Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

L-imħabba—Kwalità prezzjuża

L-imħabba—Kwalità prezzjuża

ĠEĦOVA nebbaħ lill-​appostlu Pawlu biex jikteb dwar disaʼ kwalitajiet li jiġu meta l-​ispirtu qaddis jaħdem fina. (Galatin 5:22, 23) Flimkien, dawn il-​kwalitajiet sbieħ jissejħu “l-​frott taʼ l-​ispirtu.” * (Ara n-​nota taʼ taħt.) Ukoll, dan il-​frott jagħmel parti mill-​“personalità l-​ġdida” li l-​Kristjani għandhom jilbsu. (Kolossin 3:10) Bħalma siġra tipproduċi l-​frott meta tkun imsoqqija tajjeb, persuna jkollha dawn il-​kwalitajiet sbieħ meta l-​ispirtu qaddis jaħdem bla tfixkil f’ħajjitha.—Salm 1:1-​3.

L-​ewwel kwalità li kiteb Pawlu hija l-​imħabba. Kemm hi prezzjuża din il-​kwalità? Pawlu qal li mingħajr imħabba ma kien “xejn.” (1 Korintin 13:2) Imma x’inhi l-​imħabba, u kif nistgħu niżviluppawha u nuruha kuljum?

X’INHI L-​IMĦABBA?

Għalkemm hu diffiċli ħafna biex tispjega eżattament x’inhi l-​imħabba, il-​Bibbja tiddeskrivi kif taħseb u taġixxi persuna li tħobb. Pereżempju, persuna li tħobb tkun waħda li “tistabar fit-​tul u qalbha tajba” u “tithenna bil-​verità.” Meta persuna jkollha l-​imħabba “kollox tiflaħ, kollox temmen, kollox tittama, kollox tissaporti.” Ikollha affezzjoni profonda għal oħrajn, tassew jinteressaha minnhom, u tkun ħabiba leali. Iżda meta bniedem ma jkollux l-​imħabba, dan ikun għajjur, supperv, iġib ruħu b’mod indeċenti, egoist, u ma jaħfirx. Minflok ma nuru kwalitajiet negattivi bħal dawn, aħna rridu nuru mħabba ġenwina lejn oħrajn, it-​tip taʼ mħabba li “ma tfittixx l-​interessi tagħha.”—1 Korintin 13:4-​8.

ĠEĦOVA U ĠESÙ JAGĦTUNA L-​EŻEMPJU PERFETT TAL-​IMĦABBA

“Alla hu mħabba.” (1 Ġwanni 4:8) Dan jidher mix-​xogħlijiet u l-​azzjonijiet kollha tiegħu. L-​ikbar att taʼ mħabba tiegħu lejn l-​umanità kien li jibgħat lil Ġesù fuq l-​art biex ibati u jmut għalina. L-​appostlu Ġwanni qal: “B’dan intweriet l-​imħabba t’Alla għalina, għax Alla bagħat lill-​Iben uniġenitu tiegħu fid-​dinja biex niksbu l-​ħajja permezz tiegħu. L-​imħabba qiegħda f’dan: li mhux aħna ħabbejna lil Alla, imma hu ħabbna u bagħat lil Ibnu bħala sagrifiċċju propizjatorju għal dnubietna.” (1 Ġwanni 4:9, 10) Permezz tal-​imħabba t’Alla, dnubietna jistgħu jinħafru u jistaʼ jkollna t-​tama u l-​ħajja.

Ġesù wera li ħabb lill-​umanità billi ssagrifika ħajtu biex jagħmel ir-​rieda t’Alla. L-​appostlu Pawlu jgħidilna: “B’din ir-​‘rieda’ tqaddisna permezz taʼ l-​offerta tal-​ġisem taʼ Ġesù Kristu li saret darba għal dejjem.” (Ebrej 10:9, 10) L-​ebda bniedem ma jistaʼ juri mħabba akbar minn din. Ġesù qal: “Ħadd m’għandu mħabba akbar minn din, li xi ħadd jagħti ruħu għal ħbiebu.” (Ġwanni 15:13) Jistgħu bnedmin imperfetti jimitaw l-​imħabba li Ġeħova u Ġesù wrew? Iva jistgħu! Ejja naraw kif.

