Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

It-triq għal-libertà vera

It-triq għal-libertà vera

“Jekk l-​Iben jeħliskom, tkunu ħielsa tassew.”—ĠWANNI 8:36.

GĦANJIET: 65, 52

1, 2. (a) X’qed jagħmlu n-​nies biex jiksbu l-​libertà? (b) X’inhu r-​riżultat?

ILLUM, nies f’ħafna partijiet tad-​dinja jitkellmu dwar drittijiet ugwali u libertà, jew ħelsien. Xi wħud iridu jkunu liberi minn trattament inġust, preġudizzju, u faqar. Oħrajn iridu jkunu liberi li jgħidu li jridu, jagħżlu li jridu, u jgħixu kif iridu. Kull fejn iddawwar wiċċek, in-​nies iridu jkunu liberi.

2 Sabiex jiksbu l-​libertà, in-​nies jorganizzaw protesti u saħansitra rivoluzzjonijiet. Imma jiksbu tassew dak li jridu? Le. Ġeneralment, ir-​riżultat ikun iżjed tbatija u anke mewt. Il-​kliem tas-​Sultan Salamun li nsibu f’​Ekkleżjasti 8:9 hu verament minnu: “Il-​bniedem iddomina lill-​bniedem bi ħsara għalih.”

3. X’nistgħu nagħmlu biex inkunu verament ferħanin u sodisfatti?

3 Il-​Bibbja tgħidilna x’għandna bżonn nagħmlu biex inkunu verament ferħanin u sodisfatti. Id-​dixxiplu Ġakbu qal: “Min iħares fiss lejn il-​liġi perfetta tal-​libertà u jibqaʼ jagħmel hekk . . . ikun hieni li qed jagħmilha.” (Ġakbu 1:25) Il-​liġi perfetta tiġi mingħand Ġeħova, u hu jaf l-​aħjar x’għandna bżonn biex inkunu ferħanin u sodisfatti għalkollox. Ġeħova ta lil Adam u Eva libertà vera u kull ħaġa oħra li kellhom bżonn biex ikunu ferħanin.

META L-​BNEDMIN KIENU ĦIELSA TASSEW

4. X’libertà kellhom Adam u Eva? (Ara l-​ewwel stampa.)

4 Meta naqraw l-​ewwel żewġ kapitli tal-​ktieb tal-​Ġenesi nitgħallmu li Adam u Eva kellhom it-​tip taʼ libertà li n-​nies illum jistgħu biss jixxennqu għaliha. Huma kellhom kulma kienu jeħtieġu, ma kellhom biżaʼ taʼ xejn, u ħadd ma ttrattahom inġustament. Ma kinux jinkwetaw dwar ikel, xogħol, mard, jew mewt. (Ġenesi 1:27-29; 2:8, 9, 15) Imma kienet il-​libertà tagħhom mingħajr limiti? Ejja naraw.

5. Minkejja dak li ħafna jaħsbu, in-​nies x’għandhom bżonn biex ikollhom il-​libertà?

5 Ħafna nies jaħsbu illi li jkollhom libertà vera jfisser li jistgħu jagħmlu kulma jridu mingħajr ma jinkwetaw dwar il-​konsegwenzi. The World Book Encyclopedia tgħid li l-​libertà hi “l-​abbiltà li tagħmel għażliet u twettaqhom.” Madankollu, tgħid ukoll li n-​nies ikunu liberi jekk gvern jagħmlilhom limiti li jkunu ġusti, neċessarji, jew raġunevoli. Dan ifisser li xi limiti huma neċessarji biex kulħadd ikun jistaʼ jkollu l-​libertà. Imma min għandu d-​dritt li jiddeċiedi jekk ċertu limitu hux ġust, neċessarju, u raġunevoli?

6. (a) Ġeħova għala hu l-​uniku wieħed li għandu libertà assoluta? (b) Liema tip taʼ libertà jistaʼ jkollhom il-​bnedmin, u għala?

6 Hu importanti li niftakru li Alla Ġeħova biss għandu libertà assoluta u bla limitu. Għala? Għaliex hu ħalaq l-​affarijiet kollha u hu l-​Mexxej li jistaʼ kollox tal-​univers. (1 Timotju 1:17; Rivelazzjoni 4:11) Is-​Sultan David uża kliem sabiħ biex jiddeskrivi l-​pożizzjoni unika u għolja li Ġeħova biss għandu. (Aqra l-​1 Kronaki 29:11, 12.) B’kuntrast għal dan, il-​libertà tal-​ħlejjaq kollha fis-​sema u fuq l-​art għandha l-​limiti. Din hi libertà relattiva. Alla Ġeħova jridna nifhmu li hu biss għandu d-​dritt li jiddeċiedi liema limiti huma ġusti, neċessarji, u raġunevoli. Sa mill-​bidu, Ġeħova għamel limiti għall-​ħolqien tiegħu.

7. X’inhuma xi ftit mill-​affarijiet li rridu nagħmlu u li jagħmluna ferħanin?

7 Għalkemm Adam u Eva kellhom ħafna libertà, il-​libertà tagħhom kellha l-​limiti. Uħud minn dawn il-​limiti kienu naturali għalihom. Pereżempju, biex jibqgħu jgħixu kellhom jieħdu n-​nifs, jieklu, u jorqdu. Kien dan ifisser li ma kinux liberi? Le. Fil-​fatt, Ġeħova għamel ċert illi li jagħmlu dawn l-​affarijiet kien se jagħmilhom ferħanin u kuntenti. (Salm 104:14, 15; Ekkleżjasti 3:12, 13) Ilkoll kemm aħna nieħdu pjaċir b’arja nadifa, nieklu l-​ikel favorit tagħna, u jkollna lejl tajjeb taʼ mistrieħ. Ma nħossuniex limitati meta nagħmlu dawn l-​affarijiet. Żgur li Adam u Eva ħassewhom bl-​istess mod.

8. Liema kmand speċifiku ta Alla lil Adam u Eva, u għaliex?

8 Ġeħova ta kmand speċifiku lil Adam u Eva. Qalilhom biex ikollhom it-​tfal, jimlew l-​art, u jieħdu ħsiebha. (Ġenesi 1:28) Neħħa dan il-​kmand il-​libertà tagħhom? Lanqas xejn, anzi tahom l-​opportunità li jibdlu l-​art kollha f’ġenna, u b’hekk jagħmluha dar fejn setgħu jgħixu għal dejjem mat-​tfal perfetti tagħhom. Dan kien l-​iskop t’Alla. (Isaija 45:18) Illum, in-​nies ma jkunux qed jiksru l-​kmand t’Alla jekk jagħżlu li ma jiżżewġux jew li ma jkollhomx tfal. Minkejja dan, in-​nies xorta jiżżewġu u jkollhom it-​tfal avolja dan iġib miegħu xi diffikultajiet. (1 Korintin 7:36-​38) Għaliex? Għax jistennew li jsibu l-​ferħ u s-​sodisfazzjon. (Salm 127:3) Kieku Adam u Eva obdew lil Ġeħova, huma setgħu jgawdu ż-​żwieġ u l-​familja tagħhom għal dejjem.

KIF INTILFET IL-​LIBERTÀ VERA?

9. Il-​kmand t’Alla li nsibu f’​Ġenesi 2:17 għala kien ġust, neċessarju, jew raġunevoli?

9 Ġeħova ta kmand ieħor lil Adam u Eva u qalilhom biċ-​ċar x’kien se jiġri jekk ma jobduhx. Hu qal: “Mis-​siġra taʼ l-​għarfien tat-​tajjeb u l-​ħażin ma tistax tiekol, għax fil-​jum li tiekol minnha int żgur li tmut.” (Ġenesi 2:17) Kien dak il-​kmand inġust, mhux neċessarju, jew mhux raġunevoli? Lil Adam u Eva ħadilhom il-​libertà? Bl-​ebda mod! Fil-​fatt, ħafna studjużi tal-​Bibbja jaħsbu li l-​kmand t’Alla kien veru għaqli u jagħmel sens. Studjuż minnhom jgħid li l-​kmand jgħallimna “li huwa Alla biss li jaf x’inhu tajjeb . . . għall-​bnedmin u Alla biss jaf x’inhu ħażin . . . għalihom. Sabiex igawdu t-​‘tajjeb,’ il-​bnedmin għandhom jafdaw lil Alla u jobduh. Jekk ma jobdux, huma se jitħallew jiddeċiedu għalihom infushom x’inhu tajjeb . . . u x’inhu ħażin.” Din hi xi ħaġa diffiċli wisq biex il-​bnedmin jagħmluha waħedhom.

L-għażla taʼ Adam u Eva wasslet għal diżastru! (Ara paragrafi 9-12)

10. Il-​libertà tal-​għażla għala mhix l-​istess ħaġa bħad-​dritt li wieħed jiddeċiedi x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin?

Ġeħova biss għandu d-​dritt li jiddeċiedi x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin

10 Xi nies għandhom mnejn jaħsbu li Ġeħova ma tax il-​libertà lil Adam biex jagħmel li jrid. Madankollu, huma ma jirrealizzawx li l-​libertà tal-​għażla, jew id-​dritt li tagħżel x’tagħmel, mhuwiex l-​istess bħad-​dritt li tiddeċiedi x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin. Adam u Eva kellhom il-​libertà li jagħżlu jekk jobdux lil Alla. Iżda Ġeħova biss għandu d-​dritt li jiddeċiedi x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin. “Is-​siġra taʼ l-​għarfien tat-​tajjeb u l-​ħażin” kienet evidenza għal Adam u Eva taʼ dan il-​fatt. (Ġenesi 2:9) Aħna mhux dejjem inkunu nafu x’se jkun ir-​riżultat tal-​għażliet tagħna, u żgur li ma nistgħux inkunu nafu jekk ir-​riżultati jkunux dejjem tajbin. Hu għalhekk li spiss naraw nies jagħmlu għażliet jew jieħdu deċiżjonijiet b’intenzjonijiet tajbin, imma r-​riżultat taʼ dawn l-​għażliet ikun tbatija, diżastru, jew traġedja. (Proverbji 14:12) Iva, il-​bnedmin huma limitati f’dak li jistgħu jagħmlu. Billi ta lil Adam u Eva l-​kmand biex ma jiklux mis-​siġra, Ġeħova għallimhom li kellhom jobduh biex ikollhom libertà vera. Adam u Eva xi ddeċidew li jagħmlu?

11, 12. L-​għażla li għamlu Adam u Eva għala wasslet għal diżastru? Agħti eżempju.

11 B’dispjaċir, Adam u Eva għażlu li ma jobdux lil Ġeħova. Eva għażlet li tagħti kas kliem Satana meta wiegħed: “Għajnejkom jinfetħu u tkunu bħal Alla, tagħrfu t-​tajjeb u l-​ħażin.” (Ġenesi 3:5) Wasslet l-​għażla li għamlu Adam u Eva għal iktar libertà, bħalma qal Satana? Le, ma wasslitx. Fil-​fatt huma sabu li meta ċaħdu d-​direzzjoni taʼ Ġeħova, dan wassal għal diżastru. (Ġenesi 3:16-​19) Għala? Għaliex Ġeħova ma tax lill-​bnedmin il-​libertà li jiddeċiedu għalihom infushom x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin.—Aqra Proverbji 20:24; Ġeremija 10:23.

12 Dan hu simili għal pilota li jsuq ajruplan. Sabiex jasal qawwi u sħiħ fid-​destinazzjoni tiegħu, normalment isegwi rotta approvata, billi juża l-​għodod taʼ navigazzjoni fuq l-​ajruplan u jikkomunika maʼ uffiċjali tat-​traffiku tal-​ajru. Imma jekk il-​pilota ma jsegwix id-​direzzjonijiet u jgħaddi minn fejn irid hu, dan jistaʼ jwasslu għal diżastru. Bħal dak il-​pilota, Adam u Eva riedu jagħmlu l-​affarijiet bil-​mod tagħhom. Huma ċaħdu l-​gwida t’Alla. B’liema riżultat? Diżastru! Id-​deċiżjoni tagħhom wasslet għad-​dnub u l-​mewt għalihom u għat-​tfal tagħhom kollha li ġew wara. (Rumani 5:12) Adam u Eva ma kisbux iktar libertà billi pprovaw jiddeċiedu għalihom infushom x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin. Minflok, huma tilfu l-​libertà vera li Ġeħova kien tahom.

KIF NIKSBU LIBERTÀ VERA

13, 14. Kif nistgħu niksbu libertà vera?

13 Xi nies jaħsbu li l-​aħjar hu meta jkollhom libertà bla limitu. Imma dan veru? Għalkemm hemm ħafna benefiċċji f’li wieħed ikollu l-​libertà, tistaʼ int timmaġina kif tkun id-​dinja kieku ma kien hemm limiti taʼ xejn? The World Book Encyclopedia tgħid li l-​liġijiet taʼ kull soċjetà organizzata huma komplikati għax għandhom jipproteġu u fl-​istess ħin jillimitaw il-​libertà tan-​nies. Dan mhux dejjem faċli. Għalhekk naraw daqstant liġijiet u daqstant avukati u mħallfin li jipprovaw jispjegawhom u japplikawhom.

14 Ġesù Kristu spjega kif jistaʼ jkollna libertà vera. Hu qal: “Jekk tibqgħu fil-​kelma tiegħi, tkunu tassew dixxipli tiegħi, u tkunu tafu l-​verità, u l-​verità teħliskom.” (Ġwanni 8:31, 32) Allura biex ikollna libertà vera għandna bżonn nagħmlu żewġ affarijiet. L-​ewwel, għandna bżonn naċċettaw il-​verità li Ġesù għallem. It-​tieni, għandna bżonn insiru dixxipli tiegħu. Li nagħmlu dawn l-​affarijiet jagħtina libertà vera. Imma libertà minn xiex? Ġesù qal: “Kulmin jagħmel id-​dnub hu lsir tad-​dnub.” Hu żied: “Jekk l-​Iben jeħliskom, tkunu ħielsa tassew.”—Ġwanni 8:34, 36.

15. Il-​libertà li Ġesù wiegħed għala tistaʼ tagħmilna “ħielsa tassew”?

15 Il-​libertà li Ġesù wiegħed lid-​dixxipli tiegħu hi bil-​wisq aħjar mit-​tip taʼ libertà li l-​biċċa l-​kbira min-​nies iridu llum. Meta Ġesù qal, “Jekk l-​Iben jeħliskom, tkunu ħielsa tassew,” hu kien qed jitkellem dwar libertà mill-​jasar għad-​dnub, l-​agħar tip taʼ jasar li l-​bnedmin qatt esperjenzaw. B’liema mod aħna lsiera tad-​dnub? Id-​dnub iġegħelna nagħmlu affarijiet ħżiena. Jistaʼ wkoll iżommna milli nagħmlu dak li nafu li hu tajjeb jew milli nagħmlu l-​aħjar tagħna. Ir-​riżultat hu frustrazzjoni, uġigħ, tbatija, u fl-​aħħar mewt. (Rumani 6:23) L-​appostlu Pawlu kien jaf kemm kien taʼ wġigħ li wieħed ikun ilsir tad-​dnub. (Aqra Rumani 7:21-25.) Huwa biss meta d-​dnub jitneħħa kompletament li aħna se jkollna l-​libertà vera li darba kellhom Adam u Eva.

16. Kif nistgħu nsiru ħielsa tassew?

16 L-​istqarrija taʼ Ġesù “jekk tibqgħu fil-​kelma tiegħi” turi li jekk irridu li Ġesù jeħlisna, jeħtieġ li nagħmlu ċerti affarijiet. Liema affarijiet? Bħala Kristjani dedikati, aħna ċħadna lilna nfusna u għażilna li naċċettaw il-​limiti li Ġesù għamel għad-​dixxipli tiegħu. (Mattew 16:24) Bħalma wiegħed Ġesù, aħna se nkunu verament ħelsin fil-​futur meta nirċievu l-​benefiċċji kollha tas-​sagrifiċċju bħala fidwa.

17. (a) Kif nistgħu nkunu verament ferħanin u sodisfatti? (b) X’se nitgħallmu fl-​artiklu li jmiss?

17 Sabiex inkunu verament ferħanin u sodisfatti, bħala d-​dixxipli taʼ Ġesù rridu nobdu t-​tagħlim tiegħu. Jekk nagħmlu dan, fl-​aħħar mill-​aħħar nistgħu ninħelsu għalkollox mill-​jasar għad-​dnub u l-​mewt. (Aqra Rumani 8:1, 2, 20, 21.) Fl-​artiklu li jmiss se nitgħallmu kif nistgħu nużaw b’għaqal il-​libertà li għandna issa. Imbagħad inkunu nistgħu nonoraw lil Ġeħova, l-​Alla tal-​libertà vera, għal dejjem.