Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Aqdi lil Ġeħova, l-Alla tal-libertà

Aqdi lil Ġeħova, l-Alla tal-libertà

“Fejn hemm l-​ispirtu taʼ Ġeħova, hemm il-​libertà.”—2 KORINTIN 3:17.

GĦANJIET: 11, 137

1, 2. (a) Il-​jasar u l-​libertà għala kienu suġġetti importanti fi żmien l-​appostlu Pawlu? (b) Pawlu min qal li hu s-​Sors tal-​libertà vera?

L-​EWWEL Kristjani għexu fl-​Imperu Ruman, fejn in-​nies kienu kburin ħafna bil-​liġijiet, bis-​sistema taʼ ġustizzja, u bil-​libertà li kellhom. Madankollu, dak l-​imperu b’saħħtu kien jiddependi mill-​ilsiera li kienu jagħmlu l-​biċċa l-​kbira tax-​xogħol iebes. Kien hemm żmien meta madwar 1 minn kull 3 persuni fl-​Imperu Ruman kien ilsir. Ċertament, il-​jasar u l-​libertà kienu suġġetti importanti għan-​nies komuni, inkluż il-​Kristjani.

2 L-​appostlu Pawlu spiss kiteb dwar il-​libertà. Iżda hu ma kienx qed jipprova jirranġa l-​problemi taʼ din id-​dinja, xi ħaġa li ħafna nies f’dak iż-​żmien riedu jagħmlu. Minflok, Pawlu u l-​Kristjani sħabu ħadmu iebes biex jgħallmu lin-​nies l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla u biex jgħinuhom jifhmu kemm kien prezzjuż is-​sagrifiċċju bħala fidwa taʼ Kristu Ġesù. Pawlu qal lill-​Kristjani sħabu fejn setgħu jsibu s-​Sors tal-​libertà vera. Hu kiteb: “Ġeħova hu l-​Ispirtu; u fejn hemm l-​ispirtu taʼ Ġeħova, hemm il-​libertà.”—2 Korintin 3:17.

3, 4. (a) Pawlu xi ddiskuta fil-​versi taʼ qabel it-​2 Korintin 3:17? (b) X’għandna nagħmlu biex ikollna l-​libertà li tiġi mingħand Ġeħova?

3 Fit-​tieni ittra tiegħu lill-​Korintin, Pawlu semma xi ġralu Mosè meta niżel minn fuq il-​Muntanja Sinaj wara li kien fil-​preżenza t’anġlu taʼ Ġeħova. Minn wiċċu kienu ħerġin raġġi tad-​dawl! Meta l-​Iżraelin raw lil Mosè, bdew jibżgħu, allura għatta wiċċu b’velu. (Eżodu 34:29, 30, 33; 2 Korintin 3:7, 13) Pawlu spjega: “Imma meta jduru lejn Ġeħova, il-​velu jitneħħa.” (2 Korintin 3:16) X’ried ifisser Pawlu?

4 Fl-​artiklu taʼ qabel dan tgħallimna li Ġeħova, il-​Ħallieq tal-​affarijiet kollha, hu l-​unika Persuna li għandu libertà assoluta u bla limiti. Allura jagħmel sens li hemm il-​libertà fil-​preżenza taʼ Ġeħova u “fejn hemm l-​ispirtu taʼ Ġeħova.” Imma Pawlu qal li jekk irridu li jkollna din il-​libertà, aħna għandna nduru lejn Ġeħova. Dan ifisser li għandu jkollna relazzjoni personali miegħu. L-​Iżraelin fix-​xagħri raw l-​affarijiet mill-​ħarsa tal-​bniedem biss, mhux mill-​ħarsa taʼ Ġeħova. Kien bħallikieku kellhom velu fuq moħħhom u qlubhom. Huma riedu jużaw il-​libertà ġdida tagħhom biex jissodisfaw ix-​xewqat li kellhom.—Ebrej 3:8-10.

