Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Żgħażagħ, iffokati intom fuq miri spiritwali?

Żgħażagħ, iffokati intom fuq miri spiritwali?

“Erħi l-​ħidma tiegħek f’idejn Ġeħova u l-​pjanijiet tiegħek ikunu stabbiliti fis-​sod.”—PROVERBJI 16:3.

GĦANJIET: 89, 24

1-3. (a) F’liema sitwazzjoni qegħdin iż-​żgħażagħ kollha, u dan maʼ xiex nistgħu nqabbluh? (Ara l-​ewwel stampa.) (b) X’se jgħin lill-​Kristjani żgħażagħ f’din is-​sitwazzjoni?

IMMAĠINA li qed tippjana biex tattendi avveniment speċjali f’post ’il bogħod. Sabiex tagħmel dan il-​vjaġġ, għandek bżonn taqbad tal-​linja. Meta tasal fil-​venda, għall-​ewwel tħossok imħawwad għax hemm ħafna nies u ħafna karozzi tal-​linja. Imma b’ferħ, int taf eżattament fejn trid tmur u liema karozza għandek taqbad. Int mhux ħa taqbad xi karozza oħra, għax taf li se tieħdok fid-​direzzjoni l-​ħażina.

2 Il-​ħajja hi bħal vjaġġ, u intom iż-​żgħażagħ tistgħu titqabblu man-​nies li qegħdin fil-​venda. Xi drabi, tant ikun hemm għażliet u opportunitajiet fil-​ħajja li tistaʼ tħossok imħawwad. Imma jekk tkun taf eżattament fejn trid tmur, se jkun iktar faċli għalik li tagħmel l-​għażliet it-​tajbin. F’liema direzzjoni għandek tmur?

3 Dan l-​artiklu se jwieġeb din il-​mistoqsija u se jinkuraġġik biex tiffoka ħajtek fuq li togħġob lil Ġeħova. Dan ifisser li ssegwi l-​pariri taʼ Ġeħova f’kull deċiżjoni li jkollok tieħu fil-​ħajja, bħal liema edukazzjoni jew xogħol tagħżel jew jekk tiżżewwiġx u jkollokx tfal. U jfisser li taħdem biex tilħaq miri spiritwali, jiġifieri, miri li se jressquk eqreb lejn Ġeħova. Jekk tibqaʼ ffokat fuq li taqdi lil Ġeħova, tistaʼ tkun ċert li hu se jbierkek u se jgħinek tirnexxi.—Aqra Proverbji 16:3.

GĦALA HU TAJJEB LI TAGĦMEL MIRI SPIRITWALI?

4. X’se naraw f’dan l-​artiklu?

4 Huwa tajjeb li tagħmel miri spiritwali. Għala? Se naraw tliet raġunijiet. L-​ewwel u t-​tieni raġuni se jgħinuk tara li meta taħdem biex tilħaq miri spiritwali se tkun ħabib saħansitra aħjar taʼ Ġeħova. It-​tielet raġuni se turi għala hu tajjeb li tagħmel dawn il-​miri meta tkun għadek żgħir.

5. X’inhi l-​iktar raġuni importanti biex tagħmel miri spiritwali?

5 L-​iktar raġuni importanti għala tagħmel miri spiritwali hi biex tirringrazzja lil Ġeħova għal imħabbtu u għal dak li għamel għalina. Kittieb tas-​Salmi qal: “Tajjeb li rroddu ħajr lil Ġeħova . . . Għax int ferraħtni, O Ġeħova, bl-​attività tiegħek; minħabba xogħol idejk jien ngħajjat bil-​ferħ.” (Salm 92:1, 4) Aħseb dwar dak kollu li Ġeħova tak: il-​ħajja, il-​fidi, il-​Bibbja, il-​kongregazzjoni, u t-​tama li tgħix għal dejjem f’Ġenna tal-​art. Meta tagħmel miri spiritwali, int turi l-​gratitudni tiegħek lejn Ġeħova għal dawn l-​affarijiet kollha, u dan iressqek eqreb lejh.