“IBQGĦU MEXJIN BL-​IMĦABBA”

Pawlu jinkuraġġina: “Imitaw lil Alla, bħala wlied maħbubin, u ibqgħu mexjin bl-​imħabba, bħalma l-​Kristu wkoll ħabbkom u ta lilu nnifsu għalikom.” (Efesin 5:1, 2) Xi jfisser li ‘nibqgħu mexjin bl-​imħabba’? Ifisser li dejjem nuru mħabba. Aħna mhux sempliċement ngħidu li nħobbu lil oħrajn, imma nuruh b’dak li nagħmlu. Ġwanni kiteb: “Ulied ċkejknin, ħa ma nħobbu la bil-​kliem u lanqas bl-​ilsien, imma bl-​għemil u l-​verità.” (1 Ġwanni 3:18) Pereżempju, aħna nippritkaw “l-​aħbar tajba tas-​saltna” għax inħobbu lil Ġeħova u l-​proxxmu tagħna. (Mattew 24:14; Luqa 10:27) Aħna ‘nibqgħu mexjin bl-​imħabba’ wkoll meta nkunu paċenzjużi, qalbna tajba, u naħfru. Aħna napplikaw il-​parir tal-​Bibbja: “Bħalma Ġeħova ħafrilkom mill-​qalb, agħmlu hekk intom ukoll.”—Kolossin 3:13.

Madankollu, jekk nagħtu parir lil oħrajn jew nikkoreġuhom ma jfissirx li ma nħobbuhomx. Pereżempju, biex ma jħallux lil binhom jibki, xi ġenituri sempliċement għandhom mnejn jagħmlu kulma t-​tifel ikun irid. Imma ġenitur li verament iħobb lil ibnu se jkun sod meta jkun hemm bżonn. Bl-​istess mod, għalkemm Alla hu mħabba, hu “jiddixxiplina lil min iħobb.” (Ebrej 12:6) Allura hu att taʼ mħabba li niddixxiplinaw bix-​xieraq meta hemm il-​bżonn. (Proverbji 3:11, 12) Iżda ftakar li aħna lkoll midinbin u spiss nonqsu li nuru mħabba. Għalhekk, kollha kemm aħna nistgħu nitjiebu f’li nuru mħabba. Kif nistgħu nagħmlu dan? Ejja nikkunsidraw tliet modi.

KIF NISTGĦU NKABBRU L-​IMĦABBA?

L-​ewwel, itlob lil Alla jagħtik l-​ispirtu qaddis tiegħu, li jipproduċi l-​imħabba. Ġesù qal li Ġeħova jagħti “l-​ispirtu qaddis lil dawk li jitolbuh.” (Luqa 11:13) Allura nistgħu nibqgħu ċerti li jekk nitolbu għall-​ispirtu qaddis u nħalluh jgħinna, aħna se nibdew nuru iktar u iktar imħabba. (Galatin 5:16) Pereżempju, jekk int anzjan, tistaʼ titlob biex l-​ispirtu qaddis jgħinek turi mħabba meta jkollok tagħti parir lil oħrajn mill-​Bibbja. Jew jekk int ġenitur, tistaʼ titlob biex l-​ispirtu t’Alla jgħinek tiddixxiplina lil uliedek bl-​imħabba u mhux bir-​rabja.

It-​tieni, aħseb fil-​fond dwar kif Ġesù wera mħabba anke meta oħrajn ittrattawh ħażin. (1 Pietru 2:21, 23) Meta xi ħadd jonqsok jew tesperjenza inġustizzja, staqsi lilek innifsek, ‘Kieku Ġesù x’kien jagħmel?’ Oħt jisimha Leigh sabet li l-​fatt li tistaqsi din il-​mistoqsija lilha nfisha għenha taħseb qabel taġixxi. Hi tgħid: “Darba, waħda li taħdem miegħi bagħtet e-​mail lill-​kollegi tiegħi b’kummenti negattivi dwari u dwar ix-​xogħol li kont qed nagħmel. Dan weġġagħni ħafna. Imma mbagħad staqsejt lili nnifsi, ‘Kif nistaʼ nimita lil Ġesù biex nittratta maʼ din il-​persuna?’ Wara li rriflettejt fuq dak li kieku kien jagħmel Ġesù, iddeċidejt li nħalli l-​kwistjoni tgħaddi u ma nagħmilx plejtu dwarha. Iktar tard sirt naf li dik li taħdem miegħi kienet qed tkampa maʼ problema taʼ saħħa serja u kienet għaddejja minn ħafna stress. Ikkonkludejt li probabbilment ma ħasbitx dwar dak li kitbet. Meta rriflettejt fuq l-​eżempju taʼ Ġesù li wera mħabba anke meta ġie provokat, dan għenni nuri mħabba bħal din maʼ dik li taħdem miegħi.” Jekk nimitaw lil Ġesù, aħna dejjem se nuru mħabba lejn oħrajn.

It-​tielet, tgħallem uri mħabba mingħajr egoiżmu. Din hi t-​tip taʼ mħabba li tidentifika lis-​segwaċi veri taʼ Ġesù. (Ġwanni 13:34, 35) Ġesù stess kellu din it-​tip taʼ mħabba, u hu tana l-​eżempju perfett. Kif? Billi ħalla s-​sema, hu “xejjen lilu nnifsu” għalina, saħansitra “sal-​mewt.” (Filippin 2:5-​8) Meta nimitaw l-​imħabba mingħajr egoiżmu taʼ Ġesù, il-​ħsibijiet u l-​emozzjonijiet tagħna jsiru iktar bħal tiegħu, u se npoġġu l-​bżonnijiet t’oħrajn qabel tagħna.

BENEFIĊĊJI MILLI NURU MĦABBA

Hemm ħafna benefiċċji meta nuru mħabba. Ejja nikkunsidraw żewġ eżempji:

Kif nibbenefikaw milli nuru mħabba?

  • FRATELLANZA INTERNAZZJONALI: Minħabba l-​imħabba li għandna għal xulxin, aħna nafu li se niġu milqugħin mill-​qalb meta nżuru lil ħutna, ikunu f’liema kongregazzjoni jkunu madwar id-​dinja. X’barka li tkun taf li int maħbub mill-​“fratellanza kollha fid-​dinja”! (1 Pietru 5:9) Imħabba bħal din tinsab biss fost il-​poplu t’Alla.

  • PAĊI: ‘Li nissaportu lil xulxin bl-​imħabba’ jippermettilna ngawdu “r-​rabta li tgħaqqad tal-​paċi.” (Efesin 4:2, 3) Aħna nesperjenzaw din il-​paċi fil-​laqgħat, fl-​assembleat, u fil-​konvenzjonijiet tagħna. Ma taqbilx li atmosfera taʼ paċi bħal din hi tassew unika fid-​dinja mifruda tal-​lum? (Salm 119:165; Isaija 54:13) Meta nirsistu għall-​paċi maʼ ħutna nuru li verament inħobbuhom, u dan jogħġob lil Missierna tas-​sema.—Salm 133:1-​3; Mattew 5:9.

“L-​IMĦABBA TIBNI”

Pawlu kiteb: “L-​imħabba tibni.” (1 Korintin 8:1) Dan xi jfisser? Fl-​1 Korintin kapitlu 13, li xi wħud isejħulu s-​“Salm tal-​imħabba,” hu jispjega kif l-​imħabba tibni. L-​imħabba tfittex dak li jaqbel lil ħaddieħor. L-​imħabba jinteressaha mill-​bżonnijiet t’oħrajn. (1 Korintin 10:24; 13:5) U minħabba li tieħu ħsieb, tifhem, paċenzjuża, u qalbha tajba, hi tibni familji kollhom imħabba u kongregazzjonijiet magħqudin.—Kolossin 3:14.

Hemm ħafna modi kif nuru mħabba lejn oħrajn, imma l-​iktar imħabba taʼ valur u li tibni hi l-​imħabba tagħna għal Alla. Għala? Għaliex l-​imħabba tagħna għalih tgħaqqadna! Nies minn kull sfond, razza, u lingwa jqimu lil Ġeħova flimkien, u jaqduh “spalla maʼ spalla.” (Sofonija 3:9) Ejja nkunu determinati li nuru din il-​kwalità prezzjuża tal-​frott tal-​ispirtu qaddis t’Alla kuljum.

^ par. 2 Dan hu l-​ewwel minn disaʼ artikli li se jiddiskutu kull kwalità tal-​frott tal-​ispirtu.