Anke xi ħadd li jkun il-​ħabs jistaʼ jkollu l-​libertà

5. (a) L-​ispirtu taʼ Ġeħova x’tip taʼ libertà jagħti? (b) Kif nafu li xi ħadd li jkun ilsir jew fil-​ħabs xorta jistaʼ jkollu l-​libertà li Ġeħova jagħti? (ċ) X’mistoqsijiet hemm bżonn li nwieġbu?

5 Il-​libertà li jagħti l-​ispirtu taʼ Ġeħova tfisser iktar mil-​libertà mill-​jasar. Dan l-​ispirtu jġib libertà bil-​wisq ikbar mil-​libertà li qatt jistgħu jġibu l-​bnedmin. Dan jistaʼ jeħlisna mill-​jasar għad-​dnub u l-​mewt u mill-​jasar għall-​qima falza u d-​drawwiet tagħha. (Rumani 6:23; 8:2) X’libertà meraviljuża hi din! Anke xi ħadd li jkun ilsir jew fil-​ħabs jistaʼ jkollu din il-​libertà. (Ġenesi 39:20-23) Kemm Oħtna Nancy Yuen kif ukoll Ħuna Harold King kienu l-​ħabs għal ħafna snin minħabba l-​fidi tagħhom, madankollu huma xorta kellhom din it-​tip taʼ libertà. Int tistaʼ tarahom jitkellmu dwar l-​esperjenzi tagħhom fuq JW Broadcasting. (Ikklikkja fuq INTERVISTI U ESPERJENZI > NISSAPORTU L-​PROVI.) Issa ejja nwieġbu żewġ mistoqsijiet. Kif nistgħu nuru li l-​libertà tagħna hi prezzjuża ferm għalina? U kif nistgħu nużaw il-​libertà tagħna bil-​għaqal?

IL-​LIBERTÀ LI JAGĦTINA ALLA HI PREZZJUŻA ĦAFNA

6. L-​Iżraelin kif urew li ma kinux grati għall-​ħelsien li Ġeħova kien tahom?

6 Meta ningħataw rigal prezzjuż inkunu grati lejn il-​persuna li tathulna. Imma l-​Iżraelin ma kinux grati għall-​ħelsien li Ġeħova tahom. Wara ftit xhur biss li Ġeħova ħelishom mill-​Eġittu, huma bdew jixxennqu għall-​ikel u x-​xorb li kien ikollhom hemm. Huma gergru dwar il-​manna, l-​ikel li Ġeħova kien qed jipprovdilhom. Saħansitra riedu jmorru lura l-​Eġittu! Għalihom, ‘il-​ħut, il-​ħjar, id-​dulliegħ, il-​kurrat, il-​basal, u t-​tewm’ kienu iżjed importanti mill-​ħelsien li Ġeħova kien tahom biex iqimuh. Mhux taʼ b’xejn li r-​rabja taʼ Ġeħova bdiet tixgħel iktar u iktar għalihom. (Numri 11:5, 6, 10; 14:3, 4) Dan jgħallimna lezzjoni importanti.

7. Pawlu kif applika l-​parir tiegħu stess li nsibu fit-​2 Korintin 6:1, u aħna kif nistgħu nagħmlu l-​istess?

7 Pawlu wissa lill-​Kristjani kollha biex ma jsirux ingrati għall-​ħelsien li Ġeħova tahom permezz taʼ Ibnu, Ġesù Kristu. (Aqra t-​2 Korintin 6:1.) Pawlu kien imperfett, ilsir għad-​dnub u l-​mewt, u dan ġiegħlu jħossu miżerabbli. Xorta waħda, hu qal: “Ħajr lil Alla permezz taʼ Ġesù Kristu, il-​Mulej tagħna!” Għala qal dan? Pawlu spjega lill-​Kristjani sħabu: “Għax il-​liġi taʼ dak l-​ispirtu li jagħti l-​ħajja f’unjoni maʼ Kristu Ġesù ħelsitkom mil-​liġi tad-​dnub u l-​mewt.” (Rumani 7:24, 25; 8:2) Bħal Pawlu, m’għandna qatt ninsew li Ġeħova ħelisna mill-​jasar għad-​dnub u l-​mewt. Il-​fidwa tagħmilhielna possibbli li naqdu lil Alla b’kuxjenza nadifa, u dan jagħtina ferħ veru.—Salm 40:8.