6. (a) Il-​miri spiritwali kif jeffettwaw ir-​relazzjoni tiegħek maʼ Ġeħova? (b) X’inhuma xi miri li tistaʼ tagħmel meta tkun għadek żgħir?

6 It-​tieni raġuni għala tagħmel miri spiritwali hi li meta taħdem biex tilħaqhom, tkun qed tagħmel xogħol tajjeb għal Ġeħova. Dan se jressqek saħansitra eqreb lejh. L-​appostlu Pawlu wiegħed: “Alla mhux inġust biex jinsa għemilkom u l-​imħabba li wrejtu għal ismu.” (Ebrej 6:10) Qatt m’int żgħir wisq biex tagħmel il-​miri. Pereżempju, Christine kellha 10 snin meta ddeċidiet li taqra regolarment il-​bijografiji taʼ Xhieda leali. Toby kellu 12-​il sena meta għamilha mira li jaqra l-​Bibbja kollha qabel jitgħammed. Maxim tgħammed meta kellu 11-​il sena u oħtu Noemi tgħammdet taʼ 10 snin. It-​tnejn li huma għamluha mira li jaqdu f’Betel. Biex jibqgħu ffokati fuq din il-​mira, huma waħħlu applikazzjoni taʼ Betel maʼ ħajt fid-​dar tagħhom. Xi ngħidu għalik? Tistaʼ taħseb f’xi miri li int tistaʼ tagħmel u tibda taħdem fuqhom?—Aqra Filippin 1:10, 11.

Jekk tkun taf x’inhuma l-​miri tiegħek fil-​ħajja, se jkun iktar faċli li tieħu deċiżjonijiet għaqlin

7, 8. (a) Il-​fatt li tagħmel miri kif jistaʼ jagħmilha faċli biex tieħu deċiżjonijiet? (b) Waħda adoloxxenti għala għażlet li ma tmurx l-​università?

7 X’inhi t-​tielet raġuni għala hu tajjeb li tagħmel miri meta tkun għadek żgħir? Bħala żagħżugħ, int għandek ħafna deċiżjonijiet x’tieħu. Fost affarijiet oħra, trid tiddeċiedi x’edukazzjoni jew xogħol ikollok. Li tieħu deċiżjonijiet hu bħal li tagħżel it-​triq it-​tajba meta tiġi f’salib it-​toroq. Jekk tkun taf fejn int sejjer, ikun faċli tiddeċiedi liema triq taqbad. Bl-​istess mod, jekk tkun taf x’inhuma l-​miri tiegħek, se jkun iktar faċli li tieħu deċiżjonijiet għaqlin. Proverbji 21:5 jgħid: “Il-​pjanijiet tal-​ħabrieki żgur li jkunu taʼ vantaġġ għalih.” Iktar kemm tagħmel pjanijiet tajbin kmieni f’ħajtek, iktar se tirnexxi malajr. Dan hu dak li esperjenzat Damaris meta kellha bżonn tieħu deċiżjoni importanti bħala adoloxxenti.

8 Damaris kellha marki tajbin ħafna meta spiċċat l-​iskola sekondarja, u setgħet marret l-​università biex tistudja l-​liġi mingħajr ma jkollha tħallas għall-​edukazzjoni tagħha. Imma minflok, hi għażlet xogħol b’inqas paga. Għala? Għax t’età żgħira ħafna, hi ddeċidiet li kienet se tkun pijuniera. Hi tgħid: “Dan kien ifisser li naħdem part-​time. Kieku mort l-​università u ġibt degree fil-​liġi, stajt naqlaʼ ħafna flus, imma ftit li xejn kien ikolli ċans insib xogħol part-​time.” Damaris ilha 20 sena pijuniera. Tħoss hi li għamlet il-​mira t-​tajba u li ħadet id-​deċiżjoni t-​tajba meta kienet adoloxxenti? Iva. Fil-​post fejn taħdem, hi tiltaqaʼ maʼ ħafna avukati li jagħmlu x-​xogħol li setaʼ jkollha hi kieku marret l-​università. Hi tgħid li ħafna minnhom huma mdejqin ħafna bix-​xogħol li għandhom. Damaris tħoss li dawn is-​snin kollha fix-​xogħol taʼ pijunier ġabulha ħafna ferħ u għenuha tevita li tkun imdejqa bħalhom.

