [1] (Ara n-​nota fl-​aħħar.) Hu jgħid: “Ma domtx ma rrealizzajt li ħafna nies ma kienx jinteressahom minni. Il-​klima wkoll kienet taʼ xokk għalija. Meta tlaqt mill-​ajruport u ħassejt il-​kesħa għall-​ewwel darba f’ħajti, bdejt nibki.” Peress li kien diffiċli għal Osei biex jitgħallem il-​lingwa, ħadlu iktar minn sena biex isib xogħol tajjeb. U minħabba li kien ’il bogħod mid-​dar, hu kien jimmissja l-​familja tiegħu u kien iħossu waħdu.

2 Aħseb dwar kif int tkun tixtieq li tiġi ttrattat kieku kont f’sitwazzjoni simili. Bla dubju tkun grat li tiġi milqugħ mill-​qalb fis-​Sala tas-​Saltna minn nies li jħobbuk minkejja n-​nazzjonalità jew il-​kulur tal-​ġilda tiegħek. Fil-​fatt, il-​Bibbja tgħid lill-​Kristjani veri biex ma ‘jinsewx l-​ospitalità,’ jiġifieri juru qalb tajba mal-​istranġieri. (Ebrej 13:2) Mela ejja nikkunsidraw il-​mistoqsijiet li ġejjin: Kif iħossu Ġeħova dwar l-​istranġieri? Għandna bżonn nirranġaw il-​mod taʼ kif inħossuna lejn l-​istranġieri? U kif nistgħu ngħinu lil xi ħadd minn pajjiż ieħor iħossu milqugħ fil-​kongregazzjoni tagħna?

ĠEĦOVA KIF IĦARES LEJN L-​ISTRANĠIERI?

3, 4. Skont Eżodu 23:9, Alla kif ried li l-​Iżraelin jittrattaw lill-​barranin, u għala?

3 Wara li Ġeħova ħeles lill-​poplu tiegħu mill-​jasar fl-​Eġittu, hu tahom liġijiet li għallmuhom juru qalb tajba lejn il-​barranin li telqu magħhom. (Eżodu 12:38, 49; 22:21) Ladarba l-​ħajja mhix dejjem faċli għall-​barranin, Ġeħova ħa ħsiebhom bi mħabba. Pereżempju, huma setgħu jlaqqtu l-​ikel li ħallew warajhom il-​ħassada.—Levitiku 19:9, 10.

4 Iktar milli sempliċement jikkmanda lill-​Iżraelin biex jirrispettaw lill-​barranin, Ġeħova riedhom jiftakru x’jiġifieri li jkunu barranin. (Aqra Eżodu 23:9.) Anki qabel ma l-​Iżraelin saru lsiera fl-​Eġittu, l-​Eġizzjani ma kellhomx pjaċir bihom għax kienu differenti. (Ġenesi 43:32; 46:34; Eżodu 1:11-​14) Bħala barranin, l-​Iżraelin kellhom ħajja diffiċli. Ġeħova riedhom jiftakruh dan u juru qalb tajba mal-​barranin li kienu qed jgħixu fosthom.—Levitiku 19:33, 34.

Ġeħova juri qalb tajba mal-​barranin

5. X’se jgħinna nuru qalb tajba mal-​barranin bħalma juri Ġeħova?

5 Ġeħova ma nbidilx. Allura meta jiġu l-​barranin fil-​kongregazzjoni tagħna, m’għandniex ninsew li Ġeħova għadu juri qalb tajba maʼ nies bħal dawn. (Dewteronomju 10:17-​19; Malakija 3:5, 6) Ieqaf u aħseb dwar l-​isfidi li għandu mnejn iħabbtu wiċċhom magħhom il-​barranin. Pereżempju, jistaʼ jkun li ma jifhmux il-​lingwa l-​ġdida u jiġu ttrattati b’mod inġust. Ejja nagħmlu sforz biex ngħinuhom u nkunu qalbna tajba magħhom.—1 Pietru 3:8.

GĦANDNA BŻONN NAĠĠUSTAW IL-​ĦARSA TAGĦNA LEJN L-​ISTRANĠIERI?