Qiegħed tuża l-libertà tal-għażla tiegħek biex tagħmel dak li jrid Ġeħova jew biex tagħmel dak li trid int? (Ara paragrafi 8-10)

8, 9. (a) Liema twissija ta l-​appostlu Pietru dwar kif għandna nużaw il-​libertà tagħna? (b) Kif jistaʼ xi ħadd juża l-​libertà tiegħu ħażin?

8 Aħna m’għandniex biss ngħidu li aħna grati lejn Ġeħova, imma għandna wkoll noqogħdu attenti li ma nużawx il-​libertà tagħna ħażin. Pereżempju, l-​appostlu Pietru wissa li m’għandniex nużaw il-​libertà tagħna bħala skuża biex nagħmlu l-​ħażen. (Aqra l-​1 Pietru 2:16.) Din it-​twissija tfakkarna f’dak li ġara lill-​Iżraelin fix-​xagħri. Illum anke aħna għandna bżonn din it-​twissija, u forsi għandna bżonnha saħansitra iktar. Satana u d-​dinja tiegħu joffru ħafna għażliet taʼ lbies, ikel, xorb, u divertiment taʼ min jixtieqhom. Uħud li jilħqilhom jużaw nies attraenti fir-​riklami tagħhom biex iġegħluna naħsbu li għandna nixtru affarijiet li ma jkollniex bżonnhom tassew. Jistaʼ jkun verament faċli biex niġu ingannati mid-​dinja f’li nużaw il-​libertà tagħna ħażin.

9 It-​twissija taʼ Pietru tgħodd ukoll għal kwistjonijiet iżjed serji fil-​ħajja, bħal liema edukazzjoni, xogħol, jew karriera se nagħżlu. Pereżempju, iż-​żgħażagħ illum ikollhom pressjoni biex jistinkaw ħalli jkunu jistgħu jiġu aċċettati fl-​aħjar universitajiet. Ħafna nies jgħidulhom li jekk ikollhom iktar edukazzjoni se jkollhom xogħol aħjar, jaqilgħu iktar flus, u jkunu rispettati. Dawn in-​nies iġegħluhom jaħsbu li dawk li jiggradwaw minn università jaqilgħu iktar flus minn dawk li jispiċċaw mill-​iskola sekondarja. Edukazzjoni għolja tistaʼ tidher bħala idea tajba ħafna għaż-​żgħażagħ meta jkollhom jagħmlu għażliet li jistgħu jaffettwawlhom il-​bqija taʼ ħajjithom. Imma x’għandhom jiftakru huma u l-​ġenituri tagħhom?

10. X’għandna niftakru meta nagħmlu għażliet fi kwistjonijiet personali?

10 Xi wħud għandhom mnejn iħossu li peress li dawn il-​kwistjonijiet huma personali, huma għandu jkollhom il-​libertà li jagħżlu li jridu sakemm ma tniggiżhomx il-​kuxjenza. Huma forsi jaħsbu fi kliem Pawlu: “Il-​libertà tiegħi għala għandha tiġi ġudikata mill-​kuxjenza taʼ ħaddieħor?” (1 Korintin 10:29) Għalkemm għandna l-​libertà li nagħmlu l-​għażliet tagħna dwar l-​edukazzjoni u l-​karriera tagħna, aħna għandna niftakru li l-​libertà tagħna għandha l-​limiti u li d-​deċiżjonijiet kollha tagħna għandhom il-​konsegwenzi. Hu għalhekk li Pawlu qal: “Kollox hu permess; iżda mhux kollox hu vantaġġuż. Kollox hu permess; imma mhux kollox jibni.” (1 Korintin 10:23) Allura avolja għandna l-​libertà li nagħmlu għażliet fi kwistjonijiet personali, dak li rridu mhuwiex l-​iktar ħaġa importanti.