9. Għala aħna kburin biż-​żgħażagħ tagħna?

9 Eluf miż-​żgħażagħ tagħna madwar id-​dinja sejrin tajjeb ħafna u jistħoqqilhom jiġu mfaħħrin. Huma jpoġġu l-​ħbiberija tagħhom maʼ Ġeħova u l-​miri spiritwali tagħhom bħala l-​iktar affarijiet importanti f’ħajjithom. Dawn iż-​żgħażagħ igawdu l-​ħajja verament, u fl-​istess ħin qed jitgħallmu jsegwu d-​direzzjoni taʼ Ġeħova f’kollox, inkluż l-​edukazzjoni, ix-​xogħol, u l-​ħajja tal-​familja. Salamun qal: “Afda f’Ġeħova b’qalbek kollha.” U żied: “Agħti kasu fil-​mogħdijiet tiegħek kollha, u hu jiddrittalek triqatek.” (Proverbji 3:5, 6) Żgħażagħ, Ġeħova jħobbkom ħafna! Intom prezzjużi għalih, u hu se jipproteġikom, jiggwidakom, u jberikkom.

IPPREPARA SEW BIEX TITKELLEM M’OĦRAJN DWAR ĠEĦOVA

10. (a) Ix-​xogħol tal-​ippritkar għala għandu jkun wieħed mill-​iktar affarijiet importanti għalina? (b) Kif tistaʼ titjieb f’li tispjega t-​twemmin tiegħek?

10 Meta tiffoka ħajtek fuq li togħġob lil Ġeħova, se tkun trid titkellem m’oħrajn dwaru. Ġesù Kristu qal li “l-​ewwel trid tiġi pridkata l-​aħbar tajba.” (Marku 13:10) Allura x-​xogħol tal-​ippritkar hu urġenti u għandu jkun wieħed mill-​iktar affarijiet importanti għalina. Tistaʼ int tagħmilha mira biex tipprietka iktar spiss? Tistaʼ taqdi bħala pijunier? Imma xi ngħidu jekk ma tantx tieħu gost tipprietka? U kif tistaʼ titjieb f’li tispjega t-​twemmin tiegħek? Hemm żewġ affarijiet li se jgħinuk: Ipprepara sew, u taqtax qalbek biex tgħid lil oħrajn dak li taf dwar Ġeħova. Imbagħad għandek mnejn tkun sorpriż b’kemm tieħu gost tipprietka.

Int kif tipprepara biex titkellem m’oħrajn dwar Ġeħova? (Ara paragrafi 11, 12)

11, 12. (a) X’tistaʼ tagħmel biex tipprepara ħalli titkellem m’oħrajn dwar Ġeħova? (b) Ħu żagħżugħ kif ħa l-​opportunità biex jitkellem dwar Ġeħova fl-​iskola?

11 Ibda billi tipprepara tweġiba għal xi mistoqsijiet li jistgħu jistaqsuk l-​istudenti tal-​iskola, pereżempju, “Għala temmen f’Alla?” Fil-​websajt tagħna jw.org/mt hemm artikli li jistgħu jgħinuk twieġeb din il-​mistoqsija. Jekk tagħfas fuq TAGĦLIM TAL-​BIBBJA > ŻGĦAŻAGĦ, int se ssib eżerċizzju bit-​titlu “Għala nemmen f’Alla?” Segwi l-​passi f’dan l-​eżerċizzju biex tipprepara tweġiba fi kliemek stess. Se ssib tliet versi Bibliċi li tistaʼ tuża: Ebrej 3:4, Rumani 1:20, u Salm 139:14. Hemm ukoll eżerċizzji oħra li tistaʼ tuża biex tipprepara tweġibiet għal ħafna iktar mistoqsijiet.—Aqra l-​1 Pietru 3:15.