6, 7. X’wera li l-​Kristjani Lhud tal-​bidu tgħallmu jegħlbu preġudizzji qawwijin?

6 Il-​Kristjani tal-​bidu tgħallmu jegħlbu preġudizzji qawwijin li kienu komuni fost il-​Lhud. F’Pentekoste tas-​sena 33, Lhud Kristjani li kienu jgħixu Ġerusalemm urew ospitalità u interess kollu mħabba lejn uħud ġodda minn pajjiżi differenti. (Atti 2:5, 44-​47) Dan wera li l-​Kristjani Lhud fehmu xi tfisser “ospitalità.”

7 Madankollu, matul dak iż-​żmien, ġara xi ħaġa. Lhud li jitkellmu bil-​Grieg gergru li r-​romol tagħhom kienu qed jiġu ttrattati b’mod inġust. (Atti 6:1) Biex isolvu l-​problema, l-​appostli għażlu sebaʼ rġiel biex imorru u jagħmlu ċert li kulħadd kien se jiġi ttrattat b’mod ġust. L-​appostli għażlu rġiel b’ismijiet Griegi, forsi biex jgħinu lir-​romol iħossuhom iżjed komdi.—Atti 6:2-​6.

8, 9. (a) Liema mistoqsijiet jgħinuna nsiru nafu jekk aħniex preġudikati? (b) Minn xiex għandna neħilsu? (1 Pietru 1:22)

8 Nirrealizzawx jew le, aħna lkoll influwenzati sew mill-​kultura tagħna. (Rumani 12:2) Ukoll, għandu mnejn nisimgħu lill-​ġirien tagħna, sħabna tax-​xogħol, jew tal-​iskola jgħidu affarijiet ħżiena dwar nies taʼ kultura, tribù, jew kulur tal-​ġilda differenti. Kemm tassew aħna influwenzati minn ideat negattivi bħal dawn? Jew kif nirreaġixxu meta xi ħadd iwaqqaʼ għaċ-​ċajt in-​nazzjonalità jew xi parti mill-​kultura tagħna?

9 Kien hemm żmien meta l-​appostlu Pietru kien preġudikat kontra nies li ma kinux Lhud. Imma bil-​mod il-​mod hu tgħallem jeħles minn sentimenti negattivi bħal dawn. (Atti 10:28, 34, 35; Galatin 2:11-​14) Bl-​istess mod, jekk ninnotaw anki traċċa taʼ preġudizzju jew kburija razzjali fina, għandna nagħmlu l-​almu tagħna biex inqaċċtuha minna kompletament. (Aqra l-​1 Pietru 1:22.) X’jistaʼ jgħinna nagħmlu dan? Ftakar li aħna minn fejn aħna, ilkoll imperfetti, u ħadd minna ma jistħoqqlu s-​salvazzjoni. (Rumani 3:9, 10, 21-​24) Mela m’għandna l-​ebda raġuni għaliex inħossuna aħjar minn ħaddieħor! (1 Korintin 4:7) Għandna nħossuna bħall-​appostlu Pawlu. Hu qal lill-​Kristjani sħabu: “M’intomx iktar stranġieri u residenti barranin” imma “membri tad-​dar t’Alla.” (Efesin 2:19) Ilkoll għandna bżonn naħdmu iebes biex neħilsu minn kull preġudizzju biex b’hekk inkunu nistgħu nilbsu l-​personalità l-​ġdida.—Kolossin 3:10, 11.

KIF NURU QALB TAJBA MAL-​ISTRANĠIERI

10, 11. Bogħaż kif imita l-​ħarsa taʼ Ġeħova lejn l-​istranġieri?

10 Ir-​raġel leali Bogħaż imita l-​ħarsa taʼ Ġeħova lejn l-​istranġieri. Kif? Meta Bogħaż mar jiċċekkja l-​għelieqi tiegħu matul il-​ħsad, hu nnota lil Rut, mara barranija mill-​art taʼ Mowab. Hi kienet qed taħdem iebes biex tiġbor il-​qamħ mill-​art. Taħt il-​Liġi Mosajka, Rut kellha d-​dritt li tlaqqat. Imma meta Bogħaż semaʼ li kienet talbet permess biex tlaqqat fl-​għalqa tiegħu, hu kien impressjonat bil-​kbir u ħallieha tlaqqat anki qalb il-​qatet tal-​qamħ.—Aqra Rut 2:5-​7, 15, 16.

11 Dak li ġara wara juri biċ-​ċar li Bogħaż kien ikkonċernat dwar Rut u s-​sitwazzjoni diffiċli tagħha bħala barranija. Hu stidinha toqgħod mal-​grupp taʼ nisa żgħażagħ biex ma tiġix ittrattata ħażin mill-​irġiel li kienu qed jaħdmu fl-​għalqa. Hu saħansitra għamel ċert li jkollha biżżejjed ikel u ilma, bħall-​ħaddiema tiegħu stess. Bogħaż wera rispett lejn din il-​mara barranija fil-​bżonn u inkuraġġieha.—Rut 2:8-​10, 13, 14.

12. L-​istranġieri kif jistgħu jiġu effettwati mill-​qalb tajba?

12 Bogħaż ma weriex qalb tajba maʼ Rut biss minħabba l-​imħabba leali lejn il-​kunjata tagħha, Nagħomi, imma wkoll minħabba li Rut kienet bdiet taqdi ’l Ġeħova u fittxet il-​protezzjoni Tiegħu. Meta Bogħaż wera qalb tajba magħha, hu fil-​fatt kien qed jimita l-​imħabba leali taʼ Ġeħova. (Rut 2:12, 20; Proverbji 19:17) B’mod simili llum, meta nkunu qalbna tajba, inkunu nistgħu ngħinu lil “bnedmin taʼ kull xorta” jitgħallmu l-​verità u jaraw li Ġeħova jħobbhom ħafna.—1 Timotju 2:3, 4.

Nilqgħu bi mħabba lill-istranġieri meta jiġu fis-Sala tas-Saltna? (Ara paragrafi 13, 14)

13, 14. (a) Għala għandna nilqgħu l-​istranġieri fis-​Sala tas-​Saltna? (b) X’jistaʼ jgħinek tħossok komdu titkellem maʼ xi ħadd minn kultura differenti?

13 Nistgħu nuru qalb tajba mal-​istranġieri billi bi mħabba nilqgħuhom fis-​Sala tas-​Saltna. Immigranti li ma jkunux ilhom li waslu f’pajjiż jistgħu jħossuhom mistħijin kultant u jinqatgħu għalihom. Minħabba l-​kultura jew l-​istat soċjali tagħhom, huma għandhom mnejn iħossuhom inferjuri għal nies taʼ nazzjonalità jew razza oħra. Allura għandna nilqgħuhom aħna l-​ewwel u bi mħabba nuru interess ġenwin fihom. Jekk hija disponibbli bil-​lingwa tiegħek, l-​app tal-​JW Language tistaʼ tgħinek titgħallem kif tgħid tislima bil-​lingwa tagħhom.—Aqra Filippin 2:3, 4.

14 Għandek mnejn tħossok skomdu titkellem maʼ xi ħadd minn kultura oħra. Biex tegħleb dawn is-​sentimenti, tistaʼ tgħidlu xi ħaġa dwarek. Imbagħad forsi tinduna li hemm iktar affarijiet komuni bejnietkom milli ħsibt. Ftakar li kull kultura għandha l-​affarijiet tajbin u d-​dgħufijiet tagħha.

GĦIN LIL KULĦADD IĦOSSU MILQUGĦ

15. X’se jgħinna nifhmu ’l dawk li qed jidraw f’pajjiż differenti?

15 Biex tgħin lil oħrajn iħossuhom milqugħin fil-​kongregazzjoni, kun onest miegħek innifsek u staqsi, ‘Kieku jien kont f’pajjiż barrani, kif inkun irrid li niġi ttrattat?’ (Mattew 7:12) Kun paċenzjuż maʼ dawk li qed jidraw f’pajjiż differenti. Għall-​ewwel, nistgħu ma nifhmux eżatt il-​mod taʼ kif jaħsbu jew jirreaġixxu. Imma iktar milli nistennewhom jaħsbu u jaġixxu bħan-​nies tal-​kultura tagħna, għala ma nilqgħuhomx, jew naċċettawhom kif inhuma?—Aqra Rumani 15:7.

Kun paċenzjuż maʼ dawk li qed jaġġustaw f’pajjiż differenti

16, 17. (a) X’nistgħu nagħmlu biex insiru nafu aħjar lil dawk taʼ kultura differenti? (b) X’għajnuna prattika nistgħu nagħtu lill-​immigranti fil-​kongregazzjoni tagħna?

16 Jekk nieħdu l-​ħin biex nitgħallmu dwar il-​pajjiż u l-​kultura tal-​barranin, jistaʼ jagħmilha iżjed faċli għalina biex insiru nafuhom. Matul il-​qima bħala familja, nistgħu nagħmlu ftit riċerka dwar il-​kultura tal-​immigranti fil-​kongregazzjoni jew territorju tagħna. Mod ieħor kif insiru nafu lill-​immigranti aħjar hu billi nistidnuhom għall-​ikel f’darna. Ġeħova “fetaħ il-​bieb tal-​fidi lill-​ġnus,” allura għandna nimitawh u niftħu darna għall-​istranġieri li ‘jiġu minna fil-​fidi.’—Atti 14:27; Galatin 6:10; Ġob 31:32.

Qegħdin nuru ospitalità mill-​qalb lil uħud ġodda minn pajjiżi oħra? (Ara paragrafi 16, 17)

17 Meta nqattgħu l-​ħin maʼ familja li tkun ġiet f’pajjiżna, dan se jgħinna nifhmu u napprezzaw l-​isforzi tagħhom biex jadattaw għall-​kultura tagħna. Għandu mnejn naraw li għandhom bżonn l-​għajnuna biex jitgħallmu l-​lingwa. Nistgħu wkoll nidderiġuhom lejn organizzazzjonijiet li jistgħu jgħinuhom isibu dar xierqa jew xogħol tajjeb. Għajnuna prattika bħal din tistaʼ tagħmel differenza kbira għal ħutna.—Proverbji 3:27.

18. X’eżempju taʼ rispett u gratitudni jistgħu jimitaw l-​immigranti llum?

18 M’għandniex xi ngħidu, l-​immigranti se jkunu jridu jagħmlu l-​almu tagħhom biex jadattaw għall-​kultura tal-​pajjiż il-​ġdid. Rut ħalliet eżempju tajjeb f’dan ir-​rigward. L-​ewwel, hi wriet rispett għad-​drawwiet tal-​pajjiż fejn marret billi talbet permess biex tlaqqat. (Rut 2:7) Hi wriet apprezzament lejn id-​dritt tagħha u ma ħassitx li oħrajn kellhom jagħtuha xi ħaġa. It-​tieni, hi kienet ħafifa biex tirringrazzja lil oħrajn tal-​qalb tajba li wrew magħha. (Rut 2:13) Meta l-​immigranti juru attitudni tajba simili, iktar ikun hemm ċans li ħuthom u nies lokali oħra juruhom rispett.

19. X’raġunijiet għandna biex ngħinu lill-​istranġieri jħossuhom milqugħin?

19 Aħna ferħanin ferm li Ġeħova wera qalb tajba mhix mistħoqqa u ppermetta lil kull xorta taʼ nies jisimgħu l-​aħbar tajba. Għal xi wħud setgħet ma kinitx possibbli li jistudjaw il-​Bibbja jew imorru l-​laqgħat man-​nies taʼ Ġeħova fil-​pajjiż tagħhom. Imma issa li għandhom l-​opportunità li jiltaqgħu magħna, għandna ngħinuhom biex ma jħossuhomx bħal stranġieri. Għandu mnejn m’għandniex ħafna flus jew ma nistgħux nipprovdu ħafna għajnuna prattika, imma meta nuru qalb tajba mal-​barranin, se nimitaw l-​imħabba taʼ Ġeħova lejhom. Bħala nies li ‘jimitaw lil Alla,’ ejja mela nagħmlu kulma nistgħu biex nilqgħu lill-​istranġieri fostna!—Efesin 5:1, 2.

^ [1] (paragrafu 1) L-​isem ġie mibdul.