AĦNA NUŻAW IL-​LIBERTÀ TAGĦNA BIL-​GĦAQAL META NAQDU LIL ĠEĦOVA

11. X’inhi r-​raġuni għala Ġeħova ħelisna?

11 Meta Pietru wissiena biex ma nużawx il-​libertà tagħna ħażin, hu qal li l-​mod kif nużawha tajjeb hu “bħala lsiera t’Alla.” Ir-​raġuni għala Ġeħova uża lil Ġesù biex jeħlisna mill-​jasar għad-​dnub u l-​mewt hi sabiex aħna nużaw ħajjitna kollha biex naqdu Lilu.

L-​aħjar mod kif nużaw il-​libertà tagħna hu billi nużaw il-​ħin u l-​enerġija tagħna biex naqdu lil Ġeħova bis-​sħiħ

12. X’eżempju ħallewlna Noè u l-​familja tiegħu?

12 L-​aħjar mod kif nużaw il-​libertà tagħna hu billi nużaw il-​ħin u l-​enerġija tagħna biex naqdu lil Ġeħova bis-​sħiħ. Li nagħmlu dan se jipproteġina milli nħallu l-​miri li hemm fid-​dinja u x-​xewqat personali jsiru l-​iktar affarijiet importanti fil-​ħajja tagħna. (Galatin 5:16) Aħseb x’għamlu Noè u l-​familja tiegħu. Huma għexu f’dinja vjolenti u immorali. Imma ma involvewx ruħhom fil-​miri u fl-​attivitajiet tan-​nies taʼ madwarhom. Huma għażlu li jibqgħu medhijin fix-​xogħol li Ġeħova kien tahom jagħmlu. Huma bnew l-​arka, ġabru l-​ikel għalihom u għall-​annimali, u wissew lil oħrajn dwar id-​Dulluvju. “Noè għamel skond kulma kien ordnalu Alla. Għamel preċiż hekk.” (Ġenesi 6:22) B’hekk, Noè u l-​familja tiegħu salvaw mit-​tmiem taʼ dik id-​dinja.—Ebrej 11:7.

13. Ġeħova xi kkmandana nagħmlu?

13 Ġeħova xi kkmandana nagħmlu llum? Bħala dixxipli taʼ Ġesù nafu li Alla kkmandana biex nippritkaw. (Aqra Luqa 4:18, 19.) Illum, Satana għema l-​biċċa l-​kbira min-​nies u dawn ma jirrealizzawx li huma lsiera tar-​reliġjon falza, tal-​affarijiet materjali, u tas-​sistema politika. (2 Korintin 4:4) Bħal Ġesù, aħna għandna l-​privileġġ li ngħinu lil oħrajn isiru jafu u jqimu lil Ġeħova, l-​Alla tal-​libertà. (Mattew 28:19, 20) Mhuwiex faċli li naqsmu l-​messaġġ tal-​Bibbja m’oħrajn. F’xi pajjiżi, in-​nies mhumiex interessati f’li jsiru jafu lil Alla, u xi wħud saħansitra jirrabjaw meta nitkellmu dwar il-​Bibbja magħhom. Imma ladarba Ġeħova kkmandana biex nippritkaw, għandna nistaqsu lilna nfusna, ‘Nistaʼ nuża l-​libertà li għandi biex naħdem iktar fix-​xogħol taʼ Ġeħova?’

14, 15. Ħafna min-​nies taʼ Ġeħova xi ddeċidew li jagħmlu? (Ara l-​ewwel stampa.)