12 Għid lill-​istudenti tal-​iskola li jistgħu jfittxu affarijiet għalihom infushom fuq jw.org/mt. Luca hekk għamel. Dawk fil-​klassi tiegħu kienu qed jiddiskutu reliġjonijiet differenti, u Luca nnota li l-​ktieb tal-​iskola semma affarijiet dwar ix-​Xhieda taʼ Ġeħova li ma kinux veri. Għalkemm Luca kien ansjuż, hu staqsa lill-​għalliema jekk setax jgħidilhom għala dawn l-​affarijiet kienu ħżiena. Hi ħallietu jispjega dak li jemmen, u rnexxielu juri l-​websajt lill-​klassi kollha. Bħala homework, l-​għalliema qalet lill-​istudenti kollha tal-​klassi biex jaraw il-​vidjow Irbaħ lil bully mingħajr ma tuża l-​ponn. Tistaʼ timmaġina kemm kien kuntent Luca li kien tkellem dwar Ġeħova fl-​iskola?

13. Għala m’għandniex naqtgħu qalbna meta niffaċċjaw diffikultajiet?

13 Meta tiffaċċja diffikultajiet, tiskuraġġix ruħek imma kompli aħdem fuq il-​miri tiegħek. (2 Timotju 4:2) Katharina hekk għamlet. Hi kellha 17-​il sena meta għamlitha mira li tipprietka lil kull min kien jaħdem magħha. Wieħed minnhom għajjarha diversi drabi, imma ma ħallietx dan ibeżżagħha. L-​imġiba tajba tagħha impressjonat lil wieħed ieħor li kien jaħdem magħha, li jismu Hans. Hu beda jaqra l-​pubblikazzjonijiet tagħna, studja l-​Bibbja, u tgħammed. Katharina ma kinitx taf dwar dan għax sa dak iż-​żmien kienet marret tgħix post ieħor. Allura hi kienet sorpriża ħafna meta 13-​il sena wara, waqt li kienet f’laqgħa mal-​familja tagħha, il-​kelliemi tat-​taħdita pubblika kien Hans! Hi kienet kuntenta ħafna li ma kinitx qatgħet qalbha mill-​mira li tipprietka lil dawk li jaħdmu magħha.

TINSIEX IL-​MIRI TIEGĦEK

14, 15. (a) X’għandek tiftakar meta oħrajn jisforzawk biex tagħmel bħalhom? (b) X’tistaʼ tagħmel biex tibqaʼ sod meta oħrajn jisforzawk?

14 S’issa dan l-​artiklu inkuraġġiek biex tiddeċiedi li tiffoka ħajtek fuq li togħġob lil Ġeħova u tagħmel miri spiritwali. Imma ħafna żgħażagħ tamparek probabbilment jiffokaw ħajjithom fuq il-​pjaċiri, u x’aktarx se jistidnuk tagħmel bħalhom. Xi darba jew oħra se jkollok turi lil oħrajn kemm hu importanti għalik li tilħaq il-​miri tiegħek. Tħallix lil oħrajn inessuk dawn il-​miri. Kieku kont fil-​venda tal-​karozzi tal-​linja li ssemmiet fil-​bidu taʼ dan l-​artiklu, kont int sempliċiment se taqbad kwalunkwe karozza, għax in-​nies taʼ fuqha kienu qed jieħdu pjaċir? Dażgur li le!

15 Allura, x’tistaʼ tagħmel biex tibqaʼ sod meta oħrajn jisforzawk biex tagħmel bħalhom? Evita sitwazzjonijiet li taf li huma taʼ tentazzjoni. (Proverbji 22:3) Aħseb dwar il-​konsegwenzi taʼ wġigħ li jiġu milli tagħmel affarijiet ħżiena. (Galatin 6:7) U b’umiltà ammetti li għandek bżonn pariri tajbin. Ismaʼ minn dak li jgħidulek il-​ġenituri u aħwa t’esperjenza fil-​kongregazzjoni.—Aqra l-​1 Pietru 5:5, 6.

16. L-​esperjenza taʼ Christoph kif turi li hu importanti li nkunu umli?

16 L-​umiltà għenet lil Christoph jaċċetta pariri tajbin. Ftit wara li tgħammed, hu beda jmur il-​gym regolarment. Hemmhekk, żgħażagħ oħra stidnuh jingħaqad mal-​klabb tal-​isports tagħhom. Hu tkellem dwar dan m’anzjan, u l-​anzjan qallu biex jaħseb dwar xi ftit mill-​perikli, bħal li jsir kompetittiv ħafna. Christoph xorta waħda ddeċieda li jingħaqad maʼ dan il-​klabb. Imma wara ftit, hu nnota li l-​isport kien vjolenti ħafna u saħansitra perikoluż. Għal darb’oħra hu tkellem mal-​anzjani, u huma tawh parir mill-​Bibbja. Christoph jgħid, “Ġeħova bagħatli wħud li tawni pariri tajbin, u jien smajt Minnu, allavolja m’għamiltx dan mill-​ewwel.” Inti umli biżżejjed biex taċċetta pariri tajbin?

17, 18. (a) Ġeħova xi jrid għaż-​żgħażagħ illum? (b) Kif tistaʼ tevita li la tikber jiddispjaċik għall-​għażliet li tkun għamilt? Semmi esperjenza.

17 Il-​Bibbja tgħid: “Ifraħ, żagħżugħ [jew, żagħżugħa], waqt li għadek żgħir, u ħalli lil qalbek thennik f’jiem żgħożitek.” (Ekkleżjasti 11:9) Iva, Ġeħova jridek tkun ferħan meta tkun għadek żgħir. F’dan l-​artiklu, int tgħallimt li mod wieħed kif tkun ferħan hu billi tibqaʼ ffokat fuq il-​miri spiritwali tiegħek u ssegwi l-​pariri taʼ Ġeħova fil-​pjanijiet u d-​deċiżjonijiet kollha tiegħek. Iktar kemm tagħmel dan kmieni f’ħajtek, iktar se tesperjenza malajr kif Ġeħova jiggwidak, jipproteġik, u jbierkek. Aħseb dwar il-​pariri tajbin kollha li jagħtik fil-​Kelma tiegħu, u applika dan il-​parir: “Ftakar fil-​Ħallieq Grandjuż tiegħek f’jiem żgħożitek.”—Ekkleżjasti 12:1.

18 Iż-​żgħażagħ malajr jikbru u jsiru adulti. Sfortunatament, ħafna minnhom iktar tard jiddispjaċihom li jkunu għamlu miri ħżiena jew li ma kellhom l-​ebda mira meta kienu żgħar. Imma jekk tibqaʼ ffokat fuq il-​miri spiritwali tiegħek, la tikber se tkun kuntent bl-​għażliet li tkun għamilt. Mirjana hekk tħossha. Bħala adoloxxenti, kienet tajba ħafna fl-​isports. Hi saħansitra ġiet mistiedna biex tieħu sehem fil-​Logħob Olimpiku tax-​Xitwa. Minflok, għażlet li taqdi lil Ġeħova full-​time. Iktar minn 30 sena wara, hi għadha fis-​servizz full-​time, flimkien maʼ żewġha. Hi tgħid li n-​nies li jridu l-​fama, l-​unur, l-​awtorità, u l-​flus qatt ma jkunu kuntenti verament. Tgħid ukoll li l-​aħjar miri huma li taqdi lil Alla u tgħin lin-​nies isiru jafuh.

19. Għala hu tajjeb li tkun iffokat fuq miri spiritwali meta tkun għadek żgħir?

19 Intom iż-​żgħażagħ verament jistħoqqilkom tiġu mfaħħrin għax minkejja d-​diffikultajiet li tiffaċċjaw, tiffokaw fuq li taqdu lil Ġeħova. Intom tagħmlu miri spiritwali, u tagħtu prijorità kbira lix-​xogħol tal-​ippritkar f’ħajjitkom. Ukoll, ma tħallux id-​dinja tnessikom il-​miri tagħkom. Tistgħu tkunu ċerti li x-​xogħol iebes tagħkom mhuwiex għalxejn. Intom għandkom aħwa li jħobbukom u li jappoġġjawkom. Għalhekk, “erħi l-​ħidma tiegħek f’idejn Ġeħova u l-​pjanijiet tiegħek ikunu stabbiliti fis-​sod.”