14 Huwa inkuraġġanti li ħafna min-​nies taʼ Ġeħova rrealizzaw li t-​tmiem taʼ din is-​sistema hu fil-​qrib ħafna u ddeċidew li jissimplifikaw ħajjithom biex jagħmlu x-​xogħol taʼ pijunier. (1 Korintin 9:19, 23) Xi wħud jagħmlu dan ix-​xogħol fl-​akkwati fejn joqogħdu, filwaqt li oħrajn imorru f’kongregazzjonijiet li jkollhom bżonn l-​għajnuna. Fl-​aħħar ħames snin, iktar minn 250,000 persuna bdew ix-​xogħol taʼ pijunier, u issa hemm ’il fuq minn 1,100,000 pijunier regolari. Kemm hu sabiħ li ħafna qed jużaw il-​libertà tagħhom biex jaqdu lil Ġeħova b’dan il-​mod!—Salm 110:3.

15 X’għenhom jużaw il-​libertà tagħhom bil-​għaqal? Ikkunsidra lil John u Judith, li qdew f’diversi pajjiżi għal dawn l-​aħħar 30 sena. Huma jispjegaw li meta bdiet l-​Iskola tas-​Servizz taʼ Pijunier fl-​1977, l-​istudenti kienu inkuraġġiti jmorru u jaqdu fejn il-​bżonn kien akbar. Sabiex jilħqu din il-​mira, John u Judith kellhom bżonn ikomplu jgħixu ħajja sempliċi. Allura John spiss bidel l-​impjieg tiegħu. Fl-​aħħar marru jippritkaw f’pajjiż barrani. X’għenhom jegħlbu d-​diffikultajiet, bħal li jitgħallmu lingwa ġdida u li jaġġustaw għal kultura u klima ġdida? Huma talbu lil Ġeħova u straħu fuqu biex jgħinhom. Kif iħossuhom dwar li jaqdu lil Ġeħova b’dan il-​mod għal dawn is-​snin kollha? John jgħid: “Ħassejtni li kont involut b’ruħi u ġismi fl-​aħjar attività li qatt kont naf jew esperjenzajt. Ġeħova sar iktar reali għalija, bħalma jkun missier li jħobb. Issa fhimt aħjar xi jfisser Ġakbu 4:8: ‘Ersqu qrib lejn Alla, u hu jersaq qrib lejkom.’ Kont naf li sibt dak li kont qed infittex, skop sodisfaċenti fil-​ħajja.”

16. Eluf t’aħwa kif użaw il-​libertà tagħhom bil-​għaqal?

16 Xi wħud, bħal John u Judith, jistgħu jagħmlu x-​xogħol taʼ pijunier għal ħafna żmien. Minħabba ċ-​ċirkustanzi, oħrajn jistgħu jagħmluh għal ftit żmien biss. Minkejja dan, ħafna joffru ruħhom bħala volontieri biex jaħdmu fuq proġetti taʼ bini madwar id-​dinja. Pereżempju, madwar 27,000 ħu u oħt marru jgħinu fil-​bini tal-​kwartieri ġenerali f’Warwick, New York. Xi wħud marru għal ġimagħtejn, uħud għal ftit xhur, u oħrajn għal sena jew iktar. Ħafna minn dawn l-​aħwa għamlu sagrifiċċji biex jaqdu f’Warwick. Huma eżempji taʼ min jammirahom taʼ nies li użaw il-​libertà tagħhom biex ifaħħru u jonoraw lil Ġeħova, l-​Alla tal-​libertà!

17. Għal xiex nistgħu nħarsu ’l quddiem jekk nużaw il-​libertà tagħna bil-​għaqal issa?

17 Aħna grati li sirna nafu lil Ġeħova u li għandna l-​libertà li tiġi milli nqimuh. Ejja nuru permezz tal-​għażliet li nagħmlu li din il-​libertà hi prezzjuża ħafna għalina. Minflok ma nużawha ħażin, ejja nużawha biex naqdu lil Ġeħova bis-​sħiħ kemm jistaʼ jkun. Imbagħad se nkunu nistgħu ngawdu l-​barkiet li wiegħed Ġeħova għaż-​żmien meta din il-​profezija ssir realtà: “L-​istess ħolqien ukoll jinħeles mill-​jasar tat-​taħsir u jkollu l-​libertà glorjuża taʼ wlied Alla.”—Rumani 8